Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0152/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0152/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Summit UE-Russja

4.2.2014 - (2014/2533(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Libor Rouček, Ana Gomes, Justas Vincas Paleckis, Boris Zala, Liisa Jaakonsaari, Pino Arlacchi, Tonino Picula, Michael Cashman f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0150/2014

Proċedura : 2014/2533(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0152/2014
Testi mressqa :
B7-0152/2014
Testi adottati :

B7‑0152/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Summit UE-Russja

(2014/2533(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid UE-Russja,

–       wara li kkunsidra s-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li bdiet fl-2010 f’Rostov-on-Don u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,

–       wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Summit UE-Russja f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali ("l-erba' spazji komuni"),

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet tat-28 ta’ Novembru 2013 bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tat-28 u d-29 ta' Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2013,

–      wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, u r-rimarki mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE tibqa’ impenjata li tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif jidher mill-impenn tagħha biex tidħol b'mod serju f'negozjati għal ftehim ta’ qafas ġdid għall-iżvilupp ulterjuri tagħhom, u billi l-UE u r-Russja stabbilixxew relazzjonijiet profondi u komprensivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija, tal-ekonomija u tan-negozju;

B.     billi għad hemm tħassib fuq l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

C.     billi fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius, il-parteċipanti kollha kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni tagħhom huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE;

D.     billi ġie aċċellerat u sar ostili l-proċess li jistabbilixxi l-fruntiera madwar Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bl-appoġġ tal-forzi Russi u għad-detriment tat-territorji Ġeorġjani;

1.      Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda jaspiraw ukoll fit-twettiq ta' valuri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni; jisħaq li sabiex isir progress fir-relazzjonijiet bilaterali hija meħtieġa diskussjoni miftuħa għall-kjarifika ta' kwisjtonijiet ta' nuqqas ta' qbil reċiproku;

2.      Jieħu nota tas-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014 bħala opportunità biex issir riflessjoni dwar in-natura u d-direzzjoni tas-Sħubija Strateġika UE-Russja u biex issir kjarifika tal-punti fuq nuqqas ta' qbil; jistenna li d-diskussjonijiet se jwasslu għal titjib fil-fiduċja reċiproka u joħolqu kundizzjonijiet għal impetu politiku mġedded sabiex is-sħubija timxi 'l quddiem;

3.      Jissottolinja l-ħtieġa ta' djalogu kontinwu u kostruttiv sabiex jiġu diskussi l-iżviluppi li qed isiru fil-viċinat komuni tagħna, kif ukoll inizjattivi reġjonali differenti ta' integrazzjoni ekonomika, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet kummerċjali tagħhom, fuq il-bażi ta' impenji eżistenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); iħeġġeġ lill-UE u r-Russja sabiex isibu modi biex jagħmlu l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali rispettivi aktar kompatibbli, filwaqt li jkomplu jaħdmu lejn viżjoni ta' kummerċ komuni u żona ekonomika fil-ġejjieni;

4.      Itenni li d-djalogu UE-Russja dwar kwistjonijiet relatati ma' viċinat komuni għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju fundamentali ta' sovranità u l-indipendenza għall-pajjiżi ġirien rigward l-għażla ta' alleanzi politiċi u kummerċjali; jinsisti li l-isfurzar u l-pressjoni esterna mhumiex aċċettabbli, u jdgħajjef l-istabilità reġjonali; iħeġġeġ lir-Russja jkollha rwol limitat u kostruttiv fl-appoġġ għal riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi fl-Ukraina;

5.      Iqis li huwa fatt importanti li l-UE u r-Russja jiżviluppaw u jsegwu inizjattivi reġjonali konġunti li jirriflettu l-interessi komuni tagħna f'viċinat sigur, stabbli u prosperu, b'hekk jingħeleb l-appoċċ li żmienu għadda f'termini ta' sferi ta' influwenza;

6.      Jistenna li, jekk il-kundizzjonijiet huma preparati sew, jinbdew in-negozjati tal-ftehim il-ġdid fis-summit li jmiss li se jsir f'Ġunju 2014 f'Sochi; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fin-negozjati dwar FSK ġdid li jieħu post dak attwali, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta' impenn min-naħa tar-Russja li timpenja ruħha f'negozjati sostanzjali dwar il-kapitolu kummerċjali; jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm l-impenn għas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, li qed juri xi progress f'diversi oqsma, bħall-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija;

7.      Jistieden lir-Russja tikkonforma mal-obbligi kollha tagħha li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mad-WTO u timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha tad-WTO; jistieden lir-Russja tieqaf milli timponi projbizzjonijiet fuq prodotti mill-Istati Membri, billi dawn il-miżuri jagħmlu ħsara għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri individwali u r-Russja, u għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

8.      Jikkundanni bil-qawwa l-attakki brutali reċenti f'Volgograd; jilqa’ l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li fiha l-UE u r-Russja ftiehmu li jikkunsidraw possibbilitajiet għal aktar tisħiħ fil-kooperazzjoni bi tweġiba għal reati mwettqa minn terroristi u minn kriminalità organizzata, jespandu l-kooperazzjoni fl-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jsir taħriġ għall-esperti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom kemm fil-qafas tan-NU kif ukoll f’fora multilaterali oħra;

9.      Jisħaq l-importanza tas-sħubija mar-Russja fl-enerġija; itenni li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jissottolinja l-importanza reċiproka ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija, li tirrappreżenta opportunità għal aktar kollaborazzjoni ekonomika u kummerċjali f’suq miftuħ u trasparenti, fejn tkun mifhuma għalkollox il-ħtieġa tal-UE li tiddiversifika l-mogħdijiet tat-trasport u l-fornituri tal-enerġija, u f'komformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li l-prinċipji tal-interdipendenza u t-trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment u qafas vinkolanti tal-enerġija li jiggarantixxi provvista affidabbli u sigura tal-enerġija, msejsa fuq standards indaqs għall-Istati Membri kollha;

10.    Itenni l-impenn tiegħu favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, fuq il-bażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jinnota li għaddejjin negozjati dwar ftehim aġġornat dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi, filwaqt li qed jiġu implimentati l-"miżuri komuni li jwasslu biex titneħħa l-viża għal vjaġġar fuq perjodu qasir";

11.    Jilqa' l-amnestija reċenti, u jenfasizza li għarfien ċar u affidabbli tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt se jgħin fil-progress tas-sħubija strateġika tagħna; jenfasizza li sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u effiċjenti hija element ewlieni tal-istat tad-dritt, u tikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp ta' ambjent kummerċjali affidabbli u stabbli u klima ta' investiment;

12.    Jesprimi t-tħassib tiegħu fuq żviluppi fil-Federazzjoni Russa dwar ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni, b'mod partikolari rigward il-liġi ta' "aġenti barranin", il-leġiżlazzjoni kontra l-LGBTI, l-inkriminazzjoni mill-ġdid tal-malafama, il-liġi dwar it-tradiment u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-protesti pubbliċi; iħeġġeġ lir-Russja tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

13.    Jikkundanna l-liġijiet repressivi bħal-liġi ta' "aġenti barranin", u l-infurzar arbitrarju tagħhom mill-awtoritajiet Russi, li jwasslu għal fastidju ta’ NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, minoritajiet etniċi, attivisti favur id-demokrazija u persuni LGBTI, u jitlob lill-UE tesprimi dan it-tħassib fil-livelli politiċi kollha; jitlob lir-Russja tħassar il-liġi ta' "aġenti barranin" sabiex ma tagħmilx ħsara għall-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili li ġiet stabbilita bejn ir-Russja u l-UE f'dawn l-aħħar 20 sena;

14.    Jitlob lir-Russja tħassar kompletament il-liġi federali dwar il-"propaganda għal relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali" u liġijiet simili reġjonali kontra l-propaganda li jillimitaw id-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikolari il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-rigward ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; jesprimi t-tħassib ġenwin tiegħu fuq il-konsegwenzi negattivi ta' dawn il-liġijiet fuq is-soċjetà, fejn se jiżdiedu d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra individwi LGBTI; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fir-Russja jżidu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida rilevanti;

15.    Jenfasizza l-importanza ta' djalogu u kooperazzjoni mar-Russja dwar kwistjonijiet globali biex jiġu indirizzati b'mod effettiv kwistjonijiet bħall-Afganistan, il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u l-ġlieda kontra l-piraterija ftit 'il barra mill-Qarn tal-Afrika; iħeġġeġ l-approfondiment u t-tisħiħ ta' din il-kooperazzjoni, bil-għan għal azzjoni konġunta rigward is-Sirja u l-Iran;

16.    Jistieden lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa l-proċess li jistabbilixxi l-fruntiera madwar Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta’ territorji okkupati għad-detriment tal-Ġeorġja;

17.    Jistieden lill-Federazzjoni Russa, biex tissodisfa l-impenji meħuda fl-1996 fil-Kunsill tal-Ewropa u riflessi fid-deċiżjonijiet tas-Summit tal-OSKE (Istanbul, 1999 u Oporto, 2002) dwar l-irtirar tat-truppi u l-armi Russi mit-territorju tal-Moldova; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ progress fuq din il-kwistjoni; jenfasizza li l-partijiet kollha tat-taħdidiet 5+2 impenjaw ruħhom li jsolvu l-kunflitt fuq il-bażi tal-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova; jistieden lir-Russja jkollha rwol kostruttiv fl-isforzi tagħha li ssolvi l-kunflitt twil f'Nagorno-Karabakh fil-qafas tal-Grupp Minsk, u jistieden lill-UE tkompli tappoġġa b'mod attiv il-miżuri għall-bini tal-fiduċja biex tassisti l-proċess;

18.    Jemmen li huma meħtieġa sforzi mġedda biex imexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali, inkluż ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti twal fil-viċinat;

19.    Jisħaq l-importanza li jitrawmu d-djalogu interkulturali UE-Russja, u d-djalogu dwar l-għarfien tal-istorja u l-wirt kulturali, kif ukoll jinkoraġixxi l-mobilità u l-iskambju ta' studenti, għalliema, professuri u riċerkaturi sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni li jipprovdu xhieda viżibbli u tanġibbli ta' sħubija sostenibbli li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal komunità ta' valuri;

20.    Jilqa’ l-ħidma tal-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Russja bħala pjattaforma għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni u għal djalogu kontinwu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet parlamentari;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.