MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku
5.3.2014 - (2013/2595(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Michael Gahler, Ivo Belet, Dubravka Šuica, Elena Băsescu f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0229/2014
B7‑0232/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema[1], u wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE tat-28 ta' Ottubru 2013 rigward il-politika dwar l-Artiku,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-reġjun tal-Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss" (JOIN(2012)0019), kif ukoll id-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha bit-titoli "Inventarju ta' attivitajiet fil-qafas tal-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku" (SWD(2012)0182) u "L-ispazju u l-Artiku" (SWD(2012)0183),
– wara li kkunsidra s-Sħubija UE-Groenlandja 2007-2013 u l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Groenlandja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013 u huwa validu għal perjodu ta' 3 snin,
– wara li kkunsidra il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-programm Orizzont 2020 tal-UE għas-snin 2014-2020,
– wara li kkunsidra l-programm tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Artiku, il-Programm ta' Kooperazzjoni Artika tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku u l-programm tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC),
– wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali u d-dokumenti ta' politika ġodda u aġġornati li jikkonċernaw kwistjonijiet rigward l-Artiku mill-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Groenlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u r-Renju Unit rispettivament,
– wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet adottati waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana f'Settembru 2009 fi Brussell u fi Frar 2011 fi Tromsø,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rispettivi tad-9 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret fi Brussell mit-13 sal-15 ta' Settembru 2010, u tal-10 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret f'Akureyri mill-5 sas-7 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Ottubru 2013 fil-Kawża C-583/11P, u tal-25 ta' April 2013 fil-Kawża T-526/10 rigward l-applikazzjoni għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta' Awissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-panel tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki", kapitolu 1.3.5 (li jistabbilixxi d-deċiżjoni preliminari maħruġa fid-29 ta' Jannar 2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-sajf 2012 tikkostitwixxi risposta għat-talba tal-Parlament għall-formulazzjoni ta' politika koerenti tal-UE dwar l-Artiku;
B. billi l-Parlament kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera u man-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);
C. billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll tan-Norveġja u tar-Russja,
D. billi n-Norveġja, bħala sieħba affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz taż-ŻEE u l-Ftehim ta' Schengen;
E. billi kien hemm impenn dejjiemi tal-UE fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-politika komuni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda (inkluża t-Tieqa Artika tagħha), fil-kooperazzjoni ta’ Barents u – b’mod partikolari – fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u l-Kunsill Reġjonali ta' Barents, u fid-dawl tal-implikazzjonijiet tas-sħubija strateġika mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u l-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-Kunsill tal-Artiku f'dawn l-aħħar snin;
F. billi d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Artiku f'Kiruna biex "jirċievi b'mod affermattiv" l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur qed tiġi interpretata b'modi differenti rigward sa fejn l-UE ser tingħata dan l-istatus;
G. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut kbir għar-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi tal-UE, inkluż il-programm qafas ġdid Orizzont 2020, jappoġġaw proġetti ta' riċerka kbar fir-reġjun, li minnhom żgur jibbenefikaw il-popli u l-ekonomiji tal-pajjiżi Artiċi;
