Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0233/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0233/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

5.3.2014 - (2013/2595(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sabine Lösing, Willy Meyer, Jacky Hénin, Nikola Vuljanić, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2013/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0233/2014
Testi mressqa :
B7-0233/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0233/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

(2013/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u li ilha fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tat-13 ta’ Settembru 2007,

 

–       wara li kkunsidra l-Karta dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Marzu 2008,

–       wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-klima tal-Artiku, maħruġa mir-Raba' Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Artiku f'Rejkjavik fl-24 ta' Novembru 2004,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2012 (JOIN(2012)0019) u tal-20 ta' Novembru 2008 (COM(2008)0763) dwar il-politika tal-UE dwar l-Artiku,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema[1],

–       wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Artiku tal-Flotta tal-Istati Uniti tal-10 ta’ Novembru 2009,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-effetti tat-tibdil fil-klima li joriġinaw kważi unikament minn barra l-Artiku se jkollhom impatt fuq ir-reġjun; billi b’mod partikolari l-irtirar tas-silġ fil-baħar aktarx li se jkollu effetti u riperkussjonijiet ambjentali imprevedibbli u diżastrużi f’partijiet oħra tal-pjaneta, kif ukoll żieda fit-trasport marittimu, b’mod paritikolari bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Amerika ta’ Fuq, fl-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali, speċjalment il-gass, iż-żejt u minerali oħra, iżda wkoll ir-riżorsi naturali, bħalma huma l-ħut, u fl-isfruttment ta’ riżorsi ġenetiċi tal-baħar, żieda fl-attivitajiet fil-minjieri u ta’ qtugh ta’ siġar u żieda fit-turiżmu;

B.     billi l-isfruttament industrijali tal-Oċean Artiku, li qabel kien protett bis-silġ, se jkollu impatt serju fuq l-ekosistema Artika ferm sensittiva u fuq il-klima dinjija;

C.     billi ż-żieda fl-aċċessibilità tar-riżorsi enormi ta’ idrokarburi fir-reġjun Artiku qed tibdel id-dinamika ġeostrateġika tiegħu, b’konsegwenzi potenzjali għall-istabilità internazzjonali u l-interessi Ewropej ta’ sigurtà, u billi ż-żieda fl-interess ġeostrateġiku tal-Istati Membri tal-UE u tan-NATO qed twassal għal militarizzazzjoni tat-Tramuntana Estrema, billi r-Russja ħabbret f'Diċembru 2013 l-intenzjoni tagħha, bħala parti mill-prijoritajiet tagħha, li tibni forzi fl-Artiku sabiex tiżgura sigurtà militari u tippreteġi l-interessi nazzjonali tal-pajjiż fir-reġjun;

D.     billi f'Diċembru 2013, il-Kanada ssottomettiet lin-NU talba għal territorju Artiku, li jinkludi l-Pol tat-Tramuntana;

E.     billi l-uniċi popli indiġeni tal-UE jgħixu fl-Isvezja u l-Finlandja; billi l-popli indiġeni tal-Artiku u s-soċjetà ċivili tagħhom għandhom jitqiesu bħala partijiet interessati ewlenin fil-proċessi li qed jevolvu fl-Artiku;

1.      Huwa tal-fehma li l-aħjar mod biex ir-riżorsi naturali jkunu protetti jkun permezz ta' moratorju fuq l-isfruttament industrijali tar-reġjun tal-Oċean Artiku li sa llum huwa kopert bis-silġ, u li dan il-moratorju għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi adottat qafas legalment vinkolanti li jkopri l-oqsma kollha, biex jinkiseb il-ħarsien sħiħ tal-ekosistema u tal-popli tal-Artiku; jenfasizza li kwalunkwe ftehim dwar moratorju għandu jiġi miftiehem mal-pajjiżi u mal-popli, partikolarment il-popli indiġeni, li jgħixu fil-pajjiżi tar-reġjun; iqis li għandu jinħoloq fond biex jikkumpensa l-poplu tal-Artiku talli jżomm lura milli juża r-riżorsi naturali tiegħu;

2.      Jirrikonoxxi li l-UE, bħal żoni żviluppati oħra fid-dinja, tikkontribwixxi sostanzjalment għat-tibdil fil-klima u għalhekk għandha responsabilità speċjali;

3.      Iqis l-Artiku bħala ekosistema sensittiva ħafna fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma viżibbli b’mod speċjali, hekk li għandhom riperkussjonijiet katastrofiċi u irreparabbli fuq reġjuni oħra tad-dinja;

4.      Jenfasizza l-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-ambjent fraġli tal-Artiku; jissottolinja l-importanza tal-istabilità ġenerali u l-paċi fir-reġjun; jenfasizza li l-UE għandha ssegwi politiki li jiżguraw li l-ogħla prijorità hija l-protezzjoni tar-reġjun Artiku, li min-naħa tagħha hija wieħed mir-regolaturi prinċipali tal-klima globali u hija sors maġġuri ta’ dħul ekonomiku għall-abitanti tar-reġjun;

5.      Jenfasizza r-rwol prinċipali li għandha l-UE fit-tnaqqis tat-tniġġis li jidħol fir-reġjun tal-Artiku, inter alia permezz ta' trasport fuq distanzi twal; jindika l-fatt li t-tibdil fil-klima fl-Artiku se jkollu impatt katastrofiku u irreparabbli fuq ir-reġjuni kostali fl-Ewropa u mkejjen oħrajn u fuq industriji dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa u f'postijiet oħra, bħalma huma l-agrikoltura, l-enerġija rinnovablli, is-sajd u t-trasport;

6.      Jenfasizza li l-effetti tas-silġ li qed jinħall għandhom aspetti pożittivi minuri u fuq żmien qasir biss għall-iżvilupp ekonomiku fir-rigward tal-iżviluppi ta’ qerda ambjentali fuq żmien twil u b'effett aktar qawwi fir-reġjun tal-Artiku;

7.      Jinnota bi tħassib il-militarizzazzjoni li qed tiżdied fir-reġjun Artiku mill-istati tal-Artiku, ir-Russja, u mill-istati tan-NATO, l-Istati Uniti, il-Kanada, id-Danimarka u n-Norveġja, u ma jqisx li l-Pjan Direzzjonali tal-Artiku tal-Flotta tal-Istati Uniti, iż-żieda fin-numru ta’ Gwardjani Artiċi tal-Kanada, l-eżerċizzji militari mwettqa f’Awwissu 2010 jew l-iskjerament ta' truppi Russi ppjanat sal-2020 jikkontribwixxu biex iseddqu fehim u kooperazzjoni kostruttivi fir-reġjun; jindika li l-istati tal-Artiku bosta drabi ddikjaraw l-impenn tagħhom favur risoluzzjoni ta' konflitti ta’ interess possibbli skont prinċipji tad-dritt internazzjonali, u f’xi każijiet ħadmu biex isolvuhom;

8.      Jirrikonoxxi li waqt li hemm differenzi ovvji bejn l-Artiku u l-Antartiku, hemm ukoll similaritajiet ovvji; jindika li t-test tat-Trattat tal-Antartiku joħloq b'suċċess qafas għal riċerka u kooperazzjoni paċifiċi mingħajr ma jinqabad f'tilwimiet territorjali u mingħajr preġudizzju għall-fruntieri sovrani eżistenti; jenfasizza li l-istess għanijiet ta’ riċerka u kooperazzjoni paċifiċi huma wesgħin biżżejjed u s-sitwazzjoni simili biżżejjed biex ikunu kkunsidrati relevanti wkoll fil-kuntest tal-Artiku;

9.      Jappoġġja kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Kunsill tal-Artiku li tista' sservi bħala qafas għal kooperazzjoni paċifika għall-protezzjoni tal-popli tal-Artiku u l-Artiku nnifsu;

10.    Jirrispetta l-inizjattiva tal-Gvern tal-Islanda biex itemm in-negozjati ta' sħubija mal-UE; jemmen li huwa importanti li jinżammu relazzjonijiet tajba u tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni;

11.    Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward ta' żviluppi bejn l-UE u l-istati kostali rigward kwoti tas-sajd, u jittama li tinstab soluzzjoni ġusta;

12.    Huwa konxju mill-ħteġa ta' riżorsi għal popolazzjoni dinjija li qed tikber; jirrikonoxxi l-fatt li hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għall-popolazzjoni dinjija attwali, partikolarment jekk issir bidla estensiva lejn l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ta’ ffrankar tal-enerġija, iżda li d-distribuzzjoni mhux ġusta tal-isfruttament tar-riżorsi toħloq reġjuni fid-dinja estremament fqar u estremament għonja, u għalhekk jitlob miżuri politiċi, ekonomiċi u soċjali u bidla estensiva lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ta’ ffrankar tal-enerġija sabiex jitneħħa dan l-iżbilanċ; ma jikkunsidrax l-isfruttament bi ħsara għall-ambjent tar-riżervi taż-żejt u l-gass maħsuba li jeżistu fl-Artiku bħala soluzzjoni, iżda jappella għal protezzjoni bla limiti ta’ din l-ekosistema sensittiva ħafna;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Artiku, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.