Proċedura : 2014/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0205/2014

Testi mressqa :

B7-0205/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.9
CRE 27/02/2014 - 10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 127kWORD 58k
24.2.2014
PE529.564v01-00
 
B7-0205/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-użu ta' drones armati (2014/2567(RSP))


Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' drones armati (2014/2567(RSP))  
B7‑0205/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji u arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt azzjoni kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,

–       wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

–       wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-użu ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS, minn hawn 'il quddiem "drones") waqt operazzjonijiet militari żdied f'dawn l-aħħar snin minħabba li t-teknoloġija u l-kapaċità tagħhom tjiebu;

B.     billi d-drones għandhom diversi użi u jistgħu jintużaw bħala pjattaforma għall-armi, jimmiraw b'mod preċiż fuq forzi tal-għadu li qed joperaw minn fost popolazzjonijiet ċivili u b'hekk jonqos in-numru ta' vittmi ċivili innoċenti;

C.     billi d-drones huma partikolarment utli fit-taqbida kontra t-theddid iffaċċjat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta' vittmi militari tiegħu stess;

D.     billi din l-effikaċja proprja tad-drones tipikament ipprovokat oppożizzjoni minn dawk li mhumiex disposti jilqgħu operazzjonijiet militari tal-Punent b'mod ġenerali jew kampanji partikolari, u minn dawk li m'għandhomx dawn il-kapaċitajiet;

E.     billi d-drones, bħal sistemi oħra ta' armi, għandhom jintużaw skont il-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali, waqt li titqies il-ħtieġa li tiġi mnaqqsa l-possibbiltà ta' vittmi ċivili kollaterali minn operazzjonijiet militari;

F.     billi l-forzi tal-Punent, li ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' għedewwa terroristi u ribelli li ma jkollhom l-ebda rispett għall-ħajja umana u li deliberatament jabbużaw minn u jisfruttaw persuni mhux kombattenti, huma eċċezzjonali fit-tħassib tagħhom biex iħarsu popolazzjonijiet ċivili u jnaqqsu l-vittmi ċivili;

1.      Jitlob lill-pajjiżi Ewropej, flimkien mal-alleati tagħhom, biex jippersistu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, billi jużaw ir-riżorsi leġittimi kollha possibbli; iħeġġeġ lil dawk li jużaw jew jiżviluppaw drones biex jiksbu għarfien tajjeb tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-ġlied armat;

2.      Jemmen li l-użu tad-drones se jkompli jiżdied fil-futur; jilqa' l-inizjattivi rispettivi tal-Istati Membri li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp tal-RPAS ġodda u jistedinhom biex jikkooperaw f''oqsma li jippermettulhom li jestendu l-użu possibbli tagħhom;

3.      Jinnota li hemm programm ta' kollaborazzjoni dwar l-iżvilupp ta' sistemi ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod li jinvolvi diversi Stati Membri; konsegwentement, iħeġġeġ lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex taġixxi b'mod li jista' jżid il-valur, billi ssib modi kif tnaqqas il-kostijiet tal-iżvilupp b'mod ġenwin, bħal ċertifikazzjoni, inserzjoni tat-traffiku tal-ajru u l-qsim tal-aħjar prattiki;

4.      Jesprimi dispjaċir kbir dwar l-impatt li attakki minn drones jista' jkollhom fuq il-popolazzjonijiet ċivili; jilqa' l-isforzi li qed isiru sabiex jinstabu soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-problemi operazzjonali u biex jitnaqqas ir-riskju ta' ħsara kollaterali u r-riskju impost fuq ħajjiet innoċenti minn attakki minn drones ippilotati mill-bogħod; jemmen li l-pajjiżi kollha għandhom jeżerċitaw trażżin xieraq meta jikkunsidraw l-użu ta' attakki bi drones, li għandhom ikunu mmirati b'mod preċiż abbażi ta' intelligence kurrenti u preċiża;

5.      Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi armati tal-Punent involuti f'kompiti diffiċli u perikolużi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-fanatiżmu;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza