Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0228/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0228/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

5.3.2014 - (2013/2595(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Indrek Tarand, Isabella Lövin, Carl Schlyter, Margrete Auken, Satu Hassi, Iñaki Irazabalbeitia Fernández f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2013/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0228/2014
Testi mressqa :
B7-0228/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0228/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

(2013/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, b’mod partikolari r-Rapport tiegħu dwar “Politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema” f’Jannar 2011[1], u r-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt dwar il-Politika tal-Artiku f’Ottubru 2013,

–       wara li kkunsidra l-komunikazjzoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss" (JOIN(2012)0019), kif ukoll id-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha bit-titoli ‘Inventory of activities in the framework of developing a European Union Arctic Policy’ ("Inventarju ta' attivitajiet fil-qafas tal-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku") (SWD(2012)0182) u ‘Space and the Arctic’ ("L-ispazju u l-Artiku") (SWD(2012)0183),

–       wara li kkunsidra s-Sħubija UE-Groenlandja 2007-2013 u l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Groenlandja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013 u huwa validu għal perjodu ta' 3 snin,

–       wara li kkunsidra il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE Orizzont 2020 għas-snin 2014 sa 2020,

–       wara li kkunsidra l-programm ta' presidenza tal-Kunsill tal-Artiku, il-Programm ta' Kooperazzjoni Artika tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku u l-programm tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC),

–       wara li kkunsidra l-impenji tar-Rio+20 li jinbdew negozjati dwar ftehim ta’ implimentazzjoni taħt il-UNCLOS dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità f’oqsma li jmorru lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali u d-dokumenti ta' politika ġodda u aġġornati li jikkonċernaw kwistjonijiet rigward l-Artiku mill-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Groenlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u r-Renju Unit, rispettivament,

–       wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet adottati waqt it-Tieni Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fi Frar 2011 fi Tromsø,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rispettivi tad-9 Konferenza tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret fi Brussell mit-13 sal-15 ta' Settembru 2010, u tal-10 Konferenza tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret f'Akureyri mill-5 sas-7 ta' Settembru 2012,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-panel tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘European Communities – measures prohibiting the importation and marketing of seal products’ (“Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki"), kapitolu 1.3.5 (li jistabbilixxi d-deċiżjoni preliminari maħruġa fid-29 ta' Jannar 2013)

–       wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Ottubru 2013 fil-Kawża C-583/11P, u tal-25 ta' April 2013 fil-Kawża T-526/10 rigward l-applikazzjoni għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta' Awissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki[2],

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030[4],

–       wara li kkunsidra l-eżitu tal-konferenza ta’ Cancun dwar il-klima (COP16), inkluż il-ftehim li l-emissjonijiet għandhom jiġu limitati sabiex tiġi evitata żieda fit-temperatura medja globali ta’ aktar minn 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 tikkostitwixxi pass ulterjuri fir-risposta għat-talba tal-Parlament għall-formulazzjoni ta' politika koerenti tal-UE dwar l-Artiku;

B.     billi l-Parlament kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u l-Islanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

C.     billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu tas-Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll fin-Norveġja u fir-Russja;

D.     billi n-Norveġja, bħala sieħba affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz taż-ŻEE u l-Ftehim ta' Schengen;

E.     billi kien hemm impenn tal-UE dejjiemi fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-politika komuni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda (inkluża t-Tieqa Artika tagħha), fil-kooperazzjoni ta’ Barents u – b’mod partikolari – fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u l-Kunsill Reġjonali ta' Barents, u fid-dawl tal-implikazzjonijiet tas-sħubija strateġika mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u l-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-Kunsill tal-Artiku f'dawn l-aħħar snin;

F.     billi d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Artiku f'Kiruna biex "jirċievi b'mod affermattiv" l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur qed tiġi interpretata b'modi differenti fir-rigward tal-portata ta' dan l-istatus tal-UE bħala osservatur fil-Kunsill tal-Artiku (KA);

G.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut kbir għar-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi tal-UE, inkluż il-programm qafas ġdid Orizzont 2020, jappoġġaw proġetti ta' riċerka maġġur fir-reġjun, li minnhom jibbenefikaw mhux l-inqas il-popli u l-ekonomiji tal-pajjiżi Artiċi;

