Proċedura : 2014/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0222/2014

Testi mressqa :

B7-0222/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.7
CRE 27/02/2014 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0170

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 77k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0219/2014
25.2.2014
PE529.581v01-00
 
B7-0222/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2595(RSP))


Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Marielle de Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Marietje Schaake, Phil Bennion, Jelko Kacin, Sarah Ludford, Izaskun Bilbao Barandica, Norica Nicolai, Catherine Bearder, Hannu Takkula, Ivo Vajgl, Eduard-Raul Hellvig, Jan Mulder, Cecilia Wikström, Gerben-Jan Gerbrandy, Graham Watson, Nathalie Griesbeck, Philippe De Backer, Frédérique Ries, Alexander Graf Lambsdorff, Nils Torvalds, Sonia Alfano, Liam Aylward, Robert Rochefort, Pat the Cope Gallagher, Rebecca Taylor, Justina Vitkauskaite Bernard f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2595(RSP))  
B7‑0222/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Politika tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina fl-20 ta' Frar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi mid-deċiżjoni tal-Gvern Ukrain li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mijiet ta' eluf ta' nies niżlu minn jeddhom fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jipprotestaw favur l-għażla Ewropea; billi f'Kiev id-dimostranti qegħdin jokkupaw paċifikament Pjazza Indipendenza u jagħmlu appelli għal bidla politika qawwija bil-għan li jġiegħlu lill-gvern jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu,

B.     billi l-awtoritajiet taħt il-President Yanukovych qabżu linja ċara meta awtorizzaw lill-forzi ta' sigurtà jagħmlu użu minn munizzjoni attiv kontra d-dimostranti u skjeraw tiraturi magħżula fuq il-bjut fil-Pjazza Maidan u madwarha, li minn nofs Novembru 'l hawn kienet l-epiċentru ta' protesti kontra l-gvern u favur l-Ewropa; billi inqatlu kemm dimostranti kif ukoll persuni li kienu jinsabu fit-toroq ta' Kiev, u dan wassal għal għadab u kundanni fil-livell internazzjonali;

C.     billi fl-istess waqt, tliet ministri għall-affarijiet barranin mill-UE vvjaġġaw lejn Kiev fi sforz ta' medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-President Yanukovych u l-oppożizzjoni; billi dawn irnexxielhom jiksbu ftehim dwar pjan direzzjonali għal ħruġ paċifiku u demokratiku mill-kriżi; billi l-mibgħut speċjali Russu wkoll iffaċilita l-ftehim, iżda mingħajr ma kien kofirmatarju;

1.      Jesprimi l-kondoljanzi l-iktar profondi tiegħu lill-familji tal-vittmi, jikkundanna bis-saħħa kull att ta' vjolenza u jitlob liċ-ċittadini Ukraini biex, flimkien mal-mexxejja politiċi u ċiviċi, jaġixxu bl-ikbar responsabbiltà f'dan il-waqt storiku għall-Ukraina;

2.      Jikkundanna bis-saħħa l-azzjoni brutali u sproporzjonata tal-forzi kontra l-irvellijiet, li wasslet għal żieda drammatika fil-vjolenza;

3.      Jilqa' r-rwol responsabbli li kellha l-Verkhovna Rada fl-eżerċitar tal-funzjonijiet kostituzzjonali tagħha bis-sħiħ, billi pattiet għall-vojt politiku u istituzzjonali maħluq mir-riżenja tal-gvern u t-tkeċċija tal-President; jieħu nota tal-miżuri adottati s'issa mill-parlament, b'mod partikolari fir-rigward tar-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, id-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014, id-deċiżjoni tal-irtirar tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà u tal-ħelsien mill-ħabs tal-eks Prim Ministru Yulia Tymoshenko;

4.      Jifraħ lill-poplu Ukrain għall-bidla veloċi fil-poter u r-reżiljenza ċivika li wrew f'dawn l-aħħar xhur, u jenfasizza li din il-protesta ċivika u popolari għandha tkun ta' eżempju u se tibqa' titfakkar bħala waqt importanti fl-Istorja tal-Ukraina; jenfasizza li din ir-rebħa demokratika u ċivika m'għandhiex titħammeġ bi spirtu ta' tpattija jew atti ta' retribuzzjoni lejn l-avversarji, jew bi ġlied politiku intern; iqis li dawk li wettqu delitti kontra ċ-ċittadini tal-Ukraina u li għamlu użu ħażin mill-poter tal-istat għandhom jiffaċċjaw proċessi indipendenti;

5.      Jitlob li titwaqqaf kummissjoni indipendenti ta' investigazzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ sa mill-bidu tal-protesti;

6.      Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu, is-simpatija u s-solidarjetà mal-persuni kollha li pparteċipaw b'mod paċifiku fit-toroq tul dawn l-aħħar tliet xhur f'Kiev u madwar l-Ukraina, b'appoġġ għall-valuri fundamentali Ewropej, ir-responsabbiltà demokratika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt għall-protesta; jenfasizza li d-demokrazija mhijiex tmexxija b'maġġoranza, iżda forma ta' governanza abbażi ta' kontrolli u bilanċi;

7.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib mezzi biex tipprovdi kura medika u appoġġ għal dawk kollha li sfaw vittmi ta' vjolenza matul il-protesti, b'kooperazzjoni mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;

8.      Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar u, b'mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża kontra l-persuni responsabbli minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u s-sospensjoni ta' liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna; jinnota l-impatt enormi li kellhom dawn is-sanzjonijiet fuq l-opinjoni pubblika Ukraina, u huwa tal-fehma li dawn il-miżuri setgħu ġew adottati qabel;

9.      Huwa tal-fehma li sanzjonijiet immirati, flessibbli u individwali u miżuri ristrettivi għandhom jinżammu bħala parti mill-politika tal-UE fir-rigward tal-Ukraina matul dan il-perjodu trażizzjonali, u jkunu kkumplimentati bi sforzi serji fl-Istati Membri biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-ħabi tal-assi;

10.    Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonali tad-dimostranti u l-priġunieri politiċi kollha li ġew detenuti b'mod illegali, it-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom u r-riabilitazzjoni politika tagħhom;

11.    Jittama li l-maġġoranza kostituzzjonali fformata fil-Verkhovna Rada f'dawn l-aħħar jiem tkun tista' tipprovdi bidu ta' djalogu nazzjonali li jinvolvi l-komponenti demokratiċi kollha tas-soċjetà Ukraina, bl-għan li tinkiseb rikonċiljazzjoni ġenwina bejn il-partijiet, biż-żamma ta' diskussjonijiet fil-fond dwar il-ġejjieni tan-nazzjon Ukrain, u l-preservazzjoni tal-unità tal-pajjiż; jitlob lill-Parlament Ukrain u lill-gvern il-ġdid jipproteġu d-drittijiet tal-minoranzi fil-pajjiż u l-użu tal-lingwi minoritarji;

12.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta biex jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għadha valida u li l-UE tinsab lesta tiffirmah malli l-kriżi politika attwali tiġi riżolta u dment li l-parametri ta' riferiment stabbiliti mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" ta' Diċembru 2012 ikunu sodisfatti; jenfasizza l-fatt li l-iffirmar u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni se jservu ta' bażi solida għall-kooperazzjoni tal-Ukraina mal-UE u jiffaċilitaw ir-riformi politiċi u ekonomiċi interni;

13.    Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu l-wegħdiet tagħhom u jibqgħu jgħinu lill-Ukraina tegħleb din il-kriżi politika u ekonomika profonda, b'mod partikolari b'rabta mal-bżonnijiet finanzjarji urġenti possibbli b'riżultat inter alia tad-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tissospendi t-tieni parti ta' xiri ta' bonds Ukraini;

14.    Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien mal-FMI, il-Bank Dinji, il-BERŻ u l-BEI, jaġixxu malajr kemm jista' jkun b'pakkett għat-terminu twil ta' miżuri ta' sostenn finanzjarju konkret biex l-Ukraina tingħata l-għajnuna ħalli taffronta s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qiegħda tmur għall-agħar kif ukoll jagħtu sostenn ekonomiku biex tniedi r-riformi profondi u komprensivi neċessarji għall-ekonomija Ukraina; jitlob għalhekk li tiġi organizzata konferenza tad-donaturi mingħajr dewmien;

15.    Jirrikonoxxi li l-korruzzjoni mifruxa għadha qed tostakola l-potenzjal tal-Ukraina għall-iżvilupp u qed tipperikola l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom stess; iħeġġeġ għalhekk lill-gvern il-ġdid iqiegħed il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tal-programm tiegħu;

16.    Hu tal-fehma li l-finalizzazzjoni malajr ta’ ftehim ta’ ħelsien mill-viża bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod kif għandha tingħata tweġiba għas-sejħiet tal-membri tas-soċjetà ċivili u tal-istudenti Ukraini li, tul dawn l-aħħar ftit jiem, għamlu dimostrazzjonijiet fil-pjazez favur l-għażla Ewropea tal-Ukraina; jirrimarka li ftehim bħal dan se jistabbilixxi u jiffaċilita skambji u kuntatti interpersonali bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk iżid il-fehim reċiproku u jagħti opportunità lill-opinjoni pubblika Ukraina tiffamiljarizza ruħha mal-istandards u l-aħjar prattiki Ewropej fl-oqsma kollha; jappella, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u mingħajr ħlas;

17.    Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv (DCFTA) ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma jipperikolax ir-rabtiet storiċi li l-Ukraina kellha mal-ġar tagħha fil-Lvant; jirrimarka li l-istabilità politika, il-prevedibilità u l-prosperità ekonomika jibqgħu objettiv komuni;

18.    Jenfasizza li l-ebda soluzzjoni politika sostenibbli ma tista' tintlaħaq fl-Ukraina mingħajr il-kontribut kostruttiv u leġittimu tar-Russja, iżda jirrifjuta l-idea ta' tqassim ġdid tal-Ewropa abbażi tal-oqsma ta' influwenza;

19.    Jitlob lil Moska tadotta attitudni kostruttiva u twaqqaf il-miżuri ta' tpattija u ta' pressjoni mhux xierqa bl-għan li tipperikola d-dritt sovran tal-ġirien tagħha li jiddeterminaw b'mod liberu l-ġejjieni tagħhom, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Ukraina tibbenefika minn relazzjonijiet bilaterali mal-UE kif ukoll mar-Russja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b’vuċi waħda b’appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) li b’mod liberu jagħżlu li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE taġixxi billi ssostni l-Ukraina jew kwalunkwe pajjiż ieħor tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan id-WTO jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali oħra f'każ ta' tilwima mal-Federazzjoni Russa;

20.    Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi kif jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta' ritaljazzjoni adottati minn Moska biex twaqqaf l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE/ODIHR jipprovdu appoġġ imsaħħaħ pre-elettorali u missjoni sostanzjali ta' monitoraġġ fit-tul tal-elezzjonijiet sabiex l-elezzjonijiet presidenzjali skedati għall-25 ta' Mejju 2014 ikunu jistgħu jseħħu skont l-ogħla standards u jipproduċu riżultat totalment leġittimu;

22.    Jirrimarka li l-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-UE f'Pajjiżi Sħab għadha nieqsa mill-effikaċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, iżżid l-isforzi tagħha biex tispjega l-benefiċċji u l-vantaġġi potenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lit-taqsimiet rilevanti tal-opinjoni pubblika;

23.    Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva mhux partiġjana tas-soċjetà ċivili li titwaqqaf 'Pjattaforma ta' Maidan', għall-iżvilupp ta' strateġija biex tintemm il-korruzzjoni endemika fl-Ukraina;

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0098.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza