MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja
11.3.2014 - (2014/2627(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Martin Callanan, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Paweł Robert Kowal, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Ruža Tomašić, Marek Henryk Migalski, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR <<<
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0263/2014
B7‑0263/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus tad-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-ġdid inizjalat fit-30 ta' Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi tiraturi pro-Russja u suldati Russi ħatfu binjiet essenzjali fil-kapitali tal-Krimea, Simferopol, kif ukoll installazzjonijiet Ukraini importanti u objettivi strateġiċi fil-Krimea, inklużi mill-inqas tliet ajruporti; billi l-parti l-kbira tal-unitajiet militari Ukraini fil-peniżola ġew iċċirkondati iżda rrifjutaw li jċedu l-armi tagħhom;
B. billi fl-1 ta' Marzu 2014, il-Parlament Russu approva t-talba tal-President Putin li juża forzi Russi fl-Ukraina biex jipproteġi l-interessi tar-Russja u tal-persuni ta' lsien Russu fil-Krimea u fil-pajjiż;
C. billi l-aggressjoni Russa fil-Krimea marret kontra d-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, mill-inqas tliet ftehimiet tal-1997 bejn l-Ukraina u r-Russja dwar relazzjonijiet bilaterali, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u l-atti ewlenin tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);
D. billi r-Russja ġabret forzi kbar fil-fruntiera tal-Lvant tal-Ukraina, u b'rispons għal dan, il-Gvern Ukrain ordna mobilizzazzjoni militari sħiħa;
E. billi l-Parlament tal-Krimea, fis-6 ta' Marzu 2014, appella lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa bi proposta biex jingħata bidu għall-proċedura biex il-Krimea ssir tagħmel parti mir-Russja, u ddeċieda li jorganizza referendum dwar dan is-suġġett fil-Krimea;
F. billi l-UE ffriżat l-assi ta' 18-il eks uffiċjal tal-Ukraina, inkluż l-eks President Viktor Yanukovych;
G. billi l-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev ħabbar pjanijiet għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri maħsubin biex il-persuni ta' lsien Russu f'pajjiżi barranin jiksbu ċ-ċittadinanza Russa;
H. billi l-Istati Uniti ħarġu restrizzjonijiet tal-viża kontra għadd ta' uffiċjali u individwi Ukraini u Russi responsabbli mit-theddida għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina jew kompliċi f'tali theddida;
1. Jikkundanna l-vjolazzjoni min-naħa tar-Russja fil-konfront tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina, u jitlob lir-Russja twaqqaf immedjatament kull vjolenza kontra l-Ukraina, ittemm l-appoġġ tagħha għall-hekk imsejħa 'forzi ta' difiża proprja' u tirtira t-truppi tagħha lejn iż-żoni fejn huma stazzjonati b'mod permanenti;
2. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nazzjoni Ukrain u r-rispett sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jirrikonoxxi l-leġittimità tal-gvern il-ġdid maħtur minn parlament elett demokratikament;
3. Jitlob lill-partijiet kollha u lill-partijiet terzi jipproteġu l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jitlob lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi jikkundannaw b'mod uffiċjali l-imġiba vjolenti u d-destabilizzazzjoni tal-paċi fl-Ewropa, f'sitwazzjoni fejn il-Federazzjoni Russa qiegħda ċarament tikser is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina;
4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiffirma Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014; jenfasizza l-perspettiva tal-Ukraina għal sħubija fl-UE, li fil-prinċipju hija mogħtija bl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