H. billi huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħames riżorsi ta' idrokarburi mhux skoperti jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, għalkemm tinħtieġ riċerka aktar estensiva biex ikun stabbilit b'mod iktar preċiż kemm hemm gass u żejt, f'liema partijiet tar-reġjun tal-Artiku jinsabu u b'liema teknoloġija u kemm ikun ekonomikament vijabbli li jiġu sfruttati dawn ir-riżervi;
I. billi l-interess li qed jikber fir-reġjun tal-Artiku fost atturi mhux Artiċi bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u nazzjonijiet Asjatiċi oħra, l-allokazzjoni ta' fondi tagħhom għar-riċerka polari u, mhux l-anqas, il-konferma tal-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u Singapor bħala osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku jindikaw apprezzament ġeopolitiku li qed jiżdied fuq skala globali;
J. billi s-sikurezza ta' operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fl-Artiku hija indirizzata fid-Direttiva 2013/30/UE dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u teħtieġ attenzjoni speċjali sabiex jiġi żgurat il-ħarsien ambjentali tal-Artiku, b'kont meħud tar-riskju ta' aċċidenti kbar u l-ħtieġa ta' rispons effettiv;
K. billi l-ħtieġa ta' rispons effettiv fir-rigward tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fl-Artiku hija enfasizzata fid-Direttiva 2013/30/UE dwar is-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore;
L-EU u l-Artiku
1. Ifakkar fl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema, u jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, billi tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi filwaqt li n-Norveġja u l-Islanda huma parti miż-ŻEE u miż-żona Schengen, l-UE għandha interess leġittimu minħabba d-drittijiet u l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha favur politiki ambjentali u ta' riċerka u politiki oħrajn, u minħabba l-finanzjament, l-attivitajiet ta' riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, fosthom fl-oqsma tat-trasport marittimu u tal-iżvilupp tar-riżorsi naturali; ifakkar ukoll li l-UE għandha żoni kbar ta' art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja, li huma abitati mill-uniku grupp ta' popolazzjoni indiġena fl-UE, is-Sami;
2. Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Kiruna tal-Kunsill tal-Artiku u tad-deċiżjoni tiegħu dwar l-istatus ta' osservatur għall-UE u għal entitajiet statali oħra, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu lil kwistjonijiet pendenti mal-Kanada u tinforma debitament lill-Parlament dwar dak il-proċess;
3. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Kummissjoni biex tikseb l-istatus ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku; ifakkar fir-rwol tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bħala membri attivi ta' istituzzjonijiet oħra rilevanti għar-Reġjun tal-Artiku, bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI); jenfasizza l-ħtieġa li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE jiġu ffokati mill-ġdid fuq oqsma fejn l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-UE jinsabu fil-periklu;
4. Jenfasizza r-rwol tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) bħala fulkru importanti għall-kooperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni; jinnota l-ħidma tal-BEAC rigward kwistjonijiet soċjali u tas-saħħa, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-enerġija, tal-kultura u tat-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;
5. Jenfasizza l-kontribuzzjonijiet mill-UE għar-riċerka u l-iżvilupp u l-impenn ta' operaturi ekonomiċi rreġistrati u attivi taħt il-liġijiet tal-UE fir-reġjun tal-Artiku;
6. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti dwar kif il-Proġett Galileo jew progetti oħra bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun hemm navigazzjoni aktar sikura u ta’ malajr fl-ilmijiet tal-Artiku, u b’hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ tal-Lvant mit-Tramunatana b’mod partikolari, sabiex jikkontribiwixxu għal prevedibbiltà aħjar tal-moviment tas-silġ, kif ukoll immappjar aħjar ta’ qiegħ il-baħar Artiku u fehim tal-proċessi ġeodinamiċi ewlenin fir-reġjun;
7. Jilqa' l-implimentazzjoni mill-membri tal-Kunsill tal-Artiku tal-Ftehim ta' Tiftix u Salvataġġ u l-Ftehim dwar Azzjoni f'Każ ta' Tixrid ta' Żejt, u jitlob involviment attiv mill-istituti u l-impriżi Ewropej fil-proċess ta' implimentazzjoni;
8. Jenfasizza l-ħtieġa għal impenn attiv tal-UE fil-gruppi ta' ħidma rilevanti kollha tal-Kunsill tal-Artiku u f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, bħall-OMI;
