MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
13.1.2014 - (2013/2995(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marie-Christine Vergiat, Alda Sousa, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0028/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(3) u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 20, 21(1) u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 13 u 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 2010 fil-Kawża C-135/08 Janko Rottman vs Freistaat Bayern,
– wara li kkunsidra d-dokument tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni tat-8 ta' Novembru 2012 bit-titolu ‘Ad-hoc Query on wealthy immigrants’,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-regoli dwar il-ksib u t-telf tan-nazzjonalità jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri; billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija valur miżjud u ma tiħux post iċ-ċittadinanza nazzjonali, iżda għadha intiża li tkun l-istatus fundamentali tan-nazzjonali tal-Istati Membri mingħajr ma għandha tiddependi mill-istatus ekonomiku;
B. billi ċ-ċittadinanza tal-UE tinkludi bosta drittijiet fosthom id-dritt li wieħed jikkontesta u jivvota fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej kif ukoll il-moviment liberu, u dawn id-drittijiet jingħataw fl-Unjoni Ewropea kollha mill-Unjoni stess;
C. billi l-moviment liberu fl-UE huwa marbut mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-Unjoni; u billi dak jingħata wkoll lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi legalment intitolati li joqogħdu u jirrisjedu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
D. billi kulħadd għandu d-dritt li jitlaq minn kwalunkwe pajjiż, inkluż pajjiżu stess, u li jirritorna f'pajjiżu; billi kulħadd għandu d-dritt għal nazzjonalità u billi ħadd m'għandu arbitrarjament jiċċaħħad min-nazzjonalità tiegħu u lanqas m'għandu jiċċaħħad mid-dritt li jbiddilha;
E. billi diversi Stati Membri reċentement adottaw miżuri biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni ta' persuni kkwalifikati ferm jew persuni b'riżorsi ekonomiċi konsiderevoli, b'mod partikolari billi jbigħu l-viżi;
F. billi Malta adottat leġiżlazzjoni biex tbigħ il-passaporti għal ammonti konsiderevoli ta' flus;
G. billi dawn il-proposti huma marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja ta' xi Stati Membri, ma' miżuri ta' awsterità u ma' objettivi ta' tnaqqis tad-defiċit u ta' dejn pubbliku enormi b'konsegwenza ta' politiki imposti mill-Unjoni; billi l-għan ta' miżuri għall-bejgħ tan-nazzjonalità huwa l-finanzjament tal-baġits pubbliċi tal-Istati Membri jew biex jiġi l-iffaċilitar tal-investiment f'dawk l-Istati Membri;
H. billi l-għoti taċ-ċittadinanza, tal-istatus ta' residenza jew ta' residenza temporanja m'għandux jiddependi mill-istatus ekonomiku u soċjali; billi d-drittijiet u l-libertajiet jingħataw lil kulħadd u għalhekk ma jistgħu jkunu l-oġġett ta' ebda tranżazzjoni finanzjarja, anke meta ssir minn stati;
I. billi l-migranti li jiġu jaħdmu u jgħixu fl-Unjoni Ewropea m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti skont l-istatus ekonomiku jew soċjali tagħhom;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni jew programmi bl-għan tal-għoti taċ-ċittadinanza, jew ta' status ta' residenza permanenti jew temporanja, unikament abbażi tal-kapaċità finanzjarja jew inkambju għal proġetti ta' investiment fl-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-prattiki jiksru l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u jikkostitwixxu diskriminazzjoni bejn il-migranti;
2. Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet marbuta magħhom, iċ-ċittadinanza u l-permessi ta' residenza permanenti jew temporanji m'għandhomx jitqiesu bħala komodità;
3. Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija status importanti mogħti lin-nazzjonali kollha tal-Istati Membri li jimplika direttament l-għoti ta' drittijiet fundamentali u joħloq obbligi għall-Istati Membri tal-UE;
4. Jikkundanna bil-qawwa dawn il-prattiki filwaqt li l-migranti li jaħdmu u jagħtu kontribut siewi lill-Unjoni Ewropea matul bosta snin jiċċaħħdu mill-opportunità li saħansitra japplikaw għaċ-ċittadinanza fl-Istati Membri li jirrisjedu fihom; jiddeplora ferm il-fatt li, filwaqt li ċ-ċittadinanza tinbiegħ lil xi migranti, oħrajn qed jirriskjaw ħajjithom sabiex jevitaw il-politiki tal-UE dwar is-sigurtà tal-fruntieri;
5. Ifakkar fl-impenn tiegħu li jiftaħ il-politiki dwar il-migrazzjoni irrispettivament min-nazzjonalità, il-proprjetà jew l-introjtu;
6. Jiddeplora l-fatt li diversi Stati Membri għadhom ma tawx iċ-ċittadinanza jew id-drittijiet tal-vot lill-persuni li waslu qabel l-1991 u lid-dixxendenti tagħhom (li jirrappreżentaw 15 % tal-popolazzjoni fil-każ tal-Latvja), u lanqas taw id-dritt tal-vot lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu regolarment fit-territorju tagħhom;
7. Jikkunsidra li l-għoti ta' ċittadinanza nazzjonali jew status ta' residenza abbażi tal-kapaċità finanzjarja jdgħajjef l-ispirtu ta' fiduċja reċiproka fi kwistjonijiet ta' ċittadinanza fost iċ-ċittadini kollha u fost il-persuni kollha li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea kif ukoll bejn l-Istati Membri, u huwa tal-fehma li dan jista' jkollu implikazzjonijiet enormi għall-moviment liberu, id-drittijiet tal-vot u l-programmi għall-eżenzjoni mill-viża li huma ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE;
8. Jistieden lill-Istati Membri kollha jqisu kif dovut il-konvenzjonijiet Ewropej u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fil-qasam tan-nazzjonalità u r-residenza permanenti jew temporanja;
9. Jitlob li jsir dibattitu usa' dwar il-prinċipji kondiviżi li għandhom jiggwidaw il-politiki tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' nazzjonalità, ċittadinanza u residenza permanenti u temporanja;
10. Jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-obbligi internazzjonali kollha tagħhom, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.