Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0224/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0224/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

25.2.2014 - (2014/2595(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Ulrike Lunacek, Mark Demesmaeker, Tarja Cronberg, Werner Schulz, Raül Romeva i Rueda, Indrek Tarand, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0219/2014

Proċedura : 2014/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0224/2014
Testi mressqa :
B7-0224/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0224/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(2014/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Politika tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina fl-20 ta' Frar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi mid-deċiżjoni tal-President u l-Gvern Ukrain li jissospendu l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mijiet ta' eluf ta' nies niżlu minn jeddhom fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jipprotestaw favur l-għażla Ewropea; billi fi Kyiv id-dimostratanti qegħdin jokkupaw paċifikament Pjazza Indipendenza, fejn qegħdin jagħmlu sejħa għal bidla politika qawwija bil-ħsieb li l-gvern jeżmina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu, u billi l-moviment Euromaidan huwa l-moviment l-aktar qawwi taċ-ċittadini għal-libertà u d-demokrazija li qatt kien hemm fl-Ewropa minn tard is-snin tmenin.

B.     billi l-awtoritajiet taħt il-President Yanukovych qabżu linja ċara meta awtorizzaw lill-forzi ta' sigurtà jagħmlu użu minn munizzjoni attiva kontra d-dimostranti u skjeraw tiraturi magħżula fuq il-bjut fi Pjazza Maidan u madwarha, li minn nofs Novembru 'l hawn kienet l-epiċentru ta' protesti kontra l-gvern u favur l-Ewropa; billi inqatlu kemm dimostranti kif ukoll persuni li kienu jinsabu fit-toroq ta' Kiev, u dan wassal għal għadab u kundanni fil-livell internazzjonali;

C.     billi fl-istess waqt, tliet ministri għall-affarijiet barranin mill-UE ivvjaġġaw lejn Kiev fi sforz ta' medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-President Yanukovych u l-oppożizzjoni; billi dawn irnexxielhom jiksbu ftehim dwar pjan direzzjonali għal ħruġ paċifiku u demokratiku mill-kriżi; billi l-mibgħut speċjali Russu wkoll iffaċilita l-ftehim, iżda mingħajr ma kien kofirmatarju;

D.     billi wara l-iffirmar tal-ftehim, il-President ħalla l-belt kapitali għal destinazzjoni mhux magħrufa u l-President tal-Parlament irriżenja ftit wara, u b'hekk ħalla l-pajjiż mingħajr gvern, peress li l-Prim Ministru kien irriżenja ftit ġimgħat qabel;

1.      Jesprimi l-kondoljanzi l-iktar profondi tiegħu lill-familji tal-vittmi, kemm dawk dimostranti kif ukoll membri tal-forzi tas-sigurtà, u jikkundanna bis-saħħa kull att ta' vjolenza u jistieden liċ-ċittadini Ukraini kollha biex, flimkien mal-mexxejja politiċi u ċiviċi, jaġixxu bl-ikbar responsabbiltà f'dan il-mument storiku għall-Ukraina;

2.      Jikkundanna bis-saħħa l-azzjoni brutali u sproporzjonata tal-forzi kontra l-irvellijiet, li wasslet għal eskalazzjoni drammatika fil-vjolenza;

3.      Jilqa' r-rwol responsabbli li kellha l-Verkhovna Rada fl-eżerċitar bis-sħiħ tal-funzjonijiet kostituzzjonali tagħha u billi pattiet għall-vojt politiku u istituzzjonali maħluq mir-riżenja tal-gvern u t-tkeċċija tal-President, u jinsab konvint li l-moviment Euromaidan se jkollu rwol fil-proċess politiku futur fl-Ukraina; jieħu nota tal-miżuri adottati s'issa mill-parlament, b'mod partikolari fir-rigward tar-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, id-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014, id-deċiżjoni tal-irtirar tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà u tal-ħelsien mill-ħabs tal-eks Prim Ministru Yulia Tymoshenko; jitlob għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali inklussiv kemm jista' jkun sabiex jindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-pajjiż;

4.      Jifraħ lill-poplu Ukrain għall-bidla veloċi fil-poter u r-reżiljenza ċivika li wrew f'dawn l-aħħar xhur, u jenfasizza li din il-protesta ċivika u popolari għandha tkun ta' eżempju u se tibqa' titfakkar bħala waqt importanti fl-Istorja tal-Ukraina; jenfasizza li din ir-rebħa demokratika u ċivika m'għandhiex titħammeġ bi spirtu ta' tpattija jew atti ta' retribuzzjoni lejn l-avversarji, jew bi ġlied politiku intern;

5.      Jitlob li titwaqqaf kummissjoni indipendenti ta' investigazzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ sa mill-bidu tal-protesti;

6.      Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu, is-simpatija u s-solidarjetà mal-persuni kollha li pparteċipaw b'mod paċifiku fit-toroq tul dawn l-aħħar tliet xhur f'Kiev u fl-Ukraina kollha, b'appoġġ għall-valuri fundamentali Ewropej, ir-responsabbiltà demokratika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt għall-protesta; jenfasizza li d-demokrazija mhijiex tmexxija b'maġġoranza, iżda forma ta' governanza abbażi ta' kontrolli u bilanċi; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, għad-deċiżjoni reċenti tal-Verkhovna Rada li tabolixxi l-liġi dwar il-lingwi, u jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida skont l-obbligi tal-Ukraina fl-ambitu tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

7.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib mezzi biex tipprovdi kura medika u appoġġ għal dawk kollha li sfaw vittmi ta' vjolenza matul il-protesti, b'kooperazzjoni mal-Kumitat Internazzjonali tar-Red Cross;

