MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel
13.1.2014 - (2014/2512(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Véronique De Keyser, Ricardo Cortés Lastra, Ana Gomes, Norbert Neuser, Tanja Fajon, Liisa Jaakonsaari, Pino Arlacchi f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0018/2014
B7‑0032/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b'mod partikulari dik tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-"bini tal-istat" fis-Sudan t'Isfel[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni, Catherine Ashton, tat-2 ta’ Jannar 2014 u tal-24 ta' Diċembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tal-20 ta' Diċembru 2013 mid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2132(2013) tal-24 ta' Diċembru 2013 u r-riżoluzzjoni 2126(2013) tal-25 ta' Novembru 2013 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra t-taħditiet dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, imsejħa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà (KPS) tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fil-laqgħa tiegħu f'Banjul tat-30 ta' Diċembru 2013, u mis-Summit tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) li sar f'Najrobi fis-27 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,
– wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fl-istqarrija maħruġa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012, li hu appoġġat kompletament mill-UE,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa f'isem l-Unjoni Afrikana mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Dr Nkosazana Dlamini-Zuma, fl-4 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Eżekuttiv tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) tad-19 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitti armati bejn il-gruppi etniċi fis-Sudan t'Isfel bdew fil-15 ta' Diċembru 2013 u l-vjolenza qed tiżdied b'mod drammatiku, u dan wassal għal sitwazzjoni li sejra għall-agħar u għal kriżi umanitarja fuq skala kbira;
B. billi l-kriżi faqqgħet meta l-President Kiir iddikjara li suldati leali lejn Riek Machar, il-Viċi President preċedenti li tneħħa mill-kariga f'Lulju, nedew tentattiv ta' kolp ta' stat; billi l-President Kiir jappartjeni għall-grupp etniku Dinka u Machar għall-grupp Lou Nuer, u l-kunflitt qed jiġi kkaratterizzat dejjem aktar minn rapporti ta' vjolenza mmirata lejn il-gruppi etniċi;
C. billi skont in-NU, kważi 1 000 ruħ inqatlu u aktar minn 200 000 ċivili ġew spustati mill-kunflitt minn erba' Stati, li huma Central Equatoria, Jonglei, Unity u Upper Nile; billi l-għadd ta' persuni mis-Sudan t'Isfel li qed ifittxu kenn f'pajjiżi ġirien żdied għal madwar 22 610, li madwar 13 000 minnhom qasmu lejn Uganda wara l-15 ta' Diċembru, filwaqt li 5 290 refuġjat ieħor waslu fl-Etjopja;
D. billi anke qabel il-vjolenza armata ta' Diċembru 2013, kien stmat li 3.1 miljun ruħ kienu jeħtieġu għajnuna umanitarja;
E. billi l-ġlied attiv jippreżenta sfida ewlenija dwar l-aċċess għal operazzjonijiet ta' rispons umanitarju; billi l-aċċess għall-ikel għadu limitat għal persuni madwar il-pajjiż, u hija meħtieġa distribuzzjoni ta' provvisti bażiċi ta' ikel u nutrizzjoni b'mod speċjali f'Bor u Bentiu; billi l-vjolenza u l-ispustar irriżultaw f'telf ta' qligħ tal-għajxien, b'mod partikolari affettwaw is-sorsi tal-ikel, u eventwalment dan jista' jirriżulta fi kriżi ta' nutrizzjoni;
F. billi skont in-NU, qed jonqsu l-provvisti ta' sokkors disponibbli għal xi 62 000 persuna li sabu refuġju fil-binjiet tan-NU fis-Sudan t'Isfel; billi hemm theddid ta' kolera u ħożba u hemm ħtieġa urġenti għal servizzi bażiċi tal-kura tas-saħħa, ilma nadif u kundizzjonijiet sanitarji aħjar;
G. billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-IGAD; billi l-waqfien mill-ġlied, il-ftuħ ta' passaġġi umanitarji, il-kwistjoni ta' priġunieri politiċi u l-protezzjoni ta' ċivili se jkunu fl-aġenda ewlenija tat-taħditiet;
H. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà għadha allarmanti minkejja t-taħditiet kontinwi favur il-paċi, bi ġlied kontinwu f'għadd ta' postijiet fis-Sudan t'Isfel, inkluż madwar Bor fl-Istat ta' Jonglei u f'żoni fl-Istati ta' Unity u Upper Nile;
I. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta riżoluzzjoni li permezz tagħha se jintbagħtu rinforzi fil-forma ta' 5 500 truppa u 440 uffiċjal tal-pulizija sabiex jiżdiedu l-livelli ta' forza ġenerali tal-missjoni tal-NU fis-Sudan t'Isfel;
J. billi l-Kummissjoni qed tappoġġa azzjonijiet li jsalvaw il-ħajja, bi kważi EUR 160 miljun f'għajnuna umanitarja allokati fl-2012/2013; billi qed tagħmel disponibbli wkoll EUR 50 miljun fl-2014 biex tirrispondi għall-kriżi umanitarja li qed tinfirex u tintensifika fil-pajjiż;
K. billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) nieda appell konsolidat għal USD 166 miljun biex jirrispondi għall-kriżi u jgħin bejn wieħed u ieħor 628 000 ruħ minn Jannar sa Marzu 2014;
L. billi l-aġenziji tal-għajnuna nedew il-Pjan ta' Rispons għall-Kriżi fis-Sudan t'Isfel fil-31 ta' Diċembru 2013, u qed jippruvaw jiġbru USD 209 miljun sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kriżi attwali;
M. billi 11-il politikant ġew arrestati fis-Sudan t'Isfel; billi dawk arrestati mingħajr akkużi jinkludu Pagan Amum, Segretarju Ġenerali tal-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fil-gvern;
N. billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet żewġ mandati ta' arrest kontra l-President al-Bashir, bl-akkużi li huwa responsabbli għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u atti ta' ġenoċidju mwettqa mill-forzi Sudaniżi u mill-milizja Janjaweed li hija alleata tagħhom f'Darfur, is-Sudan;
O. billi s-Sudan t'Isfel huwa nieqes minn servizzi bażiċi bħal ilma nadif, faċilitajiet sanitarji u servizzi tas-saħħa; billi wieħed minn kull sebat itfal imutu qabel ma jagħlqu ħames snin u tqala waħda minn sitta tirriżulta fil-mewt tal-omm, filwaqt li aktar minn 20 % tal-popolazzjoni huma nieqsa min-nutrizzjoni, u epidemiji fatali huma frekwenti u jinfirxu faċilment; billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel huwa theddida għal aktar minn miljun ruħ kull sena;
P. billi l-bini tal-istat u t-tegħlib tal-fraġilità jeħtieġu prospettiva fit-tul kif ukoll impenn deċiż, prevedibbli u stabbli min-naħa tal-komunità internazzjonali;
Q. billi s-Sudan t'Isfel huwa dipendenti ħafna fuq il-produzzjoni taż-żejt u bħalissa huwa dipendenti għalkollox fuq is-Sudan fir-rigward ta' esportazzjonijiet, sitwazzjoni li mhijiex vijabbli ekonomikament iżda sservi wkoll bħala għodda li tagħmel pressjoni fuq il-pajjiż il-ġdid, b'hekk tikkawża aktar tensjonijiet;
R. billi l-produzzjoni taż-żejt fis-Sudan t'Isfel naqset b' 45 000 barmil kuljum għal 200 000 barmil kuljum wara li ngħalqu l-bjar taż-żejt fl-Istat ta' Unity, fit-Tramuntanatal-pajjiż, minħabba l-ġlied;
1. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu minħabba ż-żieda reċenti ta' vjolenza fis-Sudan t'Isfel, li qed ikollu konsegwenzi serji umanitarji, politiċi, ekonomiċi, soċjali u ta' sigurtà f'pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli, u jista' jiddestabbilizza r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-aħħar tfaqqigħa ta' ġlied fis-Sudan t'Isfel u jappella lill-partijiet kollha jċedu l-armi tagħhom u jtemmu minnufih il-vjolenza li kkawżat imwiet, persuni midruba u ħsara għall-popolazzjoni ċivili u spustat aktar minn 200 000 ruħ wara l-bidu tal-kriżi f'Diċembru 2013;
3. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll biex ikun hemm ftehim għall-aċċess u l-protezzjoni tal-aġenziji umanitarji li qed jgħinu lill-popolazzjoni ċivili f'diffikultà u għall-ftuħ ta' passaġġi umanitarji għall-kunsinna ta' provvisti u tagħmir; jappella lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fil-pajjiż jippermettu titjiriet għat-tiġdid tal-provvisti fil-bażijiet tagħhom;
4. Jappoġġa bis-sħiħ in-negozjati li għaddejjin bħalissa f'Addis Ababa għal waqfien mill-ġlied immedjat u biex tinstab soluzzjoni għal paċi u stabbiltà dejjiema; jistieden lill-Gvern u r-ribelli jimpenjaw ruħhom f'taħditiet politiċi inklużivi, olistiċi, bla kundizzjoni u b'rieda tajba għall-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati; jilqa' l-isforzi tal-Unjoni Afrikana u tal-IGAD fil-promozzjoni ta' djalogu inklużiv u ta' medjazzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien tas-Sudan t'Isfel jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun;
6. Jistieden lill-partijiet kollha biex minnufih itemmu l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jaffettwaw ir-refuġjati u l-persuni spustati, in-nisa u l-persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, kif ukoll ġurnalisti, u jitlob li dawk involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-vjolenza sesswali, jinżammu responsabbli ta' għemilhom;
7. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li tiġi stabbilita kummissjoni sabiex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra u biex tirrakkomanda modi u mezzi sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċifikazzjoni fost il-komunitajiet kollha;
8. Jisħaq fuq l-importanza ta' sforz imġedded mill-Gvern tas-Sudan t'Isfel u l-imsieħba internazzjonali tiegħu biex ikomplu d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-gruppi armati u jwettqu riforma usa' tas-settur tas-sigurtà;
9. Jiddispjaċih rigward id-deċizjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE li ttemm il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan/Sudan t'Isfel, minħabba l-irvellijiet politiċi fis-Sudan u l-kunflitti armati; iqis li mingħajr Rappreżentant Speċjali tal-UE maħtur għas-Sudan/Sudan t’Isfel, l-UE se titwarrab fin-negozjati u fl-isforzi internazzjonali; jistieden, għalhekk, lir-Rappreżentant Għoli tbiddel id-deċiżjoni tagħha u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali għas-Sudan/Sudan t'Isfel;
10. Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u r-reġjun, u b'mod partikolari tindirizza n-nuqqasijiet serji li jaffettwaw l-għajnuna tal-ikel, ir-rifuġju ta' emerġenza u l-protezzjoni;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru investimenti importanti fl-infrastrutturi, fl-għoti tas-servizzi bażiċi u fl-iżvilupp agrikolu fis-Sudan t'Isfel;
12. Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jintroduċi r-riformi politiċi u ekonomiċi neċessarji sabiex jipprovdi soluzzjonijiet għall-problemi tal-pajjiż ta' ġestjoni ħażina, faqar kroniku, livelli li qed jiżdiedu ta' korruzzjoni u nuqqas ta' sigurtà;
13. Iħeġġeġ lis-Sudan t'Isfel jirratifika l-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-Istati AKP, sabiex jippermetti impenn fit-tul tal-UE favur l-iżvilupp tas-Sudan t'Isfel;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0546.