9. Jilqa' l-istrateġiji Artiċi ġodda ta' Stati Membri tal-UE individwali, kemm ta' dawk li huma membri tal-Kunsill tal-Artiku bħall-Finlandja, id-Danimarka u l-Isvezja u ta' dawk li għandhom status ta' osservatur bħall-Ġermanja u r-Renju Unit; jissottolinja l-fatt li dawn l-istrateġiji m'għandhomx iwasslu biss għal fehim iżjed realistiku iżda anke għal impenji konkreti fl-Artiku, u li dan jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed kont tal-politiki u tal-programmi komuni tal-UE li jaffettwaw l-Artiku;
10. Jinnota d-deċiżjoni tal-Gvern ġdid Islandiż li joħroġ min-negozjati għall-adeżjoni mal-UE; jiddispjaċih għall-fatt li ż-żewġ naħat ma setgħux isibu soluzzjoni rigward l-opinjonijiet konfliġġenti tagħhom dwar xi kwistjonijiet, minkejja r-rabtiet kulturali li jgħaqqduhom u l-fatt li l-Islanda diġà implimentat ammonti kbar ta' leġiżlazzjoni tal-UE bħala pajjiż membru taż-ŻEE u taż-żona Schengen, u għal din l-opportunità mitlufa sabiex l-Islanda tiġi integrata aktar mill-qrib – anki bi klawsoli ta' eżenzjonijiet speċjali – b'kont meħud tal-pożizzjoni strateġika ġeopolitika u ġeoekonomika tagħha, għall-benefiċċju ta' ġenerazzjonijiet futuri; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kooperazzjoni eqreb mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni, bħall-iżvilupp ta' trasport marittimu u ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li jintużaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti u jiġu mħeġġa r-riċerka u l-kooperazzjoni kummerċjali bejn atturi Ewropej u Islandiżi – b'mod partikolari fid-dawl tal-attivitajiet li qed jiżdiedu ta' atturi Ċiniżi, filwaqt li jkun żgurat li l-interessi Ewropej ma jbatux f'dan ir-reġjun strateġikament importanti;
11. Jilqa' l-preparazzjonijiet għall-Kunsill Ekonomiku tal-Artiku, li għandu jkun marbut mal-Kunsill tal-Artiku f'funzjoni konsultattiva; jenfasizza l-proporzjon ta' negozji u istituti Ewropej li qed jikkontribwixxu u jinvestu fl-Artiku, li jindika parteċipazzjoni effiċjenti mill-atturi kummerċjali, mhux biss mit-tliet Stati Artiċi Membri tal-UE, iżda anke minn stati (osservaturi) oħrajn, u dan fid-dawl tan-natura globali ta' ħafna negozji llum;
12. Jilqa' x-xogħol ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, li jiżguraw l-impenn bilanċjat u fit-tul ta' negozji Ewropej u dawk li mhumiex, bħar-Round Table dwar in-Negozju fl-Artiku, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti s-suġġerimenti tagħha dwar kif tista' tappoġġa negozji Ewropej impenjati fi żvilupp soċjoekonomiku bilanċjat, sostenibbli u fit-tul fl-Artiku;
13. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-għadd enormi ta' attivitajiet xjentifiċi, ekonomiċi u ċiviċi, b'mod partikolari fl-Artiku Ewropew, ir-reġjun ta' Barents u lil hinn, biex tiżviluppa prattiki bl-għan li l-fondi tal-UE jintużaw aħjar u li jiġi żgurat bilanċ xieraq fil-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun tal-Artiku meta l-fondi tal-UE jiġu allokati lill-Artiku;
14. Jissuġġerixxi wkoll li għandhom jittieħdu passi sabiex jiġu allinjati aħjar il-programmi eżistenti, pereżempju l-programm Interreg IV, l-NPP, il-Programm Kolartic, l-istrateġija Baltika u dik tat-Tkabbir Blu, kif ukoll kontribuzzjonijiet li jiffinanzjaw Sħubiji tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, bħall-NDEP u l-NDPTL, jew il-pakketti tal-ENPI li jippermettu l-allokazzjoni ta' finanzjamenti, u biex jiġu definiti b'mod ċar l-prijoritajiet ta' investiment għall-impenn fir-reġjun tal-Artiku; iħeġġeġ li pjattaforma tal-Kummissjoni u tas-SEAE tingħata r-responsabbiltà li tiżgura l-allokazzjoni koerenti ta' fondi għall-Artiku;
15. Jafferma l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE, netwerk ibbażat fl-Artiku bl-għan li jiġu infurmati u jinbnew konnessjonijiet bejn l-atturi tal-Artiku u tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa kruċjali li dan il-proġett jintegra interfaċċa speċjali għall-atturi istituzzjonali tal-UE; jirrikonoxxi r-rwol tal-Forum tal-Artiku tal-UE fi Brussell bħala pjattaforma unika li tħeġġeġ il-fehim fost il-firxa wiesgħa ta' atturi relevanti kemm fl-Artiku kif ukoll fl-UE u li torbot l-oqsma tat-tfassil tal-politka, ix-xjenza u n-negozju;
16. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-kapaċità tas-SEAE li jorganizza koordinazzjoni fost id-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni kkonċernati, wara li d-Direttorat RELEX ġie maqtugħ barra mill-infrastruttura tal-Kummissjoni u stabbilit bħala entità separata; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrappotaw lill-Parlament, qabel it-tmiem ta' dan il-mandat tal-Kummissjoni, dwar kif sistema effiċjenti – bħal dik li qabel kienet issir mill-Grupp ta' Ħidma Informali bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni – għandha tiġi organizzata sabiex tikkoordina grupp ta' ħidma orizzontali bl-għan li tiżgura l-koerenza, il-koordinazzjoni u l-effiċjenza orizzontali tal-iżvilupp tal-politika u t-twettiq tal-programmi tal-UE, hekk kif mitlub mill-Parlament;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tressaq strateġija soċjoekonomika koerenti dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, sabiex tiżgura li l-interessi tal-UE u tal-Istati Membri jiġu kkunsidrati kull meta jiġu żviluppati, mibdula jew aġġornati politiki li jaffettwaw l-Artiku;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni li jiddefinixxi miżuri konkreti għall-implimentazzjoni koerenti ta' tali strateġija u ta' politiki u programmi eżistenti marbuta mal-Artiku, sabiex jiżguraw approċċ koordinat meta jittrattaw mar-reġjun tal-Artiku;
L-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima fir-reġjun tal-Artiku
19. Jenfasizza l-impatt globali tat-tibdil fir-reġjun tal-Artiku u r-rwol importanti li, flimkien man-nazzjonijiet ċirkumpolari, l-UE u ċ-ċentri industrijali l-oħra ser ikollhom fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun tal-Artiku kkawżat minn attivitajiet li jsiru f'dan l-istess reġjun u li dejjem jiżdiedu; jindika l-fatt li l-bidliet klimatiċi fl-Artiku se jkollhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni kostali tal-Ewropa u mkejjen oħra u fuq setturi dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija, it-trobbija ta’ merħliet tar-renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;
20. Jirrikonoxxi l-fatt li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi aktar moderati mhux biss għandhom ir-riskju li jispostaw il-popli indiġeni u b’hekk jheddu l-mod kif jgħixu l-indiġeni, iżda x'aktarx joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun tal-Artiku; jirrikonoxxi r-rieda tal-abitanti u l-gvernijiet tar-reġjun tal-Artiku bi drittijiet u b'responsabbiltajiet sovrani li jibqgħu jippruvaw jiksbu żvilupp ekonomiku sostenibbli waqt li fl-istess ħin jipproteġu l-għejun tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku;
21. Filwaqt li jżomm f'moħħu leġiżlazzjoni simili tal-Istati Uniti, jiddispjaċih għall-impatt li r-regolament tal-UE dwar il-projbizzjoni fuq il-ġlud tal-foki kellu fuq partijiet tal-popolazzjoni u b'mod partikolari fuq il-kultura u l-għajxien tal-popli indiġeni, li jwassal għal ostakolu għall-impenji tal-UE fl-Artiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora modi kif tadatta jew tirriforma din il-leġiżlazzjoni u tagħmilha kompatibbli mal-bżonnijiet tas-sħab tagħha fl-Artiku;
22. Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni b'mod ġenerali u partikolarment tas-Sami bħala l-uniku poplu indiġenu fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tesplora modi kif l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati fil-proċessi tat-tfassil tal-politika tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment ta' Rappreżentanza Indiġena Indipendenti fi Brussell;
23. Jissottolinja l-kontributi importanti li saru mill-UE għar-riċerka fil-qafas ta' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi intestaturi ċari għall-appoġġ ta' riċerka relatata mal-Artiku fil-programm ġdid Orizzont 2020, kemm b'mod ġenerali u kif ukoll fir-riċerka applikata;
24. Itenni li t-tħassib ambjentali serju relatat mal-ilmijiet tal-Artiku jirrikjedu attenzjoni speċjali li tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent tal-Artiku b'rabta ma' kwalunkwe operazzjoni offshore taż-żejt u tal-gass, filwaqt li jitqies ir-riskju ta' aċċidenti kbar u l-ħtieġa għal rispons effettiv, kif previst fid-Direttiva 2013/30/UE;
25. Jenfasizza l-ħtieġa ta' rispons effettiv fir-rigward tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fl-Artiku, kif previst fid-Direttiva 2013/30/UE dwar is-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore;
26. Jissottolinja l-importanza kbira tas-sikurezza u s-sigurtà ta' rotot ġodda tat-trasport dinji bil-baħar fl-Artiku, b'mod partikolari għall-ekonomiji tal-UE u l-Istati Membri tagħha, billi dawn il-pajjiżi jikkontrollaw 40 % tat-trasport marittimu kummerċjali tad-dinja; jilqa' l-finalizzazzjoni tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżommu kuntatt qrib mal-istituti Ewropej tar-riċerka u ma' impriżi tat-trasport u tal-assikurazzjoni bl-għan li jkun żgurat li jitqiesu t-teknoloġiji u l-esperjenzi ġodda; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddefendu attivament il-libertà tal-ibħra u d-dritt tal-passaġġ liberu mill-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali; iħeġġeġ il-kooperazzjoni kemm fir-riċerka kif ukoll fl-investiment bl-għan li tiġi żviluppata infrastruttura robusta u sikura għar-rotot marittimi tal-Artiku;
27. Jenfasizza l-importanza tax-xogħol li sar f'dan ir-rigward mis-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika (NDPTL);
28. Jistieden lill-Istati fir-reġjun jiżguraw li kwalunkwe rotta tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jinħolqu fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali, u jżommu lura milli jintroduċu piżijiet unilaterali arbitrarji, kemm finanzjarji kif ukoll amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri maqbula internazzjonalment immirati biex tiżdied is-sigurtà jew il-protezzjoni tal-ambjent;
29. Jieħu nota tal-attivitajiet ta' esplorazzjoni riċenti fl-Artiku Ewropew, fil-Baħar Barents, u jenfasizza l-kooperazzjoni bilaterali bejn in-Norveġja u r-Russja, li jimmiraw għall-ogħla standards tekniċi disponibbli fil-qasam tal-ħarsien ambjentali waqt it-tiftix taż-żejt u l-gass fil-Baħar ta' Barents; jindika, b’mod partikolari, l-importanza tal-iżvilupp kontroversjali ta’ teknoloġiji ġodda żviluppati speċjalment għall-ambjent Artiku, bħat-teknoloġija tal-installazzjoni taħt qiegħ il-baħar;
30. Filwaqt li hu konxju mid-dibattiti interni fl-UE u l-Istati Membri tagħha dwar it-tibdil fil-klima u l-politiki ġodda dwar l-enerġija (‘Energiewende’), ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE bħala konsumatur ewlieni ta' gass naturali mill-Artiku u l-involviment ta' atturi ekonomiċi Ewropej; jissottolinja r-rwol ta' gass naturali minn sors ta' provvista sikur u bla periklu, prodott skont l-ogħla standards possibbli, bħala element importanti li fil-futur ser jorbot ma' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jappoġġa l-approċċ prekawzjonarju pass wara pass fl-iżvilupp tar-riżorsi tal-enerġija fl-Artiku, u jenfasizza l-fatt li d-diversi reġjuni tal-Artiku għandhom kundizzjonijiet li jvarjaw minn xulxin b'mod sostanzjali u għalhekk għandhom jiġu indirizzati separatament;
31. Ifakkar fid-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tagħhom ta' żvilupp sostenibbli tar-reġjun u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar liema programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw tali żvilupp sostenibbli, bilanċjat u fit-tul, u biex tħejji miżuri bl-għan li jingħata kontribut aktar konkret biex din ix-xewqa sseħħ;
32. Jieħu nota tal-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Gvern il-ġdid tal-Groenlandja; jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif il-programmi tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sotenibbli tal-Groenlandja, partikolarment fid-dawl taż-żieda drammatika fl-attivitajiet ta' atturi mhux Ewropej fil-Groenlandja; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jieħdu perspettiva strateġika tal-ġejjieni tal-Groenlandja u l-iżvilupp tar-riżorsi tagħha, filwaqt li jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-Ewropa tikkontribwixxi b’mod xieraq għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;
33. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-suċċess ferm limitat tal-Ittra ta' Intenzjoni ffirmata mill-Viċi President tal-Kummissjoni mal-Groenlandja, meta mqabbla mal-veloċità ta' tħejjija għall-impenn u l-investiment min-nazzjonijiet Asjatiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw ukoll man-negozji Ewropej sabiex jiżguraw li jitqiesu l-interessi fit-tul tal-UE u l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli fit-tul;
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati tar-reġjun tal-Artiku.
- [1] ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 71.