MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
25.2.2014 - (2014/2595(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hannes Swoboda, Libor Rouček, Ana Gomes, Marek Siwiec, Tonino Picula, Knut Fleckenstein, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Liisa Jaakonsaari, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0219/2014
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, dwar is-Sħubija tal-Lvant u dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod partikolari dawk l-aktar reċenti tat-13 ta' Diċembru 2012[3], tat-12 ta' Settembru 2013[4] u tat-23 ta' Ottubru 2013[5],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tal-20 ta' Jannar 2014, l-10 ta' Frar 2014 u l-20 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-President tal-Kunsill Ewropew, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u tal-President tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA), inkluż iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), mibdi fl-2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-18, id-19 u l-20 ta' Frar 2014 kienu l-aktar ġranet imdemmija wara l-indipendenza tal-Ukraina, b'għexieren ta' nies maqtula u b'mijiet midruba;
B. billi l-awtoritajiet taħt il-President Yanukovych qabżu linja ċara meta awtorizzaw lill-forzi ta' sigurtà jagħmlu użu minn munizzjoni attiv kontra d-dimostranti u minn tiraturi magħżula fuq il-bjut fil-Pjazza Maidan u madwarha, li minn nofs Novembru 'l hawn kienet l-epiċentru ta' protesti kontra l-gvern u favur l-Ewropa; billi nqatlu dimostranti fit-toroq ta' Kiev, u dan wassal għal rabja u kundanni fil-livell internazzjonali;
C. billi, bħala konsegwenza, l-UE ddeċidiet li timponi sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża, fuq dawk il-persuni responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza u użu ta' forza eċċessiva; billi l-Istati Membri qablu, barra min hekk, li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;
D. billi fl-istess waqt, tliet ministri għall-affarijiet barranin mill-UE ivvjaġġaw lejn Kiev fi sforz ta' medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-President Yanukovych u l-oppożizzjoni; billi dawn irnexxielhom jiksbu ftehim dwar pjan direzzjonali għal ħruġ paċifiku u demokratiku mill-kriżi; billi l-mibgħut speċjali Russu wkoll iffaċilita l-ftehim, iżda mingħajr ma kien kofirmatarju;
E. billi l-Verkhovna Rada adottat riżoluzzjoni fil-21 ta' Frar 2014 li fiha tiddenunzja l-operazzjonijiet ta' kontra t-terroriżmu u titlob li l-forzi tas-sigurtà joħorġu miċ-ċentru ta' Kiev; billi, b'dan il-mod, il-parlament wera d-determinazzjoni tiegħu li jkollu rwol ċentrali u li jieħu kontroll tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi, il-ġurnata ta' wara, il-parlament ivvota favur it-tkeċċija tal-President Yanukovych, ir-ritorn lejn il-kostituzzjoni tal-2004, elezzjonijiet bikrija fil-25 ta' Mejju 2014 u r-rilaxx ta' Yulia Tymoshenko;
F. billi, wara l-bidu tal-"Euromaidan", kien hemm bosta rapporti dwar trattament ħażin, ħtif ta' persuni, tortura u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; billi s'issa l-persuni responsabbli għal dan il-ksur gawdew minn impunità;
G. billi delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew ivvjaġġat lejn Kiev mit-28 sat-30 ta' Jannar 2014 u darb'oħra mit-22 sal-24 ta' Frar biex tivvaluta s-sitwazzjoni fuq il-post, u b'hekk turi l-interess sinċier u t-tħassib veru tagħha b'rabta mas-sitwazzjoni drammatika fil-pajjiż;
1. Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu għall-kuraġġ u d-dinjità li bihom il-poplu Ukrain iġġieled matul l-aħħar tliet xhur għal-libertà u d-demokrazija fl-Ukraina; jemmen li l-avvenimenti ta' din l-aħħar ġimgħa għandhom sinifikat verament storiku għall-Ukraina, għall-Viċinat tal-Lvant u għall-Ewropa kollha kemm hi; jitlob lill-UE tkompli tappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi u Ewropej tal-poplu Ukrain, filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ id-dritt tagħhom li jiddeterminaw il-futur tagħhom stess;
2. Jikkundanna bis-saħħa l-azzjonijiet brutali u sproporzjonati tal-forzi kontra l-irvellijiet, li wasslu għal żieda drammatika fil-vjolenza fl-Ukraina; jiddeplora l-imwiet u l-feriment li saru fin-naħat kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;
