Proċedura : 2014/2533(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0150/2014

Testi mressqa :

B7-0150/2014

Dibattiti :

PV 05/02/2014 - 18
CRE 05/02/2014 - 18

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2014 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0101

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 144kWORD 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0150/2014
4.2.2014
PE527.350v01-00
 
B7-0150/2014

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Summit UE-Russja (2014/2533(RSP))


Guy Verhofstadt, Kristiina Ojuland, Leonidas Donskis, Graham Watson, Louis Michel, Sophia in ‘t Veld, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Ramon Tremosa i Balcells, Sarah Ludford, Alexander Graf Lambsdorff f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Summit UE-Russja (2014/2533(RSP))  
B7‑0150/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar ir-Russja, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(1), tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja(2), tat-13 ta' Diċembru 2012 li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-ftehim ġdid UE-Russja(3), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(4), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f'Vilnius)(5), tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta’ Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b’mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina(6),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid UE-Russja,

–       wara li kkunsidra l-objettivi u l-impenji tal-UE u r-Russja skont is-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li bdiet f'Rostov-on-Don fl-1 ta' Ġunju 2010,

–       wara li kkunsidra r-riżultati tas-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE tibqa’ impenjata li tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja, u billi l-UE u r-Russja diġà stabbilixxew relazzjonijiet profondi u komprensivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija, tal-ekonomija u tan-negozju, u saru marbutin mill-qrib u reċiprokament interdipendenti fl-ekonomija globali;

B.     billi s-Summit UE-Russja tat-28 ta’ Jannar 2014 tnaqqas għal laqgħa ristretta ta’ tliet sigħat li iffukat fuq għadd limitat ta’ kwistjonijiet, fatt li jirrifletti d-deterjorament fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, l-aktar minħabba l-pressjoni tar-Russja fuq is-Sħab tal-Lvant;

C.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jibqgħu jgħassu u jħarsu l-prinċipji democratici u l-istat tad-dritt fid-dinja, b’mod partikulari f’pajjiż ġar importanti bħar-Russja, li, permezz tas-sħubija tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa, impenjat ruħha li taqsam u tirrispetta l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għall-valuri fundamentali;

D.     billi impenji u obbligi simili joħorġu mis-sħubija tar-Russja fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u billi l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-istat tad-dritt huwa appoġġat fil-pajjiż;

E.     billi, mill-1 ta' Diċembru 2013, qed tiġi ttrasferita data dwar Informazzjoni minn Qabel ta' Passiġġieri (API) minn trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet Russi, u billi mill-1 ta' Lulju 2014 l-awtoritajiet Russi se jitolbu data sħiħa tal-passiġġieri u tal-persunal għal titjiriet li jgħaddu minn fuq it-territorju Russu; billi l-awtoritajiet Russi għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema sħiħa ta' ġbir ta' Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri; billi d-data API tista' tintuża mill-awtoritajiet Russi biex jidentifikaw ċittadini tal-UE li jistgħu jikkritikaw l-awtoritajiet Russi matul il-Logħol Olimpiku f'Sochi;

F.     billi hemm tħassib serju dwar żviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, ir-rispett għal prinċipji demokratiċi bażiċi u elezzjonijiet skont ir-regola, il-libertà tal-istampa u tal-midja, kif ukoll il-libertà ta’ għaqda;

G.     billi ċ-ċittadini tal-UE li qed jipparteċipaw jew isegwu l-Logħob Olimpiku huma soġġetti għal sorveljanza komprensiva permezz tal-interċettazzjoni u ż-żamma tal-komunikazzjonijiet kollha; billi l-Kummissjoni tqis li kull Stat Membru għandu jinforma liċ-ċittadini tiegħu dwar il-programmi ta' sorveljanza tal-massa madwar Sochi, iżda madankollu jidher li l-ebda Stat Membru ma għamel dan;

H.     billi r-Russja imponiet serje ta’ sanzjonijiet immirati kontra l-pajjiżi ġirien qabel is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus f’Novembru 2013, imfassla biex iddgħajjef l-impenn ta' dawn il-pajjiżi milli jiffirmaw jew jersqu lejn ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ reġimi ta' kummerċ ħieles mal-UE;