H.     billi huwa biss 20% tar-riżervi tal-karburanti fossili li jistgħu jiġu sfruttati sal-2050 bil-għan li ż-żieda medja tat-temperatura tinżamm taħt iż-żewġ gradi Celcius;

I.      billi huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħames tar-riżorsi tal-idrokarburi mhux skoperti tad-dinja jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, iżdaw jeħtieġ li ssir riċerka aktar estensiva biex jiġi stabbilit b'mod iktar preċiż kemm hemm gass u żejt x’jinstab li huwa ekonomikament rikuperabbli, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta’ esplorazzjoni u estrazzjoni li jkunu ambjentalment sodi u sikuri;

J.      billi t-tibdil fil-klima u l-fatt li s-silġ tal-baħar qed jinħall jippreżentaw theddid maġġuri għall-Artiku u għall-ekosistemi u l-bijodiversità fid-dinja kollha;

K.     billi sa 40% ta’ din iż-żona, li sa dan l-aħħar kienet permanentement mgħottija bis-silġ tal-baħar, issa hija mikxufa għal parti mis-sena;

L.     billi l-ilmijiet li għadhom mhux mimsusa fl-istat naturali tagħhom li darba kienu mgħottija bis-silġ x'aktarx li huma l-uniċi ilmijiet fid-dinja li qatt ma sar sajd fihom u, għal din ir-raġuni, fihom qroll tal-ilma kiesaħ ta’ valur u sistemi li għadhom ma ġewx skoperti;

M     billi l-kisja tas-silġ tal-Greonlandja qed tinħall b’rata tliet darbiet aktar mgħaġġla milli fis-snin disgħin u qed tikkontribwixxi għal żieda li kulma jmur qed tikber tal-livelli tal-baħar;

N.     billi fl-2012 aktar minn 2 000 xjentist minn 67 pajjiż talbu għal moratorju fuq is-sajd kummerċjali fl-Artiku sakemm tkun tlestiet aktar riċerka;

O.     billi l-istati tal-Artiku għandhom is-sovranità u l-ġurisdizzjoni fuq l-art u l-ilmijiet tagħhom, u d-dritt tal-poplu tal-Artiku li jwettqu l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali tagħhom għandu jiġi rrispettat;

P.     billi l-Artiku huwa mdawwar minn ilmijiet internazzjonali u ċ-ċittadini u l-gvernijiet fid-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea, għandhom ir-responsabilità li lill-Artiku jipproteġuh aħjar ;

Q.     billi ma hemm l-ebda teknoloġija disponibbli attwalment biex jitnaddaf b’mod adegwat it-tixrid taż-żejt f’kundiżżjonijiet inġazzati;

R.     billi l-ġarr u l-użu ta' żjut kombustibbli tqal huwa pprojbit mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fl-ilmijiet ta' madwar l-Antartiku;

S.     billi l-interess li qed jikber fir-reġjun tal-Artiku li qed juru atturi mhux Artiċi, bħalma huma ċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u pajjiżi oħra, l-allokazzjoni ta' fondi tagħhom għar-riċerka polari u, mhux l-anqas, il-konferma tal-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u Singapor bħala osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku, jindikaw interess ġeopolitiku globali fl-Artiku li qed jiżdied;

L-EU u l-Artiku

1.      Ifakkar fl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema, u jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, billi tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi filwaqt li n-Norveġja u l-Islanda huma parti miż-ŻEE u miż-żona Schengen, l-UE għandha interess leġittimu minħabba d-drittijiet u l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha favur politiki ambjentali u ta' riċerka u politiki oħrajn, u minħabba l-finanzjament, l-attivitajiet ta' riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, fosthom fl-oqsma tat-trasport marittimu u tal-iżvilupp tar-riżorsi naturali; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE għandha żoni kbar ta' art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja, li huma abitati mill-uniku grupp ta' popolazzjoni indiġena fl-UE, is-Sami;

2.      Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Kiruna tal-Kunsill tal-Artiku ta' Mejju 2013 u tad-deċiżjoni tiegħu dwar l-istatus ta' osservatur għall-UE u għal entitajiet statali oħra, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu lill-kwistjonijiet pendenti mal-Kanada u tinforma debitament lill-Parlament dwar dak il-proċess;

3.      Jappoġġja x-xogħol tal-Kummissjoni fl-ilħiq ta' status ta' osservatur permanenti fil-Kunsill tal-Artiku, iżda madankollu jistieden lill-UE twettaq b'mod attiv l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Artiku permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, sakemm jiġi approvat l-istatus ta' osservatur tagħha;

4.      Iqis il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) bħala hub importanti għall-koperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni; jinnota x-xogħol tal-BEAC fl-oqsma tas-saħħa u kwistjonijiet soċjali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-enerġija, tal-kultura u tat-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;

5.      Jiġbed l-attenzjoni għall-kontribuzzjonijiet li l-UE qed tagħmel għar-riċerka u l-iżvilupp u l-impenn tal-atturi ekonomiċi rreġistrati u attivi skont id-dritt tal-UE fir-reġjun tal-Artiku;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar kif il-proġett Galileo jew progetti oħra bħalma hu l-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà, li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku, jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun jista’ jkun hemm navigazzjoni aktar sikura u rapida fl-ilmijiet tal-Artiku, u b’hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ tal-Lvant mit-Tramunatana b’mod partikolari, bil-għan li jikkontribiwixxu għal prevedibbiltà aħjar tal-movimenti tas-silġ, għal immappjar aħjar ta’ qiegħ il-baħar tal-Artiku u għal fehim tal-proċessi ġeodinamiċi ewlenin fiż-żona;

7.      Jilqa’ l-identifikazzjoni taż-Żoni Ekoloġikament u Bijoloġikament Sinifikanti fir-reġjun tal-Artiku skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) bħala proċess importanti fl-iżgurar tal-konservazzjoni effettiva tal-bijodiversità tal-Artiku u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat approċċ ta’ Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi (EBM) fl-ambjenti kostali, marini u terrestri tal-Artiku, kif ġie enfasizzat mill-grupp ta’ esperti tal-ĠBE tal-Kunsill tal-Artiku;

8.      Jesprimi tħassib li l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ u l-Ftehim dwar ir-Reazzjoni għat-Tixrid taż-Żejt mill-membri tal-Kunsill tal-Artiku tkopri biss l-attivitajiet tal-istat ta' tħejjija u ta’ reazzjoni, tonqos milli tirregola l-prevenzjoni tat-tixrid taż-żejt u ma għandu l-ebda dispożizzjoni biex jiġi żgurat li l-operaturi ikollhom fuqhom ir-responsabbiltà ekonomika u ambjentali sħiħa;

9.      Jitlob għall-involviment attiv tal-poplu indiġenu, il-korpi Ewropej, is-soċjetà ċivili u n-negozji fil-proċess ta' implimentazzjoni;

10.    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ involviment attiv min-naħa tal-UE fil-gruppi ta' ħidma rilevanti kollha tal-Kunsill tal-Artiku jew fl-organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali rilevanti kollha, bħalma huma l-OMI, is-CBD u l-AĠNU;

11.    Jieħu nota tal-istrateġiji l-ġodda dwar l-Artiku ppubblikati riċentement mill-Istati Membri tal-UE – kemm minn membri tal-Kunsill tal-Artiku bħalma huma l-Finlandja, id-Danimarka u l-Isvezja kif ukoll minn stati osservaturi bħall-Ġermanja u r-Renju Unit – u jesprimi t-tama tiegħu li strateġiji aġġornati jwasslu mhux biss għal fehim aktar realistiku iżda anke għal involvimenti konkreti fl-Artiku, biex b'hekk tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jitqiesu l-politiki u l-programmi komuni tal-UE li jaffettwaw lill-Artiku;

12.    Jinnota d-deċiżjoni li ħa l-gvern il-ġdid tal-Islanda li jissospendi n-negozjati ta' sħubija tal-pajjiż mal-UE; jiddispjaċih li l-ebda naħa ma setgħet issib soluzzjoni rigward il-fehmiet kontradittorji tagħhom dwar xi kwistjonijiet, minkejja r-rabtiet kulturali mill-qrib u l-fatt li l-Islanda diġà implimentat ammont sinifikanti ta' leġiżlazzjoni tal-UE bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea u ta’ Schengen, u b’hekk qed jintilef iċ-ċans tal-integrazzjoni aktar mill-qrib tal-Islanda – anke bi klawsoli ta’ eżenzjoni speċjali – minħabba l-pożizzjoni ġeopolitika u ġeoekonomika tagħha għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;

13.    Jitlob lill-Kummissjoni, minħabba dak li issemma hawn fuq, tiżviluppa kooperazzjoni eqreb mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni bħalma huma l-iżvilupp tat-trasport marittimu u l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jintużaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti u jitħeġġu r-riċerka u l-kooperazzjoni kummerċjali bejn l-atturi Ewropej u dawk Islandiżi;

14.    Jinnota l-preparazzjonijiet biex Kunsill Kummerċjali tal-Artiku jiġi marbut mal-Kunsill tal-Artiku b'kapaċità konsultattiva u jenfasizza l-persentaġġ ta' negozji u istituti Ewropej li jikkontribwixxu għall-Artiku u jinvestu fih; jistieden lin-negozji jirrispettaw id-drittijiet tal-popli indiġeni u jidħlu għal investimenti b'mod li jkun ambjentalment u soċjalment responsabbli;

15.    Jafferma l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE, netwerk ibbażat fl-Artiku li għandu l-għan li jinforma lill-atturi tal-Artiku u dawk tal-UE u jibni konnessjonijiet bejniethom;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatti u l-iżviluppi msemmija hawn fuq, tiżviluppa u tressaq strateġija viżjonarja u koerenti dwar l-involviment tal-UE fl-Artiku, filwaqt li tiżgura li l-interessi soċjoekonomiċi u ambjentali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll l-għanijiet globali tal-protezzjoni tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima, jitqiesu kulmeta l-politiki li jaffettwaw lill-Artiku jiġu żviluppati, mibdula jew aġġornati;

17.    Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni biex jiġu definiti passi konkreti għall-implimentazzjoni koerenti ta' tali strateġija u ta' politiki u programmi eżistenti marbuta mal-Artiku, sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat meta jiġi ttrattat ir-reġjun tal-Artiku li jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ tal-ekosistemi;

18.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija għandha tittejjeb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-karburanti fossili bħal dawk li jiġu importati mir-Russja permezz ta' sistemi ta' katusi (pipeline); ifakkar li dawn is-sistemi ta' katusi huma vulnerabbli għal dannu mis-silġ li jkun qed idub u jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett ewlieni tat-tibdil tal-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-bżonn li dan ir-riskju multiplikatur jiġi indirizzat permezz ta' strateġija tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti l-affidament tal-Unjoni fuq sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni ta' sigurtà tagħha;

19.    Jemmen li l-impressjoni ffurmata minn xi osservaturi tal-hekk imsejħa ġirja għall-Artiku, bosta drabi simbolizzata mit-tħawwil ta' bandiera Russa f'qiegħ il-baħar tal-Pol tat-Tramuntana, ma tgħinx biex isseddaq fehim kostruttiv u koooperazzjoni fir-reġjun; jenfasizza li l-Istati tal-Artiku bosta drabi ddikjaraw l-impenn tagħhom favur risoluzzjoni tal-konflitti ta' interess possibbli skont prinċipji tad-dritt internazzjonali; jinsab mħasseb li l-iskjerament dejjem jiżdied ta’ kapaċitajiet militari fl-Artiku jistgħu potenzjalment jiddestabilizzaw ir-reġjun; iħeġġeġ lin-nazzjonijiet ċirkumpolari ma jibnux stakkamenti militari 'l bogħod jew stakkamenti xjentifiċi ’l bogħod mgħammra militarment;

20.    Jesprimi t-tħassib tiegħu għat-tentattivi fil-Groenlandja biex jiġi estratt l-uranju u jitloba li l-Artiku jiġi ddikjarat żona nuklearment ħielsa;

Żvilupp Soċjoekonomiku Sostenibbli, Governanza Ambjentali u Mitigazzjoni u Adattament għat-Tibdil fil-Klima fir-Reġjun Artiku

21.    Ifakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-2011 filwaqt li jenfasizza l-impatt globali tat-tibdiliet fir-reġjun Artiku u r-rwol importanti li l-UE u potenzi industrijali oħra ser ikollhom jaqdu flimkien man-nazzjonijiet ċirkumpolari fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun Artiku kkawżat minn żieda fl-attivitajiet li jsiru hemmhekk; jinnota li t-tibdiliet fil-klima fl-Artiku se jkollhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni kostali globalment, inklużi r-reġjuni kostali fl-Unjoni Ewropa, u fuq is-setturi dipendenti mill-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura u s-sajd, l-enerġija, it-trobbija ta’ merħliet ta' renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;

22.    Jagħraf ir-responsabilità li għandhom il-gvernijiet u ċ-ċittadini kollha madwar id-dinja li jipproteġu l-Artiku;

23.    Jirrikonoxxi li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi li qed jiżdiedu b'mod rapidu mhux biss huma fattur ta’ riskju fl-ispostament ta' popli indiġeni u b’hekk jiġi mhedded il-mod ta’ ħajja indiġena, iżda qed joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun Artiku; jirrikonoxxi x-xewqat tal-abitanti u l-gvernijiet tar-reġjun tal-Artiku bi drittijiet u b'responsabbiltajiet sovrani li jibqgħu jwettqu żvilupp ekonomiku sostenibbli waqt li fl-istess ħin jipproteġu l-għejun tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku;

24.    Jikkonferma d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni inġenerali, u tas-Sami bħala l-uniku poplu indiġenu tal-UE b'mod partikolari, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tesplora aktar modi biex jiġi żgurat li leħinhom u l-esperjenza tagħhom ikunu rappreżentati fil-proċessi ta' tfassil ta' politiki tal-UE;

25.    Jitlob li jiġi varat dibattitu internazzjonali dwar il-governanza ambjentali u l-protezzjoni aħjar tal-ambjent tal-Artiku, li jkun jinvolvi l-istati kostali tal-Artiku, il-komunità internazzjonali, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-popli indiġeni u s-soċjetà ċivili;

26.    Jenfasizza li l-ilmijiet ta’ madwar l-Artiku huma ilmijiet internazzjonali u jitlob li jiġi stabbilit santwarju globali fl-ilmijiet ta’ barra ż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-istati kostali tal-Artiku li għandu jsir qbil dwaru u jiġi rrispettat kemm mill-pajjiżi Artiċi u kemm mill-pajjiżi mhux Artiċi;

27.    Jissottolinja l-importanza maġġuri tas-sikurezza u s-sigurtà tar-rotot ġodda tal-kummerċ dinjija bil-baħar fl-Artiku, b'mod partikolari għall-ekonomiji tal-UE u l-Istati Membri tagħha, billi dawn il-pajjiżi jikkontrollaw 40 % tat-trasport marittimu kummerċjali tad-dinja; jieħu nota tax-xogħol fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fuq il-finalizzazzjoni tal-Kodiċi Polari mandatarju għat-trasport marittimu; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom b’mod attiv jiddefendu n-navigazzjoni sikura u ambjentalment responsabbli, il-libertà tal-ibħra u d-dritt ta' passaġġ liberu mill-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali; iħeġġeġ il-kooperazzjoni kemm fir-riċerka kif ukoll fl-investiment bil-għan li tiġi żviluppata infrastruttura robusta u sikura għar-rotot marittimi tal-Artiku;

28.    Jistieden f’dan il-kuntest lill-UE tippromwovi limiti stretti fuq l-użu u l-ġarr ta’ żjut kombustibbli tqal fl-Artiku, fuq il-passi ta’ restrizzjonijiet simili fl-ilmijiet madwar l-Antartiku;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ miżuri internazzjonali adegwati, tressaq proposti dwar regoli għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara, jew qabel, ma jagħmlu vjaġġi fl-ilmijiet Artiċi, bil-għan li jiġu pprojbiti l-użu u l-ġarr ta’ żjut kombustibbli tqal;

30.    Jistieden lill-Istati fir-reġjun jiżguraw li kwalunkwe rotta tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jitfaċċjaw fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali u jżommu lura milli jintroduċu kwalunkwe ostaklu unilaterali arbitrarju, kemm jekk hu finanzjarju kemm jekk hu amministrattiv, li jista’ jxekkel it-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra miżuri mmirati biex tiżdied is-sigurtà jew il-protezzjoni tal-ambjent;

31.    Jenfasizza li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għandu jkollh l-mezzi meħtieġa biex timmoniterja u tipprevjeni t-tniġġis mit-tbaħħir marittimu kif ukoll mill-istallazzjonijiet taż-żejt u tal-gass fl-Artiku; jenfasizza li r-regoli ambjentali u ta’ sikurezza tal-OMI u tal-UE għandhom jiġu rrispettati f’dan il-qasam;

32.    Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu rigward il-ġirja għall-esplorazzjoni u t-tħaffir għaż-żejt fl-Artiku mingħajr ma qed jiġu infurzati standards adegwati, bħal fuq il-pjattaforma tal-Gazprom Prirazlomnaya fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) Russa, u rigward il-liċenzjar ta' żoni fl-ilmijiet ta' madwar il-Groenlandja u f'partijiet oħra tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

33.    Jistieden lill-UE tippromwovi standards regolatorji ta’ prekawzjoni stretti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza għall-esplorazzjoni, l-ipprospettar u l-produzzjoni taż-żejt internazzjonalment; jitlob li ssir projbizzjoni fuq it-tħaffir għaż-żejt fl-ilmijiet Artiċi inġazzati tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea u li ssir promozzjoni mill-UE ta' standards ta' prekawzjoni komparabbli fil-Kunsill tal-Artiku u għall-istati kostali tal-Artiku;

34.    Jappoġġja l-inizjattiva tal-ħames stati kostali tal-Artiku li jiftiehmu dwar miżuri ta’ prekawzjoni interim biex jiġi pprevenut kwalunkwe sajd kummerċjali fl-ibħra miftuħa tal-Oċean Artiku ċentrali sakemm jiġu stabbiliti mekkaniżmi regolatorji u protezzjoni xierqa;

35.    Jenfasizza l-potenzjal ta’ ffrankar kbir ta’ enerġija fis-sistemi tal-enerġija u t-trasport tal-UE u l-opportunitajiet disponibbli biex l-ekonomija tal-UE tiġi dekarbonizzata u titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni tal-karburanti fossili, inkluż iż-żejt minn għejun Artiċi;

36.    Ifakkar fid-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tagħhom ta' żvilupp sostenibbli tar-reġjun, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar liema programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw tali żvilupp sostenibbli bilanċat fit-tul, u tħejji miżuri bil-għan li jingħata kontribut aktar konkret biex din ix-xewqa sseħħ;

37.    Jieħu nota tal-prijoritajiet tal-gvern il-ġdid tal-Groenlandja li qed jirsisti għall-iżvilupp fil-pajjiż, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif il-programmi tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli għall-Groenlandja, u kif jista’ jiġi żgurat li r-rabtiet li hemm mad-Danimarka u l-Ewropa kollha kemm hi jistgħu jippromwovu żvilupp sostenibbli li jservi l-interessi fit-tul kemm tal-poplu tal-Groenlandja u kemm tal-atturi tal-UE, b'mod partikolari fid-dawl taż-żieda drammatika fl-attivitajiet mill-atturi mhux Ewropej fil-Groenlandja; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri jieħdu perspettiva strateġika tal-ġejjieni tal-Groenlandja u l-iżvilupp sostenibbli u ambjentalment sikur tar-riżorsi tagħha, filwaqt li jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-Ewropa tikkontribwixxi b’mod xieraq għall-iżvilupp sostenibbli tal-Groenlandja;

38.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati tar-reġjun tal-Artiku.