Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0202/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0202/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-użu ta' drones armati

24.2.2014 - (2014/2567(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Barbara Lochbihler, Tarja Cronberg, Jean Lambert, Rui Tavares, Reinhard Bütikofer, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Iñaki Irazabalbeitia Fernández f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0201/2014

Proċedura : 2014/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0202/2014
Testi mressqa :
B7-0202/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0202/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' drones armati

(2014/2567(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, Christof Heyns, dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-13 ta' Settembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,

–       wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

–       wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 dwar tħejjijiet għal programm tal-ġenerazzjoni li jmiss rigward sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) Ewropej ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul fil-perjodu 2020-2025,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi d-dipendenza mill-użu ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru misjuqa mill-bogħod (minn hawn 'il quddiem "drones") f'operazzjonijiet extraterritorjali letali żdiedet b'mod qawwi matul l-aħħar deċennju; billi l-pajjiżi li fihom ġew iddokumentati attakki bid-drones jinkludu l-Afganistan, il-Pakistan, il-Jemen, il-Libja, l-Iraq, is-Somalja u l-Palestina (Gaża); billi huwa rrappurtat li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Iżrael u t-Turkija wettqu attakki bid-drones; billi l-għadd ta' stati bil-kapaċità li jużaw id-drones x'aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti fil-futur qrib;

B.     billi l-attakki bid-drones imsemmija hawn fuq, fil-biċċa l-kbira tagħhom saru b'mod mhux trasparenti u mhux responsabbli;

C.     billi ġie rrappurtat li eluf ta' ċivili nqatlu jew indarbu serjament b'attakki bid-drones; billi huwa diffiċli li wieħed jistma dawn iċ-ċifri, minħabba n-nuqqas ta' trasparenza u l-ostakli għal investigazzjoni effettiva;

D.     billi ġie rrappurtat li installazzjonijiet ta' appoġġ f'bażijiet tal-Istati Uniti fl-Istati Membri, pereżempju fil-Ġermanja, kienu strumentali għal ċerti operazzjonijiet ta' qtil immirat li fihom inqatlu xi persuni;

E.     billi ġie ddokumentat li l-politiki tal-attakki bid-drones jikkawżaw dannu konsiderevoli fil-ħajja ta' kuljum ta' ċivili ordinarji fil-pajjiżi kkonċernati, inkluż ansjetà profonda u trawma psikoloġika, tfixkil tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjali, u aċċess imnaqqas għall-edukazzjoni fost il-komunitajiet milquta;

F.     billi l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, jiddikjara li "atti jew theddid ta' vjolenza li l-għan ewlieni tagħhom ikun li jxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma projbiti";

G.     billi l-proliferazzjoni tat-teknoloġija ta' drones armati, flimkien man-natura dejjem iktar assimetrika ta' kunflitti moderni, qed toħloq sfidi mingħajr preċedent skont id-dritt internazzjonali; billi l-esperti ewlenin tan-NU ddenunzjaw nuqqas ta' responsabbiltà u trasparenza;

H.     billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-qtil arbitrarju, anke f'sitwazzjoni ta' kunflitt armat; billi d-dritt umanitarju internazzjonali ma jippermettix il-qtil immirat ta' persuni li jinsabu fi stati nonbelliġerenti;

I.      billi f'kunflitt armat, meta ċivili jinqatlu permezz ta' attakki bid-drones, l-istati huma obbligati li jwettqu inkjesta għal ġbir ta' informazzjoni immedjata, indipendenti u imparzjali u jipprovdu spjegazzjoni pubblika dettaljata u aċċess għal rimedju;

J.      billi l-attakki bid-drones minn stat fit-territorju ta' stat ieħor mingħajr il-kunsens ta' dan tal-aħħar jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali u tal-integrità u s-sovranità territorjali ta' dak il-pajjiż, u potenzjalment att ta' aggressjoni, skont il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

1.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tat-theddida lill-paċi u s-sigurtà globali mill-użu ta' drones armati barra l-qafas legali internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa rispons proporzjonat ta' politika kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak globali li jħares id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

2.      Jiddenunzja b'mod qawwi t-terroriżmu u jemmen li għandu jiġi indirizzat fil-limiti tal-istat tad-dritt; jirrimarka li m'hemm l-ebda kunflitt armat internazzjonali bejn l-Istati Uniti u Al-Qaeda u entitajiet assoċjati skont ir-regoli stipulati mill-Karta tan-NU, u jiddenunzja l-prattiki li għaddejjin bħalissa ta' qtil immirat barra minn kunflitt armat bħala ksur tad-dritt internazzjonali, li joħloq preċedent perikoluż li Stati oħra jistgħu jfittxu li jisfruttaw fil-ġejjieni biex jaħarbu mir-responsabbiltà ta' qtil illegali;

3.      Jitlob lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li, fejn hemm bażijiet raġonevoli biex jassumu li individwu jew entità fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom jistgħu jkunu relatati ma' qtil immirat illegali barra l-pajjiż, jieħdu miżuri skont l-obbligi legali internazzjonali u interni tagħhom biex jinvestigaw u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

4.      Jitlob lill-Istati kollha fil-pussess ta' teknoloġija ta' drones armati biex: (i) jiżvelaw pubblikament il-bażi legali għall-użu ta' drones, jispeċifikaw ir-responsabbiltà operattiva u jipprovdu informazzjoni dwar il-vittmi tal-attakki bid-drones, b'mod partikolari n-nies ċivili; (ii) jiżguraw li jwettqu investigazzjonijiet minnufih, bir-reqqa, indipendenti u imparzjali dwar il-każijiet kollha li fihom hemm bażijiet raġonevoli għalxiex wieħed jemmen li attakki bid-drones irriżultaw fi qtil illegali; (iii) jiżguraw li l-kriterji jinkludu investigazzjonijiet imparzjali ta' allegat ksur tad-dritt internazzjonali u nazzjonali, assistenza għal vittmi ċivili u kumpens u rimedju ieħor għall-familji tal-vittmi ċivili; (iv) li jipprevedu rieżami ġudizzjarju tal-attakki bid-drones u li jiżguraw li l-vittmi ta' attakki illegali bid-drones ikollhom aċċess effettiv għal rimedji;

5.      Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex:

a)      jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju;

b)     jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra;

c)      jinkludu drones armati f'diżarm internazzjonali u Ewropew rilevanti u reġimi ta' kontroll tal-armi;

d)     jaħdmu favur projbizzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp għall-akkwist u l-esportazzjoni ta' sistemi ta' armi kompletament awtomatiċi possibbli fil-ġejjieni li jippermettu attakki li jsiru mingħajr intervent uman;

e)      jadottaw pożizzjoni komuni tal-UE dwar drones armati;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni.