MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku
5.3.2014 - (2013/2595(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Anneli Jäätteenmäki, Pat the Cope Gallagher, Graham Watson, Olle Schmidt f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0229/2014
B7‑0230/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar l-Artiku, inkluża r-riżoluzzjoni l-aktar reċenti tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss" (JOIN(2012)0019), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2008 intitolata "L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku" (COM(2008)0763),
– wara li kkunsidra l-Azzjoni ta' Tħejjija "Valutazzjoni strateġika tal-impatt ambjentali tal-iżvilupp tal-Artiku",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-2013 dwar il-politika tal-Artiku tal-UE,
– wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali dwar l-Artiku u d-dokumenti ta' politika ġodda li jikkonċernaw l-Artiku mill-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Groenlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Kanada, u wkoll mir-Renju Unit u l-Ġermanja,
– wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents għall-2013 sal-2015 taħt il-presidenza Finlandiża,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku (SCPAR) ta' Settembru 2013 u l-10 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret f'Akureyri fl-2012,
– wara li kkunsidra l-programm tal-Kunsill tal-Artiku għall-2013 sal-2015 taħt il-presidenza Kanadiża,
– wara li kkunsidra l-programm Artiku tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku għall-2012 sal-2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fl-2013,
– wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet adottati waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fl-2013, f'Tromsø fl-2011 u fi Brussell fl-2009,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra[2],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-28 ta' Ottubru 2013 dwar il-politika tal-Artiku,
– wara li kkunsidra l-programm ta' riċerka u innovazzjoni ta' Orizzont 2020 tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-reġjun tal-Artiku, u partikolarment l-Artiku Ewropew, huwa żona ta' importanza strateġika għall-UE li qed tkompli tikber u viċe versa;
B. billi t-tibdil fil-klima qed jibdel l-ambjent fraġli tal-Artiku, u billi l-UE hi attur ewlieni fil-politika dinjija dwar il-klima;
C. billi l-Artiku hu sinjur fir-riżorsi naturali, isostni mezzi ta' għajxien u industriji diversi u qed isir dejjem iżjed popolari bħala destinazzjoni turistika; billi l-UE hija konsumatur maġġuri ta' riżorsi, prodotti u servizzi li joriġinaw mir-reġjun tal-Artiku;
D. billi l-Istati Membri tad-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi artiċi; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu tas-Sami, jgħix fil-Finlandja u fl-Isvezja, kif ukoll fin-Norveġja u fir-Russja;
E. billi l-Artiku Ewropew u sub-Artiku huwa żona diversa li tvarja minn bliet moderni u industriji avvanzati għal reġjuni b'densità baxxa ta' popolazzjoni u żoni rurali;
F. billi s-silġ li qed jinħall u r-rotot ġodda fuq il-baħar qed jagħmlu r-riżorsi tal-Artiku aktar aċċessibbli, u billi dan se jżid l-investiment u l-infrastruttura fir-reġjun; billi l-Artiku qed jattira aktar interess mill-Istati Uniti u mir-Russja, u minn fost pajjiżi li mhumiex fl-Artiku bħaċ-Ċina, li tiddeskrivi lilha nnifisha bħala 'stat qrib l-Artiku';
G. billi jeżisti għal żmien twil impenn tal-UE fl-Artiku, partikolarment permezz tal-involviment tagħha fil-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u fil-kooperazzjoni ta' Barents u bħala osservatur attiv ad hoc fil-Kunsill tal-Artiku;
H. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut importanti għar-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi tal-UE, inkluż il-programm qafas ġdid Orizzont 2020, jappoġġjaw proġetti ta' riċerka kbar fir-reġjun, li huma ta' benefiċċju għall-komunitajiet Artiċi;
1. Jitlob politika koerenti u magħquda tal-UE dwar l-Artiku u strateġija tal-Artiku b'konċentrazzjoni partikolari fuq l-Artiku Ewropew u r-reġjuni tas-sub-Artiku, il-popli tagħhom, l-iżvilupp tal-mezzi tal-għajxien, l-industriji u l-impjiegi, u l-protezzjoni tal-ambjent; jemmen li din l-għażla strateġika hija integrali biex tiżgura leġittimità u appoġġ lokali għall-impenn tal-UE favur l-Artiku;
2. Jenfasizza l-opportunitajiet ekonomiċi u l-varjetà ta' industriji fir-reġjun tal-Artiku Ewropew u r-reġjuni tas-sub-Artiku, b'mod partikolari t-turiżmu, l-industrija marittima u n-navigazzjoni, l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġija ambjentali u cleantech, il-gass u ż-żejt, l-industija offshore, il-forestrija u l-industriji bbażati fuq l-injam, l-industrija tal-minjieri, is-servizzi ta' trasport u komunikazzjoni, it-tekonoloġija tal-informazzjoni u s-soluzzjonijiet elettroniċi, is-sajd u l-akkwakultura, u l-agrikoltura u l-mezzi ta' għajxien tradizzjonali bħat-tobbija tar-renni; jirrikonoxxi l-impatt u l-importanza tagħhom kemm fir-reġjun u l-Ewropa b'mod ġenerali;
3. Jenfasizza li l-użu dejjem ikbar tar-riżorsi naturali tar-reġjun Artiku għandu jsir b'mod li jirrispetta lill-popolazzjoni lokali u jkun ta' benefiċċju għaliha, kemm dik indiġena u dik mhux indiġena, u jassumi responsabilità ambjentali sħiħa għall-ambjent fraġli tal-Artiku;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi politika robusta dwar il-klima b'miri vinkolanti u biex b'mod attiv tappoġġja lil Franza fl-isforzi tagħha biex tospita konferenza dwar il-klima f'Pariġi fl-2015, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li d-deċiżjonijiet f'livell dinji li jinvolvu lill-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja u pajjiżi oħra tal-grupp BRICS kif ukoll l-UE huma meħtieġa biex jiġi kkumbattut it-tibdil fil-klima;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu reġjonali permanenti mas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Artiku;
6. Japprezza l-laqgħat li għamlet il-Kummissjoni mas-sitt assoċjazzjonijiet ta' popli indiġeni ċirkumpolari li huma rikonoxxuti bħala parteċipanti permanenti fil-Kunsill tal-Artiku; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li jiġu pprovduti fondi għal dawn l-assoċjazzjonijiet biex jattendu laqgħat tal-entitajiet tan-NU u assemblej internazzjonali oħra li diġà jinsabu preżenti fihom, u li politikament tappoġġja l-aspirazzjonijiet tagħhom biex ikunu preżenti f'fora internazzjonali oħra fejn jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-popli indiġeni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffukaw fuq kurituri tat-trasport bħal toroq, binarji tal-ferrovija u navigazzjoni bil-ħsieb li jinżammu u jiġu promossi konnessjonijiet transkonfinali fl-Artiku Ewropew u prodotti mill-Artiku jinġiebu lejn is-swieq Ewropej; huwa tal-fehma li hekk kif l-UE tkompli tiżviluppa l-infrastruttura tagħha tat-transport (Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, TEN-T), il-konnessjoni mal-Artiku Ewropew għandha bżonn titjieb;
8. Jenfasizza li netwerks ta' informazzjoni affidabbli, b'kapaċità għolja u servizzi diġitali huma strumentali biex tingħata spinta lill-attività ekonomika u l-benesseri tal-popli fl-Artiku, u li l-adozzjoni u l-użu ta' soluzzjonijiet intelliġenti li japplikaw teknoloġija avvanzata tal-komunikazzjoni għandhom jiġi promossi fis-setturi kollha;
9. Jirrkonoxxi l-importanza ta' ffinanzjar kontinwu u suffiċjenti għaż-Żoni Nordiċi b’Popolazzjoni Sparsa fl-indirizzar ta' żvantaġġi permanenti bħal popolazzjoni sparsa, kundizzjonijiet klimatiċi ħorox u distanzi twal;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, u l-awtoritajiet baġitarji jistabbilixxu, linja tal-baġit fl-Istrument ta' Sħubija għal-kwistjonijiet konnessi mal-politika tal-Artiku, u lill-Kummissjoni biex timmassimizza interazzjoni effettiva bejn il-programmi u proġetti interni u esterni tal-UE relatati mar-reġjun Artiku u sub-Artiku;
11. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu favur, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproċedi bl-istabbiliment ta' Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE bħala impriża f'netwerk b'uffiċċju permanenti f'Rovaniemi, b'referenza għall-Azzjoni ta' Tħejjija dwar Valutazzjoni Strateġika tal-Impatt Ambjentali tal-Iżvilupp fl-Artiku, kif appoġġjat mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għolu tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom tal-2012 u implimentata miċ-Ċentru Artiku tal-Università tal-Lapponja, flimkien ma' netwerk ta' ċentri ta' eċċellenza Ewropej dwar l-Artiku bl-għan li jinkiseb aċċess effiċjenti għal informazzjoni dwar l-Artiku, djalogi f'kull livell u komunikazzjoni sabiex jinġabru informazzjoni u għarfien għas-sostenibilità fl-Artiku;
12. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-NGO tal-Artiku Forum, li għandu l-għan li jipprovdi mezz konsistenti għall-NGOs ikkonċernati bi kwistjonijiet ambjentali sabiex jiġu flimkien u jaqsmu bejniethom ideat u perspettivi;
13. Iqis il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) bħala hub importanti għall-kooperazzjoni bejn il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-UE; japprezza x-xogħol tal-BEAC fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa u kwistjonijiet soċjali, l-edukazzjoni u r-riċerka, l-enerġija, il-kultura u t-turiżmu; jilqa' b'mod partikolari, il-konċentrazzjoni fuq iż-żgħażagħ taħt presidenza Finlandiża mill-2013 sal-2015;
14. Huwa tal-fehma li l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana bbażata fuq kooperazzjoni reġjonali u sħubiji pragmatiċi sservi bħala mudell ta' suċċess ta' stabilità, sieda konġunta u impenn, fi ħdan il-politika ġenerali UE-Russja; huwa tal-fehma li l-kunċett tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għandu jiġi żviluppat fid-direzzjoni ta' politika komprensiva mmirata lejn koordinament aħjar ta' sforzi differenti ta' kooperazzjoni fir-reġjun ta' Barents;
15. Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Kiruna tal-Kunsill tal-Artiku ta' Mejju 2013 u d-deċiżjoni tiegħu li "jilqa' b'mod affermattiv" l-applikazzjoni tal-UE għal sħubija bħala osservatur, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kanada, bħala l-presidenza tal-Kunsill tal-Artiku, biex isolvu l-kwistjonijiet li fadal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinfurmaw debitament lill-Parlament dwar dak il-proċess;
16. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jippromwovu attivament l-ogħla standards fir-rigward tas-sikurezza ambjentali fl-ilmijiet Artiċi, u jħeġġeġ lill-UE u liż-ŻEE jimplimentaw rapidament id-Direttiva 2013/30/UE dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore; jilqa' l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni dwar Tniġġis taż-Żejt fil-Baħar, il-Kapaċità ta' Tħejjija u Rispons fl-Artiku mill-membri tal-Kunsill tal-Artiku u jitlob impenn attiv tal-atturi Ewropej;
17. Jilqa' l-ħidma li qed issir fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar il-finalizzazzjoni ta' Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu; iħeġġeġ kooperazzjoni kemm fir-riċerka kif ukoll l-investiment bil-ħsieb li tiġi żviluppata infrastruttura robusta u sikura għar-rotot marittimi tal-Artiku, u jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippreservaw b'mod attiv il-prinċipji tal-libertà tan-navigazzjoni u l-passaġġ bi skopijiet paċifiċi;
18. Jinnota l-inizjattiva tal-Gvern tal-Islanda li jtemm negozjati ta' sħubija tal-pajjiż mal-UE; Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu relazzjonijiet tajba u jiżviluppaw kooperazzjoni eqreb mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni bħall-iżvilupp ta' trasport marittimu, is-sajd, l-enerġija ġeotermali u l-ambjent, billi jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti u jinkoraġġixxu kooperazzjoni fl-Artiku bejn atturi bbażati fl-UE u dawk fl-Islanda;
19. Jenfasizza r-relazzjonijiet b'saħħithom tal-UE mal-Groenlandja u l-importanza ġeostrateġika ta' dan il-pajjiż; jinnota l-prijoritajiet tal-Gvern tal-Groenlandja, b'enfasi mġedda fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-isruttament tal-materja prima; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jesploraw kif l-UE tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Groenlandja u tgħin f'dan l-iżvilupp sabiex kemm il-preokkupazzjonijiet ambjentali u l-ħtieġa ta' żvilupp ekonomiku jiġu kkunsidrati;
20. Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-iżviluppi bejn l-UE u l-Istati Kostali rigward il-kwoti tas-sajd u jittama li jiġu solvuti b'mod pożittiv, inkluż fir-rispett tal-kwistjonijiet futuri tas-sajd, bil-ħsieb li jiġu ppreservati l-istokkijiet tal-ħut fil-mira u ssir prevenzjoni ta' tfaqqir ta' speċijiet oħra u ħsara lill-ambjent tal-baħar;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.
- [1] ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 71
- [2] Testi adottati, P7_TA(2014)0075.