Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0030/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0030/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

13.1.2014 - (2013/2995(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Timothy Kirkhope, Roberts Zīle f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2013/2995(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0030/2014
Testi mressqa :
B7-0030/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0030/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

(2013/2995(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 5(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont it-Trattati tal-UE, kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri;

B.  billi għadd jiżdied ta' Stati Membri qed joħorġu permessi ta' residenza temporanji lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jagħmlu investimenti diretti, fosthom fil-proprjetà immobbli, fin-negozji jew permezz ta' depożiti bankarji; billi f'xi Stati Membri tista' tinkiseb residenza permanenti b'aċċess għaż-Żona Schengen kollha; u billi f'ċerti Stati Membri qed jittieħdu passi li fil-fatt jistgħu jwasslu għall-bejgħ taċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru;

C. billi fil-każ ta' programmi ta' investiment fil-proprjetà immobbli xi pajjiżi qishom qegħdin f'kompetizzjoni ma' xulxin, u dan iwassal għal tnaqqis fl-ammont minimu ta' investiment meħtieġ biex jinkisbu permessi ta' residenza;

D. billi f'xi Stati Membri programmi ta' investiment ta' dan it-tip jista' jkollhom effetti sekondarji negattivi, bħall-ħolqien ta' distorsjonijiet fis-swieq immobiljari lokali;

E.  billi ġew espressi wkoll preokkupazzjonijiet dwar il-kwalità tal-proċess ta' stħarriġ bir-reqqa u kwistjonijiet ta' sigurtà konnessi ma' dan, peress li l-entitajiet ta' infurzar tal-liġi ta' xi Stati Membri allegatament mhux dejjem ikunu jistgħu jlaħħqu sew mal-għadd jiżdied ta' talbiet għal permessi ta' residenza li jsiru permezz ta' dawn il-programmi;

F.  billi f'xi Stati Membri sehem sinifikanti mit-talbiet għal permessi ta' residenza jiġu minn nazzjonali ta' pajjiżi terzi li mhux dejjem jikkooperaw sew mal-entitajiet kompetenti ta' infurzar tal-liġi rigward l-iskambju ta' data u l-verifiki tal-preċedenti personali;

1.  Jinnota d-diversi programmi implimentati mill-Istati Membri biex jattiraw l-investiment u jirrikonoxxi l-fatt li dawn il-programmi għandhom il-potenzjal li jdaħħlu flejjes ġodda f'ekonomiji milquta mill-kriżi;

2.  Huwa tal-fehma li kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza għandhom jibqgħu l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri;

3.  Jissottolinja l-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar is-sigurtà fiż-Żona Schengen kollha u jisħaq fuq il-fatt li d-diversità tal-programmi u l-proċeduri għall-għoti ta' permessi ta' residenza implimentati fl-Istati Membri differenti għandha impatt dirett fuq l-aċċess għaż-Żona Schengen kollha kemm hi;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jżommu l-ogħla standard ta' verifiki tal-preċedenti personali sabiex ikun evitat l-abbuż minn kriminali u persuni involuti fil-ħasil tal-flus;

5.  Jinnota li kompetizzjoni kontinwa għal kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti tista' twassal għat-tnaqqis tal-istandards u r-rekwiżiti biex jinkisbu permessi ta' residenza fiż-Żona Schengen; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ta' investiment li ċ-ċittadini u l-ekonomiji tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw l-aktar minnhom;

6.  Jesprimi preokkupazzjoni rigward id-distorsjonijiet osservati f'ċerti oqsma ta' attività ekonomika f'xi Stati Membri, bħas-suq immobiljari; huwa preokkupat ukoll li ċerti Stati Membri huma partikolarment vulnerabbli għal żieda artifiċjali fil-prezzijiet tal-assi u għal kompetizzjoni inġusta fir-rigward tas-self kummerċjali, li jqiegħdu lill-popolazzjoni residenti lokali f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ u li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw tensjonijiet soċjali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri joqogħdu attenti meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam u jqisu l-effetti sekondarji possibbli;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod effikaċi ma' xulxin u ma' entitajiet relevanti tal-UE bħall-Europol sabiex jevitaw abbuż kriminali mill-programmi tagħhom għall-investituri;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja d-diversi programmi tal-Istati Membi u tanalizza r-riskji finanzjarji, kriminali u ta' sigurtà potenzjali marbuta ma' dawn il-programmi;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.