Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0148/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0148/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

4.2.2014 - (2014/2532(RSP))

Biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fiorello Provera, Lorenzo Fontana, Mara Bizzotto, Rolandas Paksas, Juozas Imbrasas, Jaroslav Paška, Nikolaos Salavrakos, Jacek Włosowicz, Tadeusz Cymański f'isem il-Grupp EFD <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0145/2014

Proċedura : 2014/2532(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0148/2014
Testi mressqa :
B7-0148/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0148/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2014/2532(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti kontraenti,

–       – wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali maħruġa mill-Eġittu fit-8 ta' Lulju 2013, li tipproponi pjan direzzjonali għal emendi kostituzzjonali u elezzjonijiet ġodda,

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet dwar l-Eġittu mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-11 ta' Jannar, tad-19 ta' Jannar u tal-24 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi f'Settembru 2013 qorti Eġizzjana pprojbixxiet l-Aħwa Musulmani, filwaqt li l-gvern interim, appoġjat mill-forzi militari, b'segwitu tal-attakk bil-bombi fuq il-belt ta' Mansoura f'Diċembru 2013, iddikjara bħala grupp terroristiku lill-moviment;

B.     billi fl-24 ta' Jannar 2014 erba' attakki bil-bombi qatlu tal-anqas sitta min-nies fil-Kajr u fil-madwar, u billi l-grupp terroristiku Ansar Bayt al-Maqdis ħa r-responsabilità għal dawn l-attakki; billi l-istess grupp terroristiku ħa r-responsabilità għat-twaqqigħ ta' ħelikopter militari fil-peniżola Eġizzjana tas-Sinaj fil-25 ta' Jannar 2014, li fih inqatlu ħamsa min-nies;

C.     billi f'referendum fl-14 ta' Jannar 2014 dwar Kostituzzjoni ġdida għall-Eġittu, 38 % tal-Eġizzjani ħarġu jivvutaw, b'maġġoranza ta' 98 % jivvutaw favur il-kostituzzjoni; billi l-ġlied li nqala' waqt l-elezzjoni wassal għall-mewt ta' mill-anqas 10 min-nies u ħalla 29 ruħ midruba;

D.     billi tal-anqas 49 ruħ sfaw maqtula, 247 sfaw midruba u 1 000 ruħ kienu arrestati waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tielet anniversarju tar-rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar 2011.

E.     billi fil-31 ta' Jannar 2014 il-forzi tas-sigurtà Eġizzjani, bi tweġiba għall-attakki terroristiċi, qatlu 13-il ġellied ispirati mill-Al-Qaida fil-peniżola tas-Sinaj, filwaqt li erba' suldati sfaw maqtula u 9 oħra midruba f'attakk fuq xarabank fis-Sinaj fis-26 ta' Jannar 2014;

F.     billi fit-28 ta' Jannar 2014 irġiel armati qatlu lill-Ġeneral Mohamed Saeed, kap tal-uffiċċju tekniku tal-Ministeru tal-Intern, quddiem daru fil-Kajr;

G.     billi l-President interim Adly Mansour talab lill-Prosekutur Ġenerali jirrieżamina l-każijiet ta' dawk detenuti, partikolarment l-istudenti universitarji, u biex jeħles lil kull min dwaru ma kienx hemm provi li wettaq reat;

H.     billi l-Insara Kopti Eġizzjani sfaw vittmi ta' għadd numeruż ta' attakki u aktar minn mitt knisja, dar u negozji kienu fil-mira ta' attakki, u sikwit dawk responsabbli ma tressqux quddiem il-ġustizzja;

I.      billi fit-23 ta' Jannar 2014 il-President interim Mansour ħareġ digriet li stipula li l-Kummissjoni Għolja għall-Elezzjonijiet għandha tniedi proċeduri li jwasslu għall-elezzjonijiet presidenzjali fi żmien 30 sa 90 jum mir-ratifika tal-kostituzzjoni u l-votazzjoni għall-president hija mistennija li sseħħ lejn l-aħħar ta' April, filwaqt li l-elezzjonijiet parlamentari huma mistennija li jseħħu qabel l-aħħar ta' Lulju;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha terroristiċi u vjolenti li seħħew fl-Eġittu u li wasslu għall-mewt ta' għexieren ta' ċittadini;

2.      Jikkundanna l-ġlied vjolenti li seħħ waqt ir-referendum dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu u fil-jiem ta' wara, u jtenni li t-talbiet politiċi għandhom jiġu magħmula fi ħdan qafas legali;

3.      Jappella għal investigazzjonijiet immedjati, indipendenti u imparzjali dwar l-imwiet ta' persuni ċivili, u sabiex ir-riżultati tagħhom jiġu ppubblikati u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja skont standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

4.      Jirrikonoxxi l-ammont kbir ta' eletturi li ħarġu jivvutaw fir-referendum dwar l-abbozz tal-kostituzzjoni, u jappoġġja l-awtoritajiet li organizzaw il-proċess ta' votazzjoni;

5.      Jilqa' l-fatt li l-kostituzzjoni tagħti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-assemblea u d-drittijiet tan-nisa, kif ukoll il-fatt li l-leġiżlazzjoni trid tikkonforma mal-kostituzzjoni l-ġdida u li d-dispożizzjonijiet tagħha se jiġu implimentati bis-sħiħ u b'ħeffa;

6.      Japprova l-pjan direzzjonali kostituzzjonali tal-Eġittu u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jħarsu l-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni kemm qabel kif ukoll wara l-perjodu elettorali li riesaq;

7.      Jilqa' l-ħelsien ta' 13-il ġurnalist u impjegati li kienu ġew akkużati li xandru aħbarijiet foloz biex jinċitaw il-vjolenza kontra l-pulizija u l-armata;

8.      Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeżaminaw mill-ġdid il-każijiet ta' dimostranti arrestati u jeħilsu lil dawk li ma wettqux reati jew azzjonijiet ipprojbiti mil-liġi;

9.      Jistieden lill-awtoritajiet japprovaw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokratizzazzjoni u l-libertà tar-reliġjon, u biex iħarsu l-minoranza tal-Insara Kopti u popolazzjonijiet oħrajn vulnerabbli bħall-Baha'is u l-Musulmani Xi'iti;

10.    Jappoġġja lill-Eġittu fi triqtu lejn id-demokrazija u fl-objettiv tiegħu li jikseb stabilità, kemm fil-konfini tiegħu kif ukoll mal-ġirien tiegħu, partikolarment mal-istat ta' Iżrael;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.