Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0266/2014

Testi mressqa :

B7-0266/2014

Dibattiti :

PV 12/03/2014 - 6
CRE 12/03/2014 - 6

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.12
CRE 13/03/2014 - 14.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0248

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 85k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0263/2014
11.3.2014
PE529.668v
 
B7-0266/2014

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja (2014/2627(RSP))


Rebecca Harms, Mark Demesmaeker, Werner Schulz, Tarja Cronberg, Ulrike Lunacek, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Nikos Chrysogelos, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja (2014/2627(RSP))  
B7‑0266/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina fir-rigward, b'mod partikolari, tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014(1),

 

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat straordinarji tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina tat-3 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina fil-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi gvern ta’ koalizzjoni ġie imħabbra fis-27 ta’ Frar 2014 fil-Verkhovna Rada; billi l-Prim Ministru l-ġdid ħa l-kariga bl-appoġġ ta’ 371 vot fil-Parlament Ukrain, bil-wisq aktar mill-għadd totali tal-membri mill-partiti li jiffurmaw il-gvern ta' koalizzjoni,

B.     billi fl-1 ta’ Marzu l-Kunsill tal-Federazzjoni Russa ta l-awtorità lill-President Putin li juża l-forzi armati Russi fuq it-territorju tal-Ukraina fuq talba tal-President innifsu, bl-użu tal-pretest falz li s-sitwazzjoni fl-Ukraina kienet ta’ theddida għall-ħajja taċ-ċittadini Russi u tal-persunal tal-kontinġent Krimean tal-forzi armati Russi;

C.     billi dan l-aħħar ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ attakk jew intimidazzjoni ta’ ċittadini Russi jew Russi etniċi fil-Krimea;

D.     billi mit-28 ta’ Frar l-infrastrutturi prinċipali u l-binjiet pubbliċi tal-bliet ewlenin fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea ġew imblukkati u maħtufa minn truppi mingħajr insinja, inklużi elementi tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed Russa stazzjonata fl-Ukraina u unitajiet oħra tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa; billi mill-bidu tal-kriżi ’l hawn intqal li fl-Ukraina ġew skjerati tal-inqas 6 000 truppa Russa addizzjonali;

E.     billi fil-5 ta’ Marzu l-Parlament tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea ivvota favur li l-Krimea tingħaqad mal-Federazzjoni Russa u li jsir referendum fil-Krimea dwar il-kwistjoni fis-16 ta’ Marzu;

F.     billi l-protesti u d-dimostrazzjonijiet favur ir-Russja seħħew fi bliet oħra fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ukraina; billi l-awtoritajiet lokali rnexxielhom iżommu kontroll tas-sitwazzjoni;

H.     billi l-kumpanija pubblika Russa Gazprom heddet li taqta’ l-provvisti tal-gass lejn l-Ukraina jekk il-pajjiż ma jħallasx lura l-arretrati tiegħu;

I.      billi hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha bil-għan li s-sitwazzjoni tiġi deeskalata u jiġi pprevenut li l-kriżi tkompli tikber bla kontroll; billi l-UE għandha twieġeb b’mod effettiv ħalli tippermetti lill-Ukraina teżerċita u tgawdi bis-sħiħ is-sovranità tagħha ħielsa mill-pressjoni esterna;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-invażjoni tal-Ukraina mit-truppi Russi, u jistieden lil Moska tirtira minnufih is-suldati tagħha lejn il-bażijiet militari tagħha fil-Krimea, b’osservanza tal-ftehimiet bilaterali preċedenti u b’hekk tkun qed tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-ġara tagħha;

2.      Iffakkar lir-Russja dwar l-obbligi ġuridiċi tagħha bħala firmatarja tal-Memorandum ta’ Budapest tal-1994 li taħtu l-partijiet qablu li jżommu lura mit-theddida jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-Ukraina; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, dwar id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li ma tattendix għal-laqgħa dwar is-sigurtà tal-Ukraina li ssejħet mill-firmatarji tal-memorandum u li kienet skedata għall-5 ta’ Marzu f’Pariġi;

3.      Jistieden lir-Russja tordna lill-irġiel maskarati tagħha u lis-suldati bl-uniformi mingħajr insinja fil-Krimea jieqfu milli jkomplu jassedjaw l-installazzjonijiet militari Ukraini u jneħħu l-imblokk ta' kontra l-bastimenti Ukraini; jenfasizza li kwalunkwe bidla fl-istatus tal-Krimea għandha ssir b’osservanza sħiħa tal-proċeduri previsti mill-Kostituzzjoni tal-Ukraina u skont id-dritt internazzjonali;

4.      Iħeġġeġ lir-Russja u lill-Ukraina jibdew negozjati diretti bil-ħsieb li jnaqqsu t-tensjoni u jipprevenju kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri tal-konfrontazzjoni fil-Krimea; jitlob, f’dan ir-rigward, għall-iskjerament ta’ missjoni ta’ monitoraġġ imħarrġa għalkollox tal-OSKE fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea;

5.      Jiddeplora t-theddid minn irġiel armati mhux identifikati kontra l-Mibgħut Speċjali tan-NU, Robert Serry, li ġie mġiegħel jitlaq mill-Krimea, u jitlob li jingħata aċċess għall-peninsula lill-esperti tal-OSKE, li s'issa ġew imxekkla mill-milizji lokali;

6.      Jiddispjaċih għall-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-3 ta’ Marzu li tissospendi t-taħditiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar l-affarijiet tal-viża, kif ukoll it-taħditiet dwar il-ftehim il-ġdid u l-preparazzjoni tas-summit tal-G8, ma ġewx segwiti b'miżuri politiċi, kummerċjali u ekonomiċi aktar stretti u effettivi;

7.      Ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-esportazzjoni ta’ armi u teknoloġija militari tista’ tipperikola l-istabilità u l-paċi tar-reġjun kollu kemm hu; jiddeplora profondament il-fatt li Stati Membri tal-UE esportaw b'mod estensiv armi u teknoloġija militari lejn ir-Russja, inklużi kapaċitajiet konvenzjonali strateġiċi maġġuri; jiddispjaċih għall-fatt li bejn l-2007 u l-2011 ġew esportati b’kemm jiswew EUR 900 miljun armi u teknoloġija mill-UE lejn ir-Russja; jinsab konvint li dawn l-esportazzjonijiet jiksru tal-inqas l-Ewwel Kriterju ( rispett għall-obbligi u l-impenji internazzjonali), it-Tieni Kriterju (rispett għad-drittijiet tal-bniedem u rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali), it-Tielet Kriterju (eżistenza ta’ tensjonijiet), il-Ħames Kriterju (Is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u theddid għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali), u s-Sitt Kriterju (rispett għad-dritt internazzjonali) tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tal-UE dwar l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari; jistieden lil Franza, il-Ġermanja u l-Italja, bħala l-akbar esportaturi tal-armi lejn ir-Russja, biex b’mod fundamentali jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom dwar l-esportazzjoni lejn ir-Russja u jassumu r-responsabilità u l-osservanza tar-reġim tal-kontroll tal-armamenti tal-UE; jiddispjaċih minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern Franċiż li jesporta tal-inqas żewġ bastimenti tal-gwerra Mistral l-aktar avvanzati lejn ir-Russja; ifakkar li bastiment tal-gwerra Mistral huwa kapaċità offensiva effettiva peress li jġorr 16-il ħelikopter tal-ġlied, 4 biċċiet tal-baħar tal-iżbark, 13-il tank tal-gwerra tqil u madwar 450 suldat; iħeġġeġ lill-Gvern Franċiż iwaqqaf din l-esportazzjoni u ma jibgħatx l-ewwel bastiment tal-klassi Mistral fl-1 ta’ Novembru 2014 kif kien ippjanat s’issa; jiddispjaċih profonament ukoll mill-fatt li l-Gvern Ġermaniż awtorizza l-esportazzjoni minn Rheinmetall ta' ċentru tat-taħriġ tal-ġlied mill-aktar avvanzat li jippermetti lir-Russja tħarreġ madwar 30 000 fanterija u unitajiet korazzati fis-sena; iħeġġeġ lill-Gvern Ġermaniż minnufