Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0265/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0265/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

11.3.2014 - (2014/2627 (RSP)).

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hannes Swoboda, Libor Rouček, Ana Gomes, Marek Siwiec, Tonino Picula, Knut Fleckenstein, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Liisa Jaakonsaari, Boris Zala, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Victor Boştinaru, Ivari Padar, Emine Bozkurt, Jo Leinen f'isem il-Grupp S&D <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0263/2014

Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0265/2014

B7‑0265/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

(2014/2627 (RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-3 ta' Marzu 2014 dwar l-Ukraina,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina tas-6 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà, iffirmat f'Diċembru 1994 mill-Ukraina, ir-Russja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit,

–       wara li kkunsidra l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-1975,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi eżatt wara s-suċċess tar-rivoluzzjoni ta' Maidan fi Kiev kien hemm mewġa ta' dimostrazzjonijiet favur ir-Russja f'bosta bliet fil-Lvant tal-Ukraina u fil-Krimea;

B.     billi rġiel f'uniformijiet militari mingħajr identifikazzjoni ħatfu l-Parlament tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea kif ukoll pożizzjonijiet strateġiċi fil-peniżola; billi numru ta' individwi armati waslu mit-territorju tal-Federazzjoni Russa, wettqu attakk armat u ħatfu l-post ta' kontroll tas-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Istat tal-Ukraina; billi huwa ovvju li uħud mill-individwi armati li jinsabu attivi fil-Krimea fir-realtà huma suldati Russi;

C.     billi d-dimostranti favur ir-Russja ħatfu l-bini tal-parlament reġjonali f'Donetsk u okkupaw binjiet pubbliċi oħrajn f'Kharkov; billi l-Kunsill Suprem tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea ħabbar il-ħsieb tiegħu li jingħaqad mar-Russja u li jorganizza referendum għal dan il-għan; billi d-data għar-referendum inġiebet 'il quddiem kemm-il darba u issa ġiet iffissata għas-16 ta' Marzu 2014;

D.     billi fl-1 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa awtorizza l-użu ta' forzi armati fit-territorju tal-Ukraina;

E.     billi r-Russja ddikjarat li l-mobbilizzazzjoni militari tagħha għandha l-għan li tipproteġi l-komunitajiet ta' lsien Russu billi ma hemmx provi li din il-popolazzjoni kienet mhedda mill-awtoritajiet il-ġodda fi Kiev; billi, madankollu, ċerti azzjonijiet, bħad-deċiżjoni li qatt ma ġiet infurzata tal-Verkhovna Rada biex ir-Russu jitneħħa minn lingwa uffiċjali tal-Istat, ħolqot ansjetà fost il-komunità ta' lsien Russu u billi din id-deċiżjoni ntużat bħala pretest għat-talbiet separatisti u għall-intervent tar-Russja;

F.     billi l-ħtif de facto mir-Russja tal-Peniżola Ukraina tal-Krimea hu ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ewropa u għandu implikazzjonijiet dinjija; billi l-Federazzjoni Russa biss għandha r-responsabbiltà ġenerali għall-atti mwettqa minn individwi armati li waslu fit-territorju tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, bl-appoġġ ta' unitajiet mill-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa;

G.     billi t-28 Kap tal-Istat u ta' Gvern tal-UE ħarġu twissija b'saħħitha dwar l-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet Russi u ddeċidew li jissospendu t-taħdidiet bilaterali mar-Russja dwar kwistjonijiet ta' viża u n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni ġdid, u ukoll li jissospendu l-parteċipazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE fit-tħejjijiet għas-Summit tal-G8 li għandu jseħħ f'Sochi f'Ġunju 2014;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-isfida Russa għas-sovranità, l-unità u l-initegrità territorjali tal-Ukraina; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukraina f'dan il-mument kritiku għall-pajjiż; jitlob it-tnaqqis immedjat tat-tensjonijiet kaġun tal-kriżi, bl-irtirar minnufih tal-forzi militari kollha preżenti illegalment u jħeġġeġ ir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tal-obbligi konvenzjonali eżistenti;

2.      Jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinteraġixxu mar-Russja b'vuċi waħda u biex jappoġġjaw id-dritt ta' Ukraina magħquda li tiddeċedi l-futur tagħha b'mod ħieles; jilqa', għaldaqstant id-dikjarazzjoni konġunta tas-Summit Straordinarju Ewropew tas-6 ta' Marzu li kkundanna l-atti ta' aggressjoni mir-Russja u l-appoġġ muri għall-integrità territorjali tal-Ukraina; jitlob kooperazzjoni transatlantika mill-qrib dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex tinstab soluzzjoni paċifika tal-kriżi;

3.      Jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li l-ħolqien ta' djalogu kostruttiv hu l-unika triq 'il quddiem għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe kunflitt u għall-istabbiltà fuq il-perjodu twil fl-Ukraina; iwissi, madankollu, li fin-nuqqas ta' tnaqqis tat-tensjonijiet jew ta' żieda fit-tensjonijiet rigward l-annessjoni tal-Krimea, l-UE għandha tiddeċiedi malajr fuq miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu embargo fuq l-armi, restrizzjonijiet fuq il-viża u l-iffriżar tal-assi ta' ċerti individwi, u li jista' jħalli konsegwenzi aktar mifruxa fuq id-diskussjonijiet attwali dwar ir-rabtiet politiċi u ekonomiċi mar-Russja; jitlob it-tnedija ta' valutazzjoni xierqa ta' dawn is-sanzjonijiet immirati sabiex dawn ma jaffettwax lill-popolazzjoni kollha tar-Russja u biex jiġu evitati effetti negattivi gravi għall-UE u għall-Istati Membri tagħha;

4.      Jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri kollha jibbilanċjaw mill-ġdid id-dipendenza enerġetika tagħhom fuq ir-Russja u jaħdmu b'aktar serjetà fuq id-diversifikazzjoni tal-enerġija kemm fir-rigward tar-riżorsi tal-gass u ta' dawk nukleari; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tappoġġa lill-Gvern tal-Ukraina fir-riforma u l-immodernizzar tas-settur enerġetiku tiegħu, u biex is-suq enerġetiku tal-Ukraina jiġi integrat fis-suq enerġetiku tal-UE; jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni li tgħin lill-Ukraina tiddiversifika r-rotot ta' provvista tal-gass tagħha billi tiżgura flussi inversi minn pajjiżi tal-UE, u jħeġġeġ li jitħaffef l-iffinalizzar tal-Memorandum ta' Qbil rilevanti bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tas-Slovakkja u tal-Ukraina;

5.      Jitlob il-ħolqien ta' missjoni internazzjonali indipendenti għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-kunflitt fl-Ukraina li tkun tippermetti valutazzjoni oġġettiva tal-oriġni tal-kunflitt u tal-intervent militari fil-Krimea, inkluż b'rispett għad-dritt internazzjonali, umanitarju u għad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li tali missjoni għandha tgħin biex tikkalma t-tensjonijiet u biex tevita destabbilizzazzjoni ulterjuri permezz ta' diżinformazzjoni mmirata u għandha tirrispondi għat-tħassib tal-popolazzjonijiet lokali, biex twitti t-triq għal soluzzjoni paċifika tal-kriżi; jitlob li l-missjoni ta' osservaturi mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tingħata aċċess immedjat għall-peniżola tal-Krimea tal-Ukraina;

6.      Jinnota bi tħassib kbir ir-rapporti dwar persuni armati li qed jimmarkaw id-djar tat-Tàrtari Ukraini fiż-żoni tal-Krimea fejn it-Tàrtari u r-Russi jgħixu flimkien; jinnota li t-Tàrtari tal-Krimea, li rritornaw f'art twelidhom wara l-indipendenza tal-Ukraina, ilhom jitolbu lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-integrità territorjali tal-Ukraina u biex jintlaħaq ftehim legali u politiku komprensiv dwar ir-restawr tad-drittijiet tagħhom bħala popli indiġeni tal-Krimea; jitlob lill-komunità internazzjonali, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jagħtu attenzjoni immedjata għad-drittijiet ta' dawn, jew ta' kwalunkwe komunità minoritarja fil-peniżola tal-Krimeja;

7.      Iħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-leġittimità tal-Gvern interim tal-Ukraina mir-Russja u jitlob it-tnedija immedjata tan-negozjati, bilaterali u/jew fi ħdan qafas multilaterali, li hemm bżonn li jagħtu riżultati fi żmien limitat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-gvern ad interim kollu kien approvat b'maġġoranza ta' 371 vot fil-Verkhovna Rada;

8.      Jenfasizza l-fatt li l-integrità territorjali tal-Ukraina kienet iggarantita mir-Russja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit u jinnota li skont il-kostituzzjoni tal-Ukraina, ir-Repubblika Awtonoma tal-Ukraina tista' torganizza referenda fuq kwistjonijiet lokali biss u mhux fuq it-tibdil tal-konfigurazzjoni territorjali tal-Ukraina; jenfasizza li referendum dwar il-kwistjoni tal-unjoni mal-Federazzjoni Russa għalhekk għandu jitqies bħala illeġittimu u illegali, bħal kull referendum ieħor li jmur kontra l-kostituzzjoni tal-Ukraina;

9.      Itenni t-talba tiegħu għal approċċ demokratiku inklussiv mill-Gvern interim tal-Ukraina sabiex jimminimizza r-riskju ta' vjolenza u ta' frammentazzjoni territorjali; iwissi bil-qawwa kontra azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal polarizzazzjoni qawwija fuq linji etniċi u lingwistiċi; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ir-reazzjoni meqjusa u responsabbli tal-Gvern tal-Ukraina rigward l-avvenimenti fil-Krimea; jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet il-ġodda fi Kiev b'ħidma mill-qrib mal-OSKE u mal-Kunsill tal-Ewropa, jistabbilixxu konnessjoni mill-ġdid mas-soċjetà kulturalment rikka tal-Ukraina u jiggarantixxu d-drittijiet tal-popolazzjoni ta' lsien Russu u li l-minoranzi kollha jiġu rispettati u protetti bis-sħiħ; itenni t-talba tiegħu għal reġim lingwistiku mifrux ħafna b'appoġġ għal-lingwi kollha tal-minoranzi;

10.    Hu tal-fehma li ċerti aspetti tal-ftehim tal-21 ta' Frar 2014, kif negozjat minn tliet ministri barranin f'isem l-UE, għad jista' jgħin biex tingħeleb il-kriżi attwali; hu tal-fehma, madankollu, li l-ebda parti ma tista' tinnegozja u/jew taċċetta soluzzjonijiet li jdgħajfu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, u jafferma mill-ġdid id-dritt fundamentali tal-poplu tal-Ukraina li jiddetermina b'mod ħieles il-futur ta' pajjiżu;

11.    Itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni fl-avvenimenti fil-Maidan fi Frar li wasslu għall-mewt ta' aktar minn 80 persuna u għal mijiet ta' feruti;

12.    Jitlob elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u mal-pajjiż kollu bl-osservazzjoni tal-OSKE-ODHIR u jtenni li lest li joħloq missjoni proprja bl-istess għan; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iħeġġu livelli għolja ta' parteċipazzjoni ta' votanti fl-elezzjonijiet presidenzjali, speċjalment fil-partijiet tal-lvant u tan-nofsinhar tal-pajjiż; jemmen li l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu organizzati malajr wara l-elezzjonijiet presidenzjali u qabel l-aħħar tas-sena; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex iwettqu dawn l-elezzjonijiet bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u jappoġġa l-adozzjoni ta' sistema ta' votazzjoni proporzjonali li għandha tiffaċilita r-rappreżentanza xierqa taċ-ċirkostanzi lokali fil-pajjiż; jenfasizza l-importanza tal-parlament u tal-membri tiegħu, kemm fil-livell ċentrali u lokali, li jirrispetta l-istat tad-dritt;

13.    Jemmen li jistgħu jsiru arranġamenti għal riforma kostituzzjonali komprensiva preferibbilment bil-ħolqien ta' Assemblea Kostituzzjonali li għandha tinkludi rappreżentanti mill-Ukraina kollha;

14.    Jilqa' l-appoġġ mit-28 Kap ta' Stat u ta' Gvern tal-UE tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu għall-iffriżar u l-irkuprar ta' assi statali misruqa li għandhom jiġu identifikati u ritornati lejn l-Ukraina malajr kemm jista' jkun;

15.    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-gvern il-ġdid għandu jara li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ssir waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu u jittama li jkollu rekord pożittiv f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-Maidan u l-Ukraini kollha qed jistennew bidla radikali u sistema ta' governanza xierqa;

16.    Jappoġġa approċċ aktar strateġiku mill-UE dwar l-Ukraina u jirrikonoxxi l-bżonn li tingħata għajnuna mħaffa lill-pajjiż; jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni għal pakkett ta' miżuri finanzjarji konkreti li jammontaw għal mill-anqas EUR 11-il biljun fis-snin li ġejjin mill-baġit tal-UE u mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bbażati fl-UE, bħall-BEI u l-BERŻ, kif ukoll il-ħsieb tiegħu li jadotta miżuri kummerċjali pożittivi fil-ġimgħat li ġejjin sabiex l-Ukraina tibbenefika b'mod immedjat minn Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA); jilqa' barra minn hekk l-offerta tal-Istati Uniti ta' USD biljun lill-Gvern tal-Ukraina f'garanziji fuq self Amerikani li jista' jiżgura self ogħla mill-FMI għall-Ukraina; jikkawtela, madankollu, kontra l-perikolu ta' konfrontazzjoni simili għal dik tal-Gwerra l-Bierda mar-Russja dwar l-Ukraina, u jqis li Moska għandha tikkontribwixxi ukoll għall-istabbilizzazzjoni soċjo-ekonomika tal-Ukraina, bħala sinjal ta' rikonċiljazzjoni ċar u tar-rieda tagħha li taħdem favur il-paċi u l-prosperità fil-viċinat komuni;

17.    Jistieden lill-UE sabiex b'urġenza tikkunsidra modi li bihom tinvolvi lir-Russja fir-riċerka għal soluzzjoni politika fit-tul dwar l-Ukraina, u jħeġġeġ lill-UE u lir-Russja sabiex jagħmlu użu mill-influwenza tagħhom u biex jagħmlu ħilithom sabiex jevitaw aktar żieda fit-tensjonijiet tas-sitwazzjoni attwali, biex jiskoraġġixxu ċaqliq separatista u biex isolvu isolvu t-tilwim kollu b'mod paċifiku;

18.    Hu tal-fehma li fil-qafas ta' soluzzjoni politika, il-gvern tal-Ukraina għandu jimpenja ruħu li jrodd lura d-dejn lir-Russja u lill-banek u kumpaniji Russi kif ukoll juża parti mill-assistenza finanzjarja mill-UE u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn favur l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' reġjuni foqra fix-xlokk tal-Ukraina; jistieden lill-FMI biex jevita milli jimponi miżuri ta' awsterità insostenibbli li jkomplu jaggravaw s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika diġà diffiċli fil-pajjiż;

19.    Itenni li ftehim ta' ħelsien mill-viża bejn l-UE u l-Ukraina hu wieħed mill-mezzi biex jirreaġixxi għat-talbiet mis-soċjetà ċivili u mill-istudenti tal-Ukraina li pprotestaw favur id-demokrazija u favur valuri ewlenin Ewropej oħrajn; jinnota li tali ftehim isaħħaħ l-iskambji u l-kuntatti fost il-popli bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk jiżdied il-fehim reċiproku, u dan ikun ta' benefiċċju għall-iskambji ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta sabiex l-Ukraina titpoġġa fil-lista ta' pajjiżi terzi li n-nazzjonali tagħhom ma jkunux soġġetti għall-ħtieġa tal-viża; jistieden ukoll lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża attwali biex jisfruttaw il-flessibbiltà offruta mill-Kodiċi dwar il-Viżi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-UE, partikolarment għall-istudenti u għax-xjenzati, u f'dan ir-rigward isaħħu l-kooperazzjoni fir-riċerka, l-espansjoni tal-iskambji taż-żgħażagħ u jżidu d-disponibbiltà ta' boroż ta' studju;

20.    Jilqa' d-disponibbiltà tat-28 Kap ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE li jiffirmaw il-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) malajr kemm jista' jkun u qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju; jinnota li l-UE hi lesta li tiffirma FA/DCFTA komplut hekk kif tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika, wara li jkunu seħħu l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari u darba li l-awtoritajiet ġodda eletti jkunu lesti li jagħmlu dan; ifakkar, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 49 TUE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – tista' tapplika għas-sħubija fl-UE sakemm taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittjiet tal-bniedem u tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;

21.    Jemmen bil-qawwa li l-avvenimenti fl-Ukraina jenfasizzaw il-bżonn li l-UE tirdoppja l-impenn u l-appoġġ għall-għażla Ewropea u għall-integrità territorjali tal-Moldova u tal-Ġeorġja hekk kif qed iħejju biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA mal-UE, aktar tard din is-sena;

22.    Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lill-aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.