MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qafas legali għall-użu ta’ drones armati
24.2.2014 - (2014/2567(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Sarah Ludford, Phil Bennion, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Jelko Kacin, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0201/2014
B7‑0206/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas legali għall-użu ta’ drones armati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,
– wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,
– wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-użu awtomatizzat ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS, minn hawn 'il quddiem "drones") f'operazzjonijiet extraterritorjali letali żdied b'mod qawwi matul l-aħħar deċennju;
B. billi ġie rrappurtat li eluf ta' ċivili nqatlu jew indarbu serjament b'attakki bid-drones; billi huwa diffiċli li wieħed ikollu stima ta' dawn iċ-ċifri, minħabba n-nuqqas ta' trasparenza rigward l-użu ta' drones armati, li jirrappreżenta ostaklu sinifikanti fl-evalwazzjoni totali tal-impatt ċivili tal-attakki bid-drones u jikkontribwixxi għal nuqqas ta' responsabbiltà;
C. billi l-proliferazzjoni tat-teknoloġija ta' drones armati qed toħloq sfidi mingħajr preċedent skont id-dritt internazzjonali;
D. billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-qtil arbitrarju, anke f'sitwazzjoni ta' kunflitt armat; billi d-dritt umanitarju internazzjonali ma jippermettix il-qtil immirat ta' persuni li jinsabu fi stati nonbelliġerenti;
E. billi f'kunflitt armat, meta ċivili jinqatlu permezz ta' attakki bid-drones, l-istati huma obbligati li jwettqu inkjesti għal ġbir ta' informazzjoni minnufih, indipendenti u imparzjali u jipprovdu spjegazzjoni pubblika dettaljata u aċċess għal rimedju;
F. billi bosta proġetti ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' drones, militari u ċivili, ġew appoġġjati b'fondi tal-UE, u billi dan hu mistenni li jsir anke fil-ġejjieni;
1. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex:
(a) jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju;
(b) jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra;
(c) jinkludu d-drones armati f'diżarm internazzjonali u Ewropew rilevanti u reġimi ta' kontroll tal-armi;
(d) jipprojbixxu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi;
(e) jappoġġjaw investigazzjonijiet dwar il-qtil immirat u segwitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' drones, kemm għall-użu ċivili kif ukoll għal dak militari, li ġew appoġġjati b'fondi tal-UE; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex, fil-ġejjieni, iżżomm lill-Parlament informat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għal dawn il-proġetti;
3. Jitlob għall-integrazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem bħala parti mir-riċerka u l-iżvilupp tekonoloġiku, inkluż dwar l-iżvilupp ulterjuri tad-drones;
4. Iwissi kontra l-proliferazzjoni tat-teknoloġija tad-drones u jitlob li jiġu żviluppati normi internazzjonali;
5. Iħeġġeġ lill-Kunsill jaqbel mas-suġġeriment li tiġi adottata pożizzjoni komuni tal-UE dwar qafas legali għall-użu ta' drones armati bil-għan li jitħares l-użu ħażin ta' forza u sorveljanza u kapaċitajiet ta' ġbir ta' tagħrif mingħajr superviżjoni demokratika adatta, oqfsa legali u kontrolli u bilanċi, li għandha tiġi adottata qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri dwar l-iżvilupp ta' programmi tad-drones fil-livell tal-Istat Membru u tal-UE; jiltob li tittieħed inizjattiva koordinata tal-UE u l-Istati Membri fin-NU bil-għan li tiġi adottata konvenzjoni internazzjonali vinkolanti dwar l-użu tad-drones għal qtil immirat;
6. Jisħaq li qafas bħal dan għandu jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali demokratika tal-użu ta' drones armati, bħal kull kapaċità militari oħra, u jistabbilixxi linji gwida għal linja ta' kmand ċara u trasparenti sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà;
7. Jitlob aktar trasparenza fl-użu ta' drones armati sabiex jiġi aċċertat aħjar l-impatt fuq iċ-ċivili, u bħala l-ewwel pass biex tiġi indirizzata il-"lakuna ta' responsabbiltà" assoċjata mal-użu tagħhom;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni.