Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0051/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0051/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar deċiżjonijiet reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI

15.1.2014 - (2014/2517(RSP))

imressqa b'talba biex tiddaħħal fl-aġenda ta' dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt
skont l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Philippe Boulland, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Sari Essayah, Krzysztof Lisek, Seán Kelly, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE <<<


Proċedura : 2014/2517(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0051/2014
Testi mressqa :
B7-0051/2014
Testi adottati :

B7‑0051/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar deċiżjonijiet reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI

(2014/2517(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, li jenfasizzaw li n-nisa kollha għandhom d-dritt li jikkontrollaw u jiddeċiedu b'mod ħieles u responsabbli dwar kwistjonijiet relatati mas-sesswalità tagħhom mingħajr ma jġarrbu sfurzar, stigmatizzazzjoni u vjolenza,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/17/19 tas-17 ta’ Ġunju 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

–   wara li kkunsidra d-diskussjonijiet tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet globali taċ-ċittadini tad-dinja LGBT, diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u vjolenza,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU Navi Pillay lill-bord dwar il-qerda tal-vjolenza u diskriminazzjoni kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom u l-identità tal-ġeneru tagħhom,

–   wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou), u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem f’dan il-Ftehim, b'mod partikolari l-Artikoli 8(4) u 9,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet universali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-individwi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-bqija tad-dinja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-Uganda: l-hekk imsejjaħ “Abbozz ta' Liġi tal-Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Uganda: il-qtil ta' David Kato[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-Nazzjonijiet Uniti[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersess (LGBTI) fl-Afrika[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi kull bniedem jitwieled ħieles u b’dinjità u drittijiet indaqs; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jevitaw il-vjolenza u l-istigmatizzazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;

B.  billi d-drittijiet tal-persuni LGBTI huma l-istess drittijiet tal-bniedem bħal dawk tan-nisa u l-irġiel kollha, li jridu jiġu mħarsa irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru;

C. billi fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Parlament tal-Uganda adotta l-“Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità”, li jikkastiga l-appoġġ għad-drittijiet tal-persuni LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa seba' snin, in-nuqqas ta' denunzja ta' persuna LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa tliet snin, u “reċidivi” jew dawk misjuba pożittivi għall-HIV bi priġunerija għall-ħajja; u billi relazzjonijiet konsenswali bejn persuni tal-istess sess huma kriminalizzati fl-amibitu tat-Taqsima 145 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda;

D. billi fis-17 ta' Diċembru 2013, is-Senat Niġerjan adotta l-“Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwiġijiet bejn Persuni tal-Istess Sess”, li jikkastiga lill-persuni li qegħdin f'relazzjoni ma' persuna oħra tal-istess sess bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa 14-il sena, u persuni li jafu b'persuni li qegħdin f'relazzjoni ma' persuna oħra tal-istess sess, jew imexxu bars, organizzazzjonijiet jew laqgħat għall-LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa 10 snin;

E.   billi fil-11 ta' Diċembru 2013, il-Qorti Suprema Indjana irrevokat sentenza tal-Qorti Suprema ta' Delhi tal-2009 li Taqsima 377, liġi tal-era kolonjali li tagħmel l-omosesswalità llegali, kienet tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-Kostituzzjoni Indjana, u b'hekk l-omosesswalità reġgħet ġiet kriminalizzata u kkastigata bi priġunerija għall-ħajja;

F.  billi d-Duma Russa reċentament adottat leġiżlażżjoni li tipprojbixxi l-propaganda ghal “relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali”,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex joqogħdu għassa għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi;

2.  Jiddenunċja l-inkoraġġiment għall-mibegħda u l-vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; jistieden lill-pajjiżi msemmija hawn fuq biex b'mod effikaċi jżommu d-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-persuni LGBTI, u biex jikkundannaw l-atti kollha ta' vjolenza, stigmatizzazzjoni u umiljazzjoni kontrihom;

3.  Jistieden lill-President tal-Uganda ma jiffirmax l-“Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità” u b'hekk ma jgħaddix bħala liġi u jirrevoka Taqsima 145 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda;

4.  Jistieden lill-President tan-Niġerja ma jiffirmax l-“Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwiġijiet bejn Persuni tal-Istess Sess” u b'hekk ma jgħaddix bħala liġi u jirrevoka Taqsimiet 214 u 217 tal-Kodiċi Penali Niġerjan;

5.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Gvern Indjan li jitlob lill-Qorti Suprema biex tirrevedi s-sentenza tagħha, peress li tikser il-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza; jistieden lill-Parlament Indjan jabolixxi t-Taqsima 377 jekk kemm il-darba l-Qorti Suprema tonqos milli tirrevedi s-sentenza tagħha;

6.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi negattivi tal-adozzjoni tal-liġi federali fir-Russja dwar il-projbizzjoni tal-propaganda għal “relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali”, li żżid id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-individwi LGBTI, kif ukoll tillimita l-moviment liberu tagħhom fir-Russja u lejn ir-Russja; jistieden, għalhekk, lir-Russja tirrevedi l-leġiżlazzjoni tagħha;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Presidenti u lill-Parlamenti tal-Uganda, in-Niġerja, l-Indja u r-Russja.