8.      Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2014 u, b'mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża kontra l-persuni responsabbli minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u s-sospensjoni ta' liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna; jinnota l-impatt enormi li kellhom dawn is-sanzjonijiet fuq l-opinjoni pubblika fl-Ukraina, u huwa tal-fehma li dawn il-miżuri setgħu ġew adottati qabel;

9.      Huwa tal-fehma li sanzjonijiet immirati, flessibbli u individwali u miżuri ristrettivi għandhom jinżammu bħala parti mill-politika tal-UE fir-rigward tal-Ukraina matul dan il-perjodu trażizzjonali, u jkunu kkumplimentati bi sforzi serji fl-Istati Membri biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-ħabi tal-assi;

10.    Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonali tad-dimostranti u l-priġunieri politiċi kollha li ġew detenuti b'mod illegali, it-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom u r-riabilitazzjoni politika tagħhom;

11.    Jittama li l-maġġoranza kostituzzjonali fformata fil-Verkhovna Rada f'dawn l-aħħar jiem tista' tipprovdi bidu ta' djalogu nazzjonali li jinvolvi l-komponenti demokratiċi kollha tas-soċjetà Ukraina, bl-għan li tinkiseb rikonċiljazzjoni ġenwina bejn il-parijiet, biż-żamma ta' diskussjonijiet fil-fond dwar il-ġejjieni tan-nazzjon Ukrain, u l-preservazzjoni tal-unità tal-pajjiż;

12.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta biex jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għadha valida u li l-UE tinsab lesta tiffirmah malli l-kriżi politika attwali tiġi riżolta u dment li l-parametri ta' riferiment stabbiliti mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" ta' Diċembru 2012 ikunu sodisfatti;

13.    Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu l-wegħdiet tagħhom u jibqgħu jgħinu lill-Ukraina tegħleb din il-kriżi politika u ekonomika profonda, b'mod partikolari b'rabta mal-bżonnijiet finanzjarji urġenti possibbli b'riżultat inter alia tad-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tissospendi t-tieni parti ta' xiri ta' bonds Ukraini;

14.    Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien mal-FMI, il-Bank Dinji, il-BERŻ u l-BEI, jaġixxu malajr kemm jista' jkun b'miżuri ta' emerġenza, kif ukoll pakkett għal terminu twil ta' miżuri ta' sostenn finanzjarju konkret biex l-Ukraina tkun tista' taffronta s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qiegħda tmur għall-agħar kif ukoll tagħti sostenn ekonomiku biex tniedi r-riformi profondi u komprensivi neċessarji għall-ekonomija Ukraina;

15.    Jirrikonoxxi li l-korruzzjoni mifruxa għadha qed tostakola l-potenzjal tal-Ukraina għall-iżvilupp u qed tipperikola l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom stess; iħeġġeġ għalhekk lill-gvern il-ġdid iqiegħed il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tal-programm tiegħu; iħeġġeġ lill-UE u l-Ukraina jieħdu azzjoni immedjata biex jevitaw ħruġ ulterjuri ta' kapital;

16.    Hu tal-fehma li l-finalizzazzjoni malajr ta’ ftehim ta’ ħelsien mill-viża bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod kif għandha tingħata tweġiba għas-sejħiet tal-membri tas-soċjetà ċivili u tal-istudenti Ukraini li, tul dawn l-aħħar ftit jiem, għamlu dimostrazzjonijiet fil-pjazez favur l-għażla Ewropea tal-Ukraina; jirrimarka li ftehim bħal dan se jistabbilixxi u jiffaċilita skambji u kuntatti interpersonali bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk iżid il-fehim reċiproku u jagħti opportunità lill-opinjoni pubblika Ukraina tiffamiljarizza ruħha mal-istandards u l-aħjar prattiki Ewropej fl-oqsma kollha; jappella, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u mingħajr ħlas;

17.    Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv (DCFTA) ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma jipperikolax ir-rabtiet storiċi li l-Ukraina kellha mal-ġar tagħha fil-Lvant; jirrimarka li l-istabilità politika, il-prevedibilità u l-prosperità ekonomika jibqgħu objettiv komuni;

18.    Jenfasizza li l-ebda soluzzjoni politika sostenibbli ma tista' tintlaħaq fl-Ukraina mingħajr il-kontribut kostruttiv u leġittimu tar-Russja, iżda jirrifjuta l-idea ta' tqassim ġdid tal-Ewropa abbażi tal-oqsma ta' influwenza;

19.    Jitlob lil Moska tadotta attitudni kostruttiva u twaqqaf il-miżuri ta' tpattija u ta' pressjoni mhux xierqa bl-għan li tipperikola d-dritt sovran tal-ġirien tagħha li jiddeterminaw b'mod liberu l-ġejjieni tagħhom, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Ukraina tibbenefika minn relazzjonijiet bilaterali mal-UE kif ukoll mar-Russja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b’vuċi waħda b’appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (EaP) li b’mod liberu jagħżlu li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE taġixxi billi ssostni l-Ukraina jew kwalunkwe pajjiż ieħor tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan id-WTO jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali oħra f'każ ta' tilwima mal-Federazzjoni Russa;

20.    Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi kif jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta' ritaljazzjoni adottati minn Moska biex twaqqaf l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

21.    Jemmen, barra minn hekk, li lil hinn mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, hemm perspettiva Ewropea serja għall-Ukraina ladarba l-pajjiż jagħti sinjali konkreti tal-intenzjoni tagħha sabiex tadotta u tikkondividi l-valuri tal-UE f'konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE;

22.    Jirrimarka li l-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-UE f'Pajjiżi Sħab għadha nieqsa mill-effikaċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, iżżid l-isforzi tagħha biex tispjega l-benefiċċji u l-vantaġġi potenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lit-taqsimiet rilevanti tal-opinjoni pubblika;

23.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.