MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
13.1.2014 - (2013/2995(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Kinga Göncz, Sylvie Guillaume f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0015/2014
B7‑0031/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kull Stat Membru mistenni jaġixxi b'mod responsabbli biex jinżammu l-kisbiet u l-valuri komuni tal-Unjoni, u billi dawn il-valuri u l-kisbiet huma ta' valur kbir u ma jistax ikollhom prezz marbut magħhom;
B. billi għadd ta' Stati Membri introduċew skemi li, b'mod dirett jew indirett, jirriżultaw fil-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi, anke mingħajr rekwiżit ta' residenza;
C. billi għadd jiżdied ta' Stati Membri qed joħorġu permessi ta' residenza temporanji jew permanenti lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jagħmlu investimenti f'dak l-Istat Membru;
D. billi f'xi Stati Membri tista' tinkiseb residenza permanenti b'aċċess għaż-Żona Schengen kollha kemm hi; u billi f'ċerti Stati Membri qed jittieħdu passi li fil-fatt jistgħu jwasslu għall-bejgħ taċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru;
E. billi f'xi każijiet dawn il-programmi ta' investiment jista' jkollhom effetti sekondarji negattivi, bħal distorsjonijiet fis-suq immobiljari lokali;
F. billi xi skemi nazzjonali li jinvolvu l-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE jdgħajfu l-fiduċja reċiproka li fuqha hija msejsa l-Unjoni;
G. billi ċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari, għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu fl-UE b'mod liberu, speċjalment fiż-Żona Schengen, li jikkontestaw l-elezzjonijiet u jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħan-nazzjonali, u li jkunu megħjuna minn ambaxxata jew konsulat ta’ pajjiż ieħor tal-UE barra l-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin ta’ dak il-pajjiż, jekk pajjiżhom stess ma jkunx rappreżentat;
H. billi l-UE hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, mibnija fuq snin ta' ħidma gradwali u rieda tajba min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll min-naħa tal-Unjoni kollha kemm hi;
I. billi tqajjem ukoll tħassib dwar abbuż kriminali ta' dawn il-programmi ta' investiment, inklużi kwistjonijiet bħall-ħasil ta' flus;
J. billi jeżisti tħassib rigward diskriminazzjoni possibbli minħabba l-fatt li dawn il-prattiki mill-Istati Membri jippermettu biss lin-nazzjonali l-aktar sinjuri ta' pajjiżi terzi jakkwistaw iċ-ċittadinanza tal-UE, mingħajr ma jiġu meqjusa kriterji oħra;
K. billi ċ-ċittadinanza ma tfissirx biss drittijiet, iżda tfisser ukoll responsabbiltajiet;
L. billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-akbar kisbiet tal-UE u billi, skont it-Trattati tal-UE, il-kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri;
1. Huwa mħasseb li dan il-mod kif tinkiseb iċ-ċittadinanza tal-UE f'diversi Stati Membri jdgħajjef il-kunċett innifsu taċ-ċittadinanza Ewropea;
2. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jirrispettaw ir-responsabbiltajiet li għandhom fil-ħarsien tal-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tiddikjara b'mod ċar jekk dawn l-iskemi jirrispettawx l-ittra u l-ispirtu tat-Trattati u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;
4. Itenni li l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-prinċipju ta' "koperazzjoni leali" bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li, b'rispett reċiproku sħiħ, għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joriġinaw mit-Trattati;
5. Jesprimi tħassib dwar il-konsegwenzi ta' wħud mill-iskemi ta' investiment u ċittadinanza li reċentement ġew stabbiliti minn diversi Stati Membri tal-UE;
6. Jirrikonoxxi li kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma l-kompetenza tal-Istati Membri, iżda jistieden lill-Istati Membri joqogħdu attenti meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam billi dan jaffettwa lil Stati Membri oħra;
7. Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-UE timplika li wieħed ikollu sehem fl-Unjoni u tiddependi fuq ir-rabtiet tal-persuna mal-Ewropa jew mal-Istati Membri tagħha jew fuq rabtiet personali ma' ċittadini tal-UE; ifakkar li ċ-ċittadinanza tal-UE m'għandha qatt issir komodità negozjabbli;
8. Jissottolinja l-fatt li d-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-UE huma bbażati fuq id-dinjità tal-bniedem u m'għandhom jinxtraw jew jinbiegħu għall-ebda prezz;
9. Jenfasizza li l-aċċess għall-fondi m'għandux ikun il-kriterju ewlieni fl-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-preokkupazzjonijiet ta' attivitajiet kriminali relatati mal-frodi bħall-ħasil tal-flus;
10. Jinnota li kompetizzjoni kontinwa għal kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti jew riżorsi finanzjarji tista' twassal għal tnaqqis tal-istandards u r-rekwiżiti biex jinkisbu permessi ta' residenza taż-Żona Schengen u ċ-ċittadinanza tal-UE;
11. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tevalwa d-diversi skemi ta' ċittadinanza fid-dawl tal-valuri Ewropej u l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-UE u toħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex tiddefinixxi kriterji u linji gwida tal-UE għal aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE permezz ta' skemi nazzjonali sabiex tħares il-valur tal-Unjoni Ewropea bħala komunità ta' valuri;
12. Jistieden lill-Istati Membri li adottaw skemi nazzjonali li jippermettu l-bejgħ dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi biex jallinjawhom mal-ispirtu tal-valuri tal-UE;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.