I.      billi l-adozzjoni ta’ liġijiet dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi u l-iffinanzjar tal-NGOs, tal-liġi diskriminatorja kontra l-LGBTI li tipprojbixxi "propaganda ta’ relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali", li tqabbel l-omosesswalità mal-pedofelija, ta’ liġijiet dwar id-dritt ta’ assemblea, l-estremiżmu u l-malafama, u ta’ restrizzjonijiet li jiffiltraw l-internet, tat kontribut b’mod sinifikanti għad-deterjorament tal-klima fir-rigward tal-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili ġenwina fir-Russja u ġiet użata biex tagħti fastidju lill-NGOs, lill-oppożizzjoni demokratika u lill-midja;

J.      billi l-awtoritajiet Russi żiedu l-attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa fid-dawl tal-Logħob Olimpiku f'Sochi permezz tat-tisħiħ tal-programm ta' sorveljanza SORM (Sistema ta' Miżuri Operattivi-Investigattivi); billi m'hemmx sorveljanza demokratika jew ġudizzjarja effettiva fis-seħħ fil-konfront ta' attivitajiet ta' sorveljanza mill-awtoritajiet Russi; billi ġie kkonfermat mill-Qorti Suprema Russa li l-programm SORM jista' jintuża biex wieħed joqgħod jissamma' individwi li jikkritikaw il-gvern, bħallikieku dawn kienu jipparteċipaw f'"azzjonijiet estremisti";

1.      Jinnota li l-format ridott tas-Summit UE-Russja jirrifletti sew is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, li jippermetti skambju pragmatiku dwar kwistjonijiet topiċi, filwaqt li jissimbolizza wkoll l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħha bħalissa l-kooperazzjoni UE-Russja; jissuġġerixxi li s-Summits UE-Russja jsiru darba fis-sena minflok kull sentejn skont il-format attwali;

2.      Jissottolinja l-fatt li l-istabilità politika u ekonomika u l-iżvilupp tar-Russja fuq perjodu ta' żmien medju u twil jiddependu fuq l-introduzzjoni ta' demokrazija vera u jisħaq li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja se jiddependi fuq l-isforzi li saru biex tissaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-Russja;

3.      Jiddispjaċih, fl-istess ħin, li t-tmexxija Russa rigward is-Sħubija tal-Lvant tal-UE hija ta' theddida għall-interessi ekonomiċi u politiċi tagħha stess; jenfasizza l-fatt li, għall-kuntrarju, ir-Russja se tiggwadanja minn żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi, filwaqt li s-sigurtà tagħha se tissaħħaħ permezz ta’ viċinat stabbli u prevedibbli;

4.      Jenfasizza l-fatt li n-nuqqas sistematiku tar-Russja li tirrispetta l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandu jiġi rifless aħjar fil-pożizzjonijiet ta’ politika tal-UE u fl-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħidma fuq Ftehim ta’ Kooperazzjoni ġdid; itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim komprensiv u legalment vinkolanti li jkopri kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali u li jkun jinkludi l-oqsma kollha relatati mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali, sakemm ir-Russja tkun lesta tieħu miżuri biex issaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tħassib tiegħu fuq il-ġbir attwali u l-użu tad-data API u l-għan tal-awtoritajiet Russi li jiġbru data PNR fil-futur qarib mingħajr l-ebda bażi legali għat-trasferimenti ta' din id-data;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tqis kontromiżuri possibbli li l-UE tista' tinvoka jekk ir-Russja tikser ir-regoli kummerċjali tad-WTO għal finijiet politiċi li ma jaħsbux fil-ġejjieni; jenfasizza li, filwaqt li r-Russja ma għandhiex tingħata ċ-ċans li tuża l-veto kontra l-għażliet politiċi tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE għandha tkun lesta u turi r-rieda tagħha li timpenja ruħha fit-tħassib u fl-interessi leġittimi tar-Russja, b'mod partikolari fir-rigward tal-interessi kummerċjali; itenni, madankollu, li għall-kuntrarju tal-Unjoni Doganali appoġġata mir-Russja, il-ftehimiet tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ma jipprojbixxux lil dawn tal-aħħar milli jimpenjaw ruħhom f'kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi; jinnota, għalhekk, li wara li ġie ffirmat ftehim ta' assoċjazzjoni inkluż DCFTA, is-Sħab tal-Lvant xorta se jkunu jistgħu jwettqu kummerċ ħieles mar-Russja skont il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati attwalment bħala parti mill-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS); jiddikjara, għalhekk, li r-Russja għandha twaqqaf ir-retorika tagħha "aħna jew huma" fl-intimidazzjoni tas-Sħab tal-Lvant milli jfittxu relazzjonijiet eqreb mal-UE;

6.      Jilqa’ l-amnestija presidenzjali u r-rilaxx ta’ Mikhail Khodorkovsky, taż-żewġ attivisti ta’ “Pussy Riot” kif ukoll tal-membri ta’ Greenpeace, iżda jinnota li mid-dehra dawn l-azzjonijiet huma sempliċement ġesti kosmetiċi bil-għan li tingħata spinta lill-immaġini tar-Russja qabel il-Logħob Olimpiku ta’ Sochi; jistieden lill-mexxejja politiċi tal-UE u l-figuri pubbliċi li se jattendu l-Logħob Olimpiku ta’ Sochi biex iqajmu l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u biex ma jieħdux sehem f’pubbliċità maħduma mit-tmexxija Russa; jesprimi t-tħassib tiegħu fuq il-programm ta' sorveljanza komprensiva SORM mir-Russja; għandu dubju dwar iż-żamma ta' tliet snin tad-data kollha miġbura matul il-Logħob Olimpiku f'Sochi mis-servizzi sigrieti Russi; jitlob lill-Gvern Russa jwaqqaf il-persekuzzjoni kontra l-attivisti ambjentali Suren Gazoryan, Evgeniy Vitishko u Andrei Rudomakha minħabba l-allegazzjonijiet tagħhom rigward korruzzjoni mill-istat u tħassib ambjentali marbuta mal-preparazzjonijiet għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa;

7.      Jinnota l-protesti u d-dimostrazzjonijiet mifruxa fir-Russja wara l-elezzjonijiet presidenzjali f'Marzu 2012, li komplew għal diversi xhur; jiddispjaċih għall-fatt li t-tmexxija Russa injorat u rażżnet dan il-moviment popolari, li kien sinjal tar-rabta soda taċ-ċittadini Russi mad-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet Russi jilliberaw il-bqija tad-dimostranti arrestati u jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika;

8.      Jinsab allarmat mit-tentattivi reċenti tal-President Putin fejn jassigura lill-viżitaturi omosesswali f'Sochi li m'għandhomx għalfejn jibżgħu "li jiġu arrestati jew li jingħataw pieni kriminali", iżda jwissihom biex "iħallu t-tfal waħedhom";

9.      Jiddikjara li, għalkemm il-projbizzjoni tnaqqset għal dimostrazzjonijiet ta’ protesta matul il-Logħob Olimpiku, il-miżuri fis-seħħ jimmiraw b’mod sproporzjonat lill-gruppi li jwettqu kampanja favur id-drittijiet tal-omosesswali u r-riforma politika, jillimitaw l-għadd ta’ dimostranti u jippermettu li jsiru protesti f’ċerti żoni biss, u b’hekk jheddu l-libertà ta’ assemblea;

10.    Jilqa’ l-isforzi tar-Russja, flimkien mal-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali, biex japprovaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) rigward l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi Sirjani u t-tnedija tat-taħdidiet ta' Ginevra II; iħeġġeġ lir-Russja, madankollu, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, biex terfa’ r-responsabbilitajiet tagħha fil-kriżi tas-Sirja u biex tiffaċilita l-approvazzjoni ta' riżoluzzjoni umanitarja vinkolanti tal-UNSC u r-riferiment tas-sitwazzjoni tas-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali;

11.    Ifakkar ir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ Sergei Magnitsky, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw projbizzjoni tal-viża mal-UE kollha u biex jiġu ffriżati l-assi finanzjarji fl-UE tal-uffiċjali kollha involuti fil-mewt ta' Magnitsky, li jinsab għaddej minn prosekuzzjoni wara mewtu, u ta' persuni oħrajn fir-Russja li kisru d-drittijiet tal-bniedem b'mod serju. jenfasizza li dawk l-individwi ma għandhomx jibbenefikaw minn xi ftehim bejn l-UE u r-Russja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi; jesprimi tħassib serju fuq il-pjanijiet li jinkludu għadd kbir ta' uffiċjali Russi li jkollhom dawk li jissejħu "passaporti ta' servizz" fil-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi li qed jiġi diskuss bħalissa;

12.    Jitlob għal ċentralizzazzjoni tar-responsabilità tal-politika tal-UE dwar ir-Russja fil-mandat li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea, bi rwol ċar u ċentrali għar-Rappreżentant Għoli / Viċi President u bl-Istati Membri lesti li jitkellmu mar-Russja b'vuċi waħda;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lill-Gvern, lill-Parlament u lill-President tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 37.

(2)

ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 134.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2012)0505.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0284.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0383.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0595.

Avviż legali - Politika tal-privatezza