5. Jemmen li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jissospendi diskussjonijiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar kwistjonijiet relatati mal-viża u l-Ftehim il-Ġdid mhumiex biżżejjed, u jitlob sanzjonijiet iktar konkreti kontra uffiċjali Russi u persuni involuti fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, li huma responsabbli mill-aggressjoni reċenti fil-Krimea, inklużi projbizzjonijiet ta' viża, restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi; jitlob ukoll biex ikun hemm projbizzjoni kummerċjali tal-armi u t-teknoloġija militari madwar l-UE;
6. Jitlob lil Franza biex, b'rabta ma' dan, ittemm il-bejgħ ta' bastimenti tal-assalt tal-klassi Mistral lir-Russja;
7. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi pakkett ta' appoġġ għall-Ukraina, li jiġbor fih bosta tipi ta' strumenti finanzjarji u li jammonta għal massimu ta' EUR 11 175 biljun tul is-sentejn li ġejjin; itenni, b'rabta ma' dan, it-talba tiegħu lill-VP / RGħ Catherine Ashton u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jorganizzaw u jikkoordinaw konferenza internazzjonali tad-donaturi, li għandha sseħħ mill-iktar fis, preferibbilment qabel it-tmiem ta' Marzu, sabiex jiġi żgurat finanzjament addizzjonali biex jgħin lill-Gvern Ukrain il-ġdid jegħleb il-kriżi finanzjarja u baġitarja li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħha bħalissa;
8. Jitlob lill-President tiegħu jissospendi kull relazzjoni politika mad-Duma Statali Russa u mal-Kunsill tal-Federazzjoni, sakemm il-forzi Russi fl-Ukraina jkunu rtiraw lejn iż-żoni ta' stazzjonament permanenti tagħhom, bi qbil mal-ftehimiet eżistenti;
9. Jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jadotta miżuri unilaterali li jippermettu lill-Ukraina tibbenefika b'mod sostanzjali mill-vantaġġi offruti minn żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva, inklużi t-tnaqqis ta' tariffi u l-ftuħ tal-kwoti tar-rati tat-tariffi;
10. Jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija għall-Ukraina u għal dawk l-Istati Membri li jkunu affettwati f'każ ta' qtugħ possibbli tal-provvista tal-gass u taż-żejt min-naħa tar-Russja;
11. Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina ġew garantiti mill-Istati Uniti, mill-Federazzjoni Russa u mir-Renju Unit skont il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà, meta l-Ukraina ċediet l-armi nukleari tagħha u ngħaqdet mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari; ifakkar ukoll lill-Federazzjoni Russa li, flimkien maż-żewġ pajjiżi l-oħra msemmija hawn fuq, ħadet l-impenn fl-istess att li ma twettaqx azzjonijiet ta' koerzjoni ekonomika bl-għan li tissubordina għall-interessi tagħha l-eżerċitar min-naħa tal-Ukraina tad-drittijiet inerenti għas-sovranità tagħha, u b'hekk tiżgura vantaġġi ta' kwalunkwe tip;
12. Jikkundanna bis-saħħa lir-Russja talli waqqfet lit-tim ta' osservaturi militari tal-OSKE milli jidħlu fil-Krimea;
13. Jinsab imħasseb ħafna b'rabta mar-rapporti dwar truppi Russi li jpoġġu mini fil-pont ta' art li jgħaqqad lill-peniżola tal-Krimea mal-kontinent, u jitlob li ssir investigazzjoni u verifika indipendenti tal-OSKE dwar din il-vjolazzjoni serja; jenfasizza għal darb'oħra l-indiviżibilità u l-integrità territorjali tal-Ukraina;
14. Itenni t-talba tiegħu biex l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jieħdu l-impenn lejn ftuħ wiesa' għas-soċjetà Ukraina, b'mod partikolari permezz ta' ftehim immedjat dwar skema li tneħħi l-viżi; huwa tal-fehma li l-miżata għall-viża għandha titnaqqas b'mod drastiku għaż-żgħażagħ Ukraini b'effett immedjat, u li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka, għandhom jiżdiedu l-iskambji fost iż-żgħażagħ u għandu jkun hemm iktar boroż ta' studju disponibbli;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-destin ta' mill-inqas ħames attivisti u ġurnalisti Ukraini li huma kontra l-invażjoni tal-Krimea mir-Russja, u li sparixxew mill-peniżola;
16. Ifakkar li skont l-Artikolu 73 tal-Kostituzzjoni Ukraina, kwalunkwe bidla lit-territorju tal-Ukraina għandha tissolva esklużivament permezz ta' referendum fl-Ukraina kollha, u jwissi li s-seċessjoni tal-Krimea abbażi ta' referendum lokali se titqies bħala illegali;
17. Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lill-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0595.