3. Iwissi li kull żieda oħra ta' vjolenza tista' tkun diżastruża għan-nazzjon Ukrain u tista' xxekkel l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jenfasizza li issa huwa importanti ħafna li l-partijiet kollha juru sens ta' responsabbiltà, rażan u impenn għal djalogu politiku inklużiv, u jeskludu ritaljazzjoni extraġudizzjarja; iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess, iżommu 'l bogħod mill-estremisti u jevitaw provokazzjoni u azzjonijiet vjolenti li jistgħu jwasslu għal inizjattivi tas-separatisti;
4. Jenfasizza li l-ftehim tal-21 ta' Frar 2014, kif innegozjat mill-ministri tal-affarijiet barranin f'isem l-UE, temm tixrid ulterjuri ta' demm u rrikonoxxa r-rwol ċentrali ġdid tal-Verkhovna Rada fil-politiki tal-Ukraina; jemmen li l-ispirtu tal-ftehim milħuq fil-21 ta' Frar għandu jibqa' l-bażi għall-konsolidazzjoni paċifika tal-ordni politiku ġdid tal-Ukraina;
5. Jemmen li huwa essenzjali li jinħoloq mill-ġdid sens ta' unità nazzjonali, b'mod speċjali fir-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ukraina, sabiex tinkiseb stabbiltà politika, titħares l-integrità territorjali u tinbena demokrazija ġenwina u sostenibbli; iwissi kontra azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar polarizzazzjoni skont diviżjonijiet etniċi jew lingwistiċi, u jtenni t-talba tiegħu għal approċċ inklużiv sabiex jonqos ir-riskju ta' vjolenza mġedda u frammentazzjoni territorjali;
6. Jilqa' r-rwol responsabbli u leġittimu li kellha l-Verkhovna Rada fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-governanza tagħha bis-sħiħ, billi pattiet għan-nuqqasijiet politiċi u istituzzjonali maħluqa mir-riżenja tal-gvern u t-tkeċċija tal-President; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Parlament Ukrain u l-membri tiegħu jibqgħu jirrispettaw l-istat tad-dritt;
7. Itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ħtif ta' persuni, tortura, trattament ħażin u għejbien fil-kuntest tal-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini jappoġġjaw kummissjoni internazzjonali ta' inkjesta, biex tiżgura proċess ġust quddiem qorti tal-ġustizzja, tikkoopera bis-sħiħ mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u tinvolvi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili matul il-proċess; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-awtoritajiet Ukraini jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-QKI għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati mwettqa minn uffiċjali b'kariga għolja; jemmen li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għandhom jitwettqu b'mod li ċ-ċittadini Ukraini kollha jkunu jistgħu jerġgħu jafdaw fl-imparzjalità, l-indipendenza u t-trasparenza tas-sistema tal-ġustizzja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu involuti mill-qrib u joffru l-appoġġ u l-kompetenzi tagħhom biex jassistu l-proċess;
8. Jappoġġa l-approċċ fuq żewġ binarji tal-UE, li jgħaqqad flimkien l-isforzi diplomatiċi intensifikati ma' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli li ordnaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati ma' oppressjoni politika; jitlob għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati kif maqbul mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess kontra l-ħasil tal-flus biex iwaqqfu l-ħruġ ta' flus illeċiti mill-Ukraina, u biex jiżguraw ir-ritorn ta' assi misruqa depożitati fl-UE; iqis li s-sanzjonijiet immirati għandhom jiġu revokati hekk kif is-sitwazzjoni fl-Ukraina titjieb u hekk kif investigazzjoni verament indipendenti tar-reati mwettqa tibda tħalli l-frott tagħha;
9. Jenfasizza l-importanza li ma tintilifx l-ispinta fl-ittrattar tal-kawżi fundamentali tal-kriżi, filwaqt li tiġi stabbilita l-fiduċja tan-nies fil-politika u fl-istituzzjonijiet; jenfasizza għalhekk l-importanza li l-gruppi etniċi differenti fl-Ukraina jiġu rispettati u li jitħarsu l-identità u l-lingwi tagħhom; jemmen, barra minn hekk, li dan jeħtieġ riformi kostituzzjonali u strutturali bil-għan li tinħoloq sistema effettiva ta' kontrolli u bilanċi, rabta eqreb bejn il-politika u s-soċjetà, l-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà u sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali u elezzjonijiet kredibbli;
10. Jittama li r-rilaxx tal-eks Prim Ministru Yulia Tymoshenko se jissimbolizza t-tmiem ta' ġustizzja selettiva u motivata politikament fl-Ukraina;
11. Jirrimarka li l-korruzzjoni mifruxa hija kwistjoni ewlenija li taffettwa ħażin l-ekonomija tal-Ukraina u tostakola l-iżvilupp tagħha, filwaqt li fl-istess ħin ixxekkel il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom stess; iħeġġeġ għalhekk lill-gvern il-ġdid iqiegħed il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tal-programm tiegħu u jitlob li l-UE tappoġġja dawn l-isforzi;
12. Jilqa' d-deċiżjoni tar-ritorn għall-kostituzzjoni tal-2004; iħeġġeġ lill-Verkhovna Rada, madankollu, biex tuża l-momentum biex tindirizza n-nuqqasijiet tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;
13. Jieħu nota tad-deċiżjoni li jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet isiru b'mod ħieles u ġust; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Verkhovna Rada tadotta l-leġiżlazzjoni elettorali neċessarja f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, inkluża liġi mġedda dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati minn GRECO u OSKE/ODIHR; iħeġġeġ osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet li ġejjin u jiddikjara r-rieda tiegħu li jistabbilixxi missjoni ta' osservazzjoni tiegħu stess għal dan il-għan; jemmen li l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu organizzati malajr wara l-elezzjonijiet presidenzjali u qabel l-aħħar tas-sena;
14. Jenfasizza l-importanza tal-investiment f'politiċi żgħażagħ u mexxejja futuri li ġejjin minn Maydan, jappoġġja l-implimentazzjoni bla dewmien tar-reġim bla viża u jitlob li jingħata aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili attiva tal-Ukraina;
15. Jilqa' r-rikonoxximent reċenti mill-Kunsill li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż DCFTA, ma jikkostitwix l-għan aħħari fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka li l-UE tinsab lesta li tiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA hekk kif il-kriżi politika attwali tiġi solvuta u l-awtoritajiet Ukraini ġodda jkunu lesti; ifakkar, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 49 TUE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – tista' tapplika għas-sħubija fl-UE sakemm taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittjiet tal-bniedem u tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;
16. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jakkwistaw self mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) b'kundizzjonijiet aħjar għall-Ukraina u l-poplu tagħha, u jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jingħaqdu mal-FMI biex jipprovdu pakkett ta' għajnuna sostanzjali li se jgħin lill-pajjiż jaffaċċja s-sitwazzjoni attwali finanzjarja u soċjali; iqis, barra minn hekk, li kemm l-Istati Uniti kif ukoll ir-Russja jistgħu jikkontribwixxu favur l-istabilizzazzjoni soċjo-ekonomika tal-Ukraina;
17. Huwa tal-fehma li l-dispożizzjonijiet tad-DCFTA ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa u li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex ta' impediment għar-relazzjonijiet tajba bejn l-Ukraina u l-ġar tagħha fil-Lvant; ifakkar li l-paċi u l-prosperità fil-viċinat komuni huma ta' benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għar-Russja, u jtenni t-twemmin tiegħu li l-unika soluzzjoni biex jinkiseb dan il-għan hija l-kooperazzjoni; jitlob lill-UE tqis b'mod urġenti modi kif tinvolvi lir-Russja fit-tfittxija għal soluzzjoni politika dejjiema fl-Ukraina u tħeġġeġ lill-UE u lir-Russja jużaw l-influwenza tagħhom u jagħmlu ħilithom biex jipprevjenu żieda ulterjuri ta' vjolenza u jiskoraġġixxu inizjattivi tas-separatisti; jirrifjuta bis-saħħa l-idea ta' tqassim ġdid tal-Ewropa abbażi tal-oqsma ta' influwenza;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri, u lill-Aġent President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina.
- [1] Test adottat, P7_TA(2014)0098.
- [2] Test adottat, P7_TA(2013)0595.
- [3] Test adottat, P7_TA(2012)0507.
- [4] Test adottat, P7_TA(2013)0383.
- [5] Test adottat, P7_TA(2013)0446.