Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0151/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0151/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Summit UE-Russja

4.2.2014 - (2014/2533(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Marek Henryk Migalski, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0150/2014

Proċedura : 2014/2533(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0151/2014
Testi mressqa :
B7-0151/2014
Testi adottati :

B7‑0151/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Summit UE-Russja

(2014/2533(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra,

–       wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" mibdija fl-2010,

–       wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-aħħar laqgħa, li saret fit-28 ta’ Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ftehimiet iffirmati u d-dikjarazzjonijiet konġunti maħruġa waqt is-Samit UE-Russja f’Rostov-on-Don mill-31 ta’ Mejju sal-1 ta’ Ġunju 2010,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu maħruġa fit-28 ta’ Jannar 2014 wara t-23 Summit UE-Russja,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu adottati f’Ottubru 2012 dwar sanzjonijiet fil-mira kontra individwi involuti fil-mewt ta’ Sergei Magnitsky, u kontra oħra responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-korruzzjoni fir-Russja,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi t-32 Summit UE-Russja, li seħħ fi Brussell fit-28 ta’ Jannar 2014, tnaqqas biex spiċċa dam ftit sigħat biss, u ntemm bl-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

B.     billi matul is-Summit, l-UE u r-Russja qablu li jipproċedu fil-konsultazzjonijiet bilaterali fil-livell tal-esperti fuq il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant u l-konsegwenzi ekonomiċi għaż-żewġ naħat;

C.     billi n-negozjati dwar trattat bilaterali ġdid bejn l-UE u r-Russja jinsabu għaddejjin bħalissa, bl-għan definit tal-kisba ta’ Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jkun komprensiv u legalment vinkolanti,

D.     billi l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha drittijiet u libertajiet sħaħ; billi r-Russja hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u hi firmatarja għal għadd ta' trattati internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

E.     billi l-qafas istituzzjonali għall-kooperazzjoni bbażat fuq erba’ Spazji Komuni, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni (PfM), kif ukoll konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem darbtejn fis-sena,

F.     billi l-proġett tal-Unjoni Doganali, li r-Russja ilha taħdem fuqu mill-2010 flimkien mal-Bjelorussja u l-Kazakistan, s'issa għadu ma nkisibx u qed jintuża minn Moska bħala għodda ġeopolitika biex teżerċita pressjoni fuq pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

G.     billi r-Russja qed teżerċita pressjoni fuq xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bl-użu ta' kunflitti reġjonali mhux solvuti u ffriżati, li fihom għandha jew jista' jkollha rwol attiv ta’ sigurtà;

I.      billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani ta’ Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi vjolazzjoni tan-normi u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi l-kunflitt mhux solvut bejn ir-Russja u l-Ġeorġja qed ifixkel l-istabilità u l-iżvilupp tal-Ġeorġja;

J.      billi l-proċess li għaddej bħalissa ta’ installazzjoni ta' stekkat tal-barbwire u ta’ ostakoli artifiċjali oħra fuq it-territorju sovran tal-Ġeorġja matul il-linja ta’ okkupazzjoni fir-reġjuni ta’ Abkażja u Tskhinvali mill-forzi ta' okkupazzjoni Russi, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta’ Awwissu 2008, huwa sfida serja għas-sigurtà u l-istabilità f’dawn ir-reġjuni, u li jaffettwa b’mod sinifikanti l-għejxien tal-popolazzjoni lokali u jfixkel l-eżerċitar tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom;

K.     billi r-Russja qed tkompli tikser id-dispożizzjoni tal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tal-2008, inter alia b’militarizzazzjoni persistenti ta’ reġjuni okkupati Ġeorġjani u taż-żoni maġenbhom, bir-rifjut li tħalli l-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) tissorvelja s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjuni okkupati kif previst skont il-mandat tagħha, u bit-twaqqif tal-aċċess għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem għar-reġjuni okkupati;

L.     billi t-tħejjijiet għall-Olimpijadi tax-Xitwa f’Sochi diġà ġew mgħarrqa b’bombi f’Makhachkala, Pyatigorsk, Volgograd u Stavropol, kif ukoll b’theddidiet serji għas-sigurtà li joriġinaw mill-Kawkażu tat-Tramuntana;

M.    billi bil-ħsieb tal-Olimpijadi f’Sochi, l-awtoritajiet Russi temporanjament estendew iż-żona tal-fruntiera Russa bi 11-il kilometru fit-territorju ta’ Abkażja;

N.     billi l-korruzzjoni tkompli tkun problema kbira fir-Russja, li fl-2013 ġiet ikklassifikata l-127 minn fost 177 pajjiż fl-Indiċi tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni ta’ ‘Transparency International’;

O.     billi fil-Federazzjoni Russa mmexxija minn Vladimir Putin m'hemmx biżżejjed fiduċja fl-istat tad-dritt u fl-indipendenza tal-ġudikatura, filwaqt li l-proċessi ġudizzjarji b'mod evidenti ma jissodisfawx standards rikonoxxuti internazzjonalment u spiss jintużaw b'mod motivat politikament;

P.     billi organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti u attivitajiet tas-soċjetà ċivili huma l-pedament tad-demokrazija u tas-soċjetà moderna; billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida tad-Duma dwar attivitajiet ċivili għamlet l-operat ta’ NGOs li jużaw għotjiet barranin aktar diffiċli, u tagħthom l-istatus ta' "aġenti barranin", kif ukoll reġgħet ikkriminalizzat il-"malafama" u introduċiet il-possibbiltà li timblukka websajts li jidhru li jkollhom kontenut mhux xieraq; billi l-liġi ġdida dwar is-soċjetà ċivili twassal sabiex jiġu ffriżati l-bidliet fis-soċjetà Russa u tillimita l-iżvilupp tagħha, kif ukoll tfixkel l-attivitajiet tal-oppożizzjoni billi żżid l-iżpejjeż finanzjarji u politiċi tagħhom;

Q.     billi l-libertà ta’ espressjoni hija problema kbira fir-Russja, li kklassifikaruħha fil-148 post minn 179 pajjiż fl-indiċi ta' ‘Reporters Withour Borders’; billi għandha titressaq proposta quddiem id-Duma biex il-liġi tal-‘aġenti barranin” tkun estiża lill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa; billi liġi bħal din tippermetti li l-Istat jikkontrolla strettament il-midja u fil-prattika jirrestrinġi l-libertà tal-midja;

R.     billi tqajjem bosta tħassib dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-Olimpijadi tax-Xitwa 2014 f’Sochi; billi ġie osservat il-fastidju tal-attivisti tas-soċjetà ċivili li ilhom jaħdmu biex jesponu l-korruzzjoni u l-ħsara ambjentali kif ukoll l-abbużi kontra r-residenti ta’ Sochi u l-ħaddiema migranti; billi xi uffiċjali tal-UE u tal-Istati Membri ddeċidew li ma jattendux l-Olimpjadi bi protesta kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

S.     billi dan l-aħħar ġiet adottata liġi diskriminatorja kontra persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru (LGBT);

T.     billi dawk responsabbli għall-mewt ta’ Sergei Magnitsky għadhom ħielsa; billi f’Ottubru 2012 il-Parlament Ewropew adotta rakkomandazzjoni dwar sanzjonijiet immirati kontra l-individwi involuti fil-mewt ta’ Sergei Magnitsky u oħrajn responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u korruzzjoni fir-Russja,

U.     billi Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev ġew rilaxxati f’Diċembru 2013 u f’Jannar 2014 rispettivament wara li qattgħu għaxar snin il-ħabs wara żewġ proċessi dikjarati li kienu politikament motivati, u li l-ewwel wieħed kien iddikjarat inġust mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi Maria Alyokhina u Nadezhda Tolokonnikova, membri tal-grupp punk femminista ‘Pussy Riot’, kienu rilaxxati f’Diċembru 2013 b’amnestija li fakkret l-għoxrin anniversarju mill-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni Russa;

V.     billi f’Diċembru 2013 ir-Russja heddet li timponi pjobizzjoni totali fuq prodotti tal-laħam li joriġinaw mill-Awstrija, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja;

1.      Jinnota r-riżultat tat-32 Summit UE-Russja, iżda huwa mħasseb li t-taħdidiet li oriġinarjament kienu skedati li jdumu jumejn damu biss ftit sigħat;

2.      Jenfasizza li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet UE-Russja se jiddependi fuq l-isforzi biex tissaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-Federazzjoni Russa;

3.      Huwa mħasseb dwar l-idea ta’ konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u r-Russja fuq livell ta’ esperti fuq il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant; jenfasizza li l-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mas-Sħab tal-Lvant jista’ jkun ukoll ta’ benefiċċju għar-Russja; jenfasizza, madankollu, li r-Russja mhijiex Parti tas-Sħubija tal-Lvant u m’għandhiex titqies bħala parti fi kwalunkwe negozjati bejn l-UE u s-Sħab tal-Lvant tagħha;

4.      Jikkundanna bil-qawwa l-pressjoni inġusta eżerċitata mill-Federazzjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; iqis il-mezzi użati mill-Kremlin bħala mezzi li jiksru l-istandards normali ta’ diplomazija u li f’xi każijiet possibilment jiksru d-dritt internazzjonali;

5.      Iwissi lir-Russja li l-użu strumentali tal-kunflitti mhux solvuti għal għanijiet politiċi fuq terminu qasir jistgħu jwasslu biex jerġgħu jibdew l-ostilitajiet u d-destabbilizzazzjoni tar-reġjun kollu;

6.      Jibqa’ mħasseb dwar l-indħil tar-Russja fl-Affarijiet Interni tal-Ukraina, u jistieden lir-Russja tieqaf milli teżerċita pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jaġixxu kontra r-rieda tal-poplu Ukrain;

7.      Jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tirrispetta bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tat-12 ta’ Awwissu 2008, b’mod partikolari d-dispożizzjoni li tgħid li r-Russja għandha tiggarantixxi lill-EUMM l-aċċess sħiħ u bla limitu għat-territorji okkupati ta’ Abkażja u Tskhinvali/l-Ossetja tan-Nofsinhar; jenfasizza l-ħtieġa li tkun ipprovduta stabilità fir-reġjuni tal-Ġeorġja msemmija qabel;

8.      Jikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja fit-territorji okkupati ta’ Abkażja u Tskhinvali/l-Ossetja tan-Nofsinhar, b’mod speċjali l-ħolqien ta' stekkat tal-barbwire, gandotti u ostakoli artifiċjali oħra li jirrestrinġu b’mod sinifikanti d-drittijiet tal-popolazzjoni lokali; jistieden lir-Russja biex twaqqaf dan il-proċess u toħloq il-kundizzjonijiet għall-popolazzjoni lokali biex teżerċità bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħha u tiffaċilita il-kuntatt tal-persuni bejn komunitajiet diviżi, bħala ingredjent essenzjali għall-bini ta’ fiduċja;

9.      Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-azzjoni li l-fruntiera Russa daħlet 11-il kilometru fit-territorju Ġeorġjan; jittama li l-awtoritajiet Russi jżommu l-kelma tagħhom li din iċ-ċaqliqa hija biss waħda temporanja u li kollox jerġa’ jmur lura kif kien qabel sal-21 ta’ Marzu 2014; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President biex tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib u tirreaġixxi jekk ma jkunx hemm bidliet fis-sitwazzjoni wara din id-data;

10.    Jistieden lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja;

11.    Jesprimi tħassib dwar il-veto ripetut tar-Russja għas-sejħiet mill-komunità internazzjonali biex ikun indirizzat il-Kapitolu 7 tal-Karta tan-NU fil-Kunsill tas-Sigurtà fir-rigward tal-gwerra ċivili fis-Sirja;

12.    Jinnota li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni għandha tinkludi mhux biss kwistjonijiet u sfidi ekonomiċi u teknoloġiċi, iżda għandha wkoll tkun ibbażata fuq kooperazzjoni wiesgħa, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' sistema legali affidabbli;

13.    Huwa mħasseb ħafna bl-emendi introdotti fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-NGOs fir-Russja permezz tal-liġi tal-20 ta’ Lulju 2012, li tagħti t-tikketta ta’ ‘organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li twettaq il-funzjonijiet ta’ aġent barrani’ lil NGOs li jirċievu appoġġ minn barra l-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jirtiraw din il-leġiżlazzjoni;

14.    Huwa mħasseb sew bid-deterjorament tal-kundizzjonijiet tas-sigurtà fiċ-Ċeċenja u d-Dagestan;

15.    Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas kontinwu ta’ progress fit-tressiq quddiem il-ġustizzja ta’ dawk responsabbli għall-mewt ta’ individwi fosthom Sergei Magnitsky, Natalia Estimirova, Anna Politkovskaya, u Vasily Alexanian; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkunsidra u jwieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament ta’ Ottubru 2012 li jitolbu għal sanzjonijiet immirati tal-UE kontra dawk identifikati bħala responsabbli għall-mewt ta’ Magnitsky u oħrajn implikati fi vjolazzjonijiet kbar tad-drittijiet tal-bniedem;

16.    Jilqa’ l-amnestija li ngħatat f’Diċembru 2013 li permezz tagħha Maria Alyokhina u Nadezhda Tolokonnikova ġew rilaxxati; jilqa’ r-rilaxx ta’ Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev, u jinnota l-impenn ta’ Khodorkovsky li juża l-profil tiegħu biex jikkampanja għar-rilaxx ta’ priġunieri politiċi oħra fir-Russja; jesprimi tħassib, minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, fuq il-livell u l-persistenza tal-manipulazzjoni politika tal-ġustizzja fir-Russja;

17.    Jopponi bis-saħħa t-tħeddida Russa li tagħmel embargo fuq il-laħam Awstrijak, Franċiż, Ġermaniż u Pollakk;

18.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President biex tipprovdi appoġġ lill-NGOs u l-organizzazzjonijet li jsegwu l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-qrati fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni kostanti fuq l-awtoritajiet Russi biex jissodisfaw l-istandards tal-OSKE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.