Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0264/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0264/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

11.3.2014 - (2014/2627(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Jacek Saryusz-Wolski, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Angelilli, Sophie Auconie, Elena Băsescu, Ivo Belet, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Mário David, Anne Delvaux, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Jan Kozłowski, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Inese Vaidere, Philippe Juvin f'isem il-Grupp PPE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0263/2014

Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0264/2014

B7‑0264/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

(2014/2627(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, u b'riferiment partikolari għal dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta’ Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b’mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja[3],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tat-3 ta' Marzu 2014 tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-4 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina insegwitu tal-laqgħa straordinarja tas-6 ta' Marzu 2014 tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-forzi armati tal-Federazzjoni Russa jinsabu f'vjolazzjoni tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina;

B.     billi l-awtoritajiet illeġittimi tal-Krimea ddeċiedew fis-6 ta' Marzu 2014 favur l-inkorporazzjoni fil-Federazzjoni Russa u appellaw għal referendum għas-16 ta Marzu 2014 fuq l-indipendenza tal-Krimea, u dan bi ksur tal-kostituzzjoni tal-Ukraina, li tippermetti li jinżamm referendum biss fuq kwistjonijiet lokali;

C.     billi r-Russja, flimkien mar-Renju Unit u l-Istati Uniti, hija kontraenti għall-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà għall-Ukraina tal-1994, u b'hekk hija garanti tar-rispett tal-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina;

D.     billi fl-1 ta' Marzu 2014 il-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa awtorizza l-iskjerament tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina;

E.     billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU żamm żewġ laqgħat fi tliet ijiem dwar l-Ukraina; billi d-Deputat Segretarju Ġenerali tan-NU Jan Eliasson intbagħat Kyiv fit-2 ta' Marzu 2014 sabiex jinforma s-Segretarju Ġenerali dwar azzjonijiet ulterjuri li n-NU jistgħu jieħdu sabiex titnaqqas l-intensità tas-sitwazzjoni;

1.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-invażjoni u l-vjolazzjoni mhux provokata tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa; jitlob l-irtirar immedjat tal-forzi armati Russi miż-żoni fejn huma stazzjonati b'mod permanenti; ifakkar li dawn l-azzjonijiet imorru b'mod ċar kontra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-OSKE, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-1994, it-Trattat Bilaterali dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997, il-Ftehim dwar l-Istatus u l-Kundizzjonijiet tal-Preżenza tal-Flotta Russa tal-Baħar Iswed fit-Territorju tal-Ukraina tal-1997 u l-obbligi internazzjonali tar-Russja; iqis li l-atti meħuda mir-Russja jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà tal-UE;

2.      Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-integrità territorjali, l-unità u s-sovranità tal-Ukraina; jilqa' r-rwol responsabbli li assuma l-Verkhovna Rada billi assuma l-funzjonijiet kostituzzjonali sħaħ tiegħu u mela l-vojt istituzzjonali u politiku maħluq mir-riżenja tal-gvern u t-tneħħija tal-President, li ħalla l-funzjonijiet tiegħu u aktar tard telaq mill-pajjiż; jilqa' pożittivament il-ġestjoni responsabbli, meqjusa u kontrollata ta' din il-kriżi gravi, li qed thedded l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż; jistieden lill-komunità internazzjonali titkellem bil-qawwa u b'vuċi waħda u tappoġġa u sostni l-Ukraina;

3.      Iqis li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet illeġittimi tal-Krimea li jagħmlu referendum dwar l-istatus futur tat-territorju tikkostitwixxi ksur tal-kostituzzjoni tal-Ukraina u għalhekk hija illegali; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Kunsill Suprem tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea favur l-inkorporazzjoni fil-Federazzjoni Russa;

4.      Jappella għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi kurrenti u r-rispett sħiħ tal-prinċipji u l-obbligi previsti mid-dritt internazzjonali huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni għandha tiġi kontenuta u titnaqqas l-intensità tagħha sabiex jiġi evitat kunflitt armat; jissottolinja l-importanza assoluta tal-osservazzjoni u l-medjazzjoni internazzjonali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jkunu lesti li jeżawrixxu kull triq diplomatika u politika possibbli u jaħdmu mingħajr waqfien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, bħan-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiżguraw soluzzjoni paċifika, li għandha tkun ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jirrimarka li vjolenza bħal dik li r-Rappreżentant Speċjali tan-NU Robert Serry u l-osservaturi tal-OSKE kellhom jiffaċċjaw fil-Krimea mill-gruppi pro-Russja mhux se twassal għall-ksib ta' soluzzjoni paċifika għall-kunflitt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jidħlu fi djalogu mal-Gvern il-ġdid tal-Ukraina, sabiex jiġu indirizzati t-tħassib Russu kif ukoll ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi;

5.      Jilqa' l-impenn tal-Gvern tal-Ukraina li jimplimenta aġenda ta' riforma ambizzjuża li tinkludi bidla politika, ekonomika u soċjali; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi lill-Ukraina b'pakkett ta' appoġġ ta' terminu qasir u medju b'valur ta' EUR 11 biljun ħalli tgħina tistabbilizza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż u jitlob għal sforz internazzjonali gwidat mill-Ewropa dirett lejn l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina fuq terminu twil, l-indirizzar tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qed tmur għall-agħar, il-provvediment ta' stabbiltà makroekonomika u t-tnedija tar-riformi profondi u globali meħtieġa tal-ekonomija; jappogga bis-sħiħ mekkaniżmu għall-koordinament tad-donaturi fuq livell internazzjonali, li għandu jinbeda u jiġi kkoordinat mill-Kummissjoni u li jiġbor flimkien l-Istati Membri tal-UE, l-FMI, il-Bank Dinji, il-BERŻ u l-BEI, kif ukoll pajjiżi oħra, bil-ħsieb li jiġi mfassal pakkett finanzjarju internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, jipprovdu, flimkien mal-assistenza finanzjarja, assistenza teknika fir-rigward tar-riforma kostituzzjonali, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ukraina;

6.      Jinkoraġġixxi l-awtoritajiet Ukraini jiżguraw elezzjonijiet ħielsa u ġusti f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali, imexxu r-riforma kostituzzjonali u ġudizzjarja, jieħdu azzjoni soda sabiex jeliminaw il-korruzzjoni u jinvestigaw l-atti ta' vjolenza kollha mwettqa matul il-protesti li damu tliet xhur ħdejn l-EuroMaidan; itenni l-importanza li titwettaq politika inklużiva li tolqot ir-reġjuni u l-minoritajiet Ukraini kollha, filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu f'minoranzi nazzjonali b'mod konformi mal-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jadottaw leġiżlazzjoni ġdida b'mod koerenti mal-obbligi tal-Ukraina imposti mill-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, li tiżgura r-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini fil-pajjiż u għall-użu tar-Russu u lingwi minoritarji oħra;

7.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiffirma l-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qabel l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Ukraina; jilqa' l-impenn tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-iżgurar tal-adozzjoni unilaterali tal-UE ta' miżuri li jippermettu l-Ukraina tibbenefika sostanzjalment mill-vantaġġi offruti fiż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva , bħall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet relatati mal-importazzjoni ta' prodotti billi jitnaqqsu t-tariffi u jinfetħu l-kwoti tariffarji; itenni li l-partijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv(FA/DCFTA) li għadhom sospiżi għandhom jiġu ffirmati mill-aktar fis possibbli; jinsisti fuq il-bżonn ta' sinjali ċari li juru lir-Russja li ma hemmx xejn f'dan il-ftehim li jipperikola jew jippreġudika r-relazzjonijiet futuri ta' kooperazzjoni bilaterali fil-qasam politiku u ekonomiku bejn l-Ukraina u r-Russja; jilqa' r-rikonoxximent riċenti mill-Kunsill li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, ma jikkostitwixxix l-objettiv finali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Artikolu 49 TUE jirreferi għall-Istati Ewropej kollha, inkluża l-Ukraina, li għandha perspettiva Ewropea, u li tista' tapplika sabiex issir Membru tal-Unjoni, dejjem jekk taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittjiet tal-bniedem u tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;

8.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 fuq l-ewwel għadd ta' miżuri mmirati, bħas-sospensjoni ta' diskussjonijiet bilaterali dwar kwistjonijiet tal-viża u l-Ftehim il-Ġdid, kif ukoll id-deċiżjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE li jissospendu l-preparazzjonijiet tagħhom għas-summit tal-G8 f'Sochi; jirrimarka li, jekk ma titnaqqasx b'mod suffiċjenti l-intensità tal-kunflitt, l-UE għandha tipprepara għal miżuri u sanzjonijiet ġodda, bħat-tnedija tal-proċeduri sabiex ir-Russja titneħħa mill-G8, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-Russja li tingħaqad mal-OECD, l-introduzzjoni ta' projbizzjoni fuq vjaġġar, l-ifffriżar ta' assi u l-mogħdija ta' leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus fil-konfronti ta' figuri politiċi Russi prominenti involuti fil-proċess deċiżjonali u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet li jikkostitwixxu vjolazzjoni tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, miżuri kontra l-kumpaniji Russi u s-sussidjarji tagħhom sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi dwar is-suq intern u d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, b'mod partikolari s-settur tal-enerġija u projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-armi u t-teknoloġiji ta' użu doppju;

9.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta sanzjonijiet fil-konfronti ta' 18-il individwu, iffokati fuq l-iffriżar u l-irkupru ta' fondi Ukraini miżapproprjati;

10.    Jenfasizza l-importanza ta' provvista ta' enerġija sikura, diversifikata u ekonomikament sostenibbli għall-Ukraina; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li tagħha l-Ukraina għandha l-presidenza fl-2014, u l-importanza tat-tisħiħ tar-reżistenza tal-Ukraina fil-konfront tat-theddid tar-Russja fl-ambitu tal-enerġija; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' ħażna tal-UE u li jiġi provdut fluss invers mill-Istat Membri tal-UE għall-Ukraina; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi modernizzata is-Sistema ta' Tranżitu tal-Gass tal-Ukraina u li tgħin fil-pagament tad-dejn lil Gasprom;

11.    Jistieden lill-Kunsill jawtorizza immedjatament il-Kummissjoni tħaffef id-djalogu dwar il-viża mal-Ukraina, sabiex tiġi avvjata l-introduzzjoni ta' reġim mingħajr viża, fuq il-linja tal-Moldova; jappella, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri ta' għoti ta' viżi temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

12.    Jenfasizza l-importanza għall-UE li taħdem b'mod attiv sabiex tirbaħ il-"qlub u l-imħuħ" tal-poplu tal-Ukraina, u b'mod partikolari l-Krimea f'dan il-kuntest, sabiex tiġġieled ir-retorika propogandista falza tar-Russja; jiċħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet Russi ta' diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini Ukraini li jitkellmu bir-Russu u d-defamazzjoni fil-konfronti tad-demostranti paċifiċi bħala faxxisti;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President ad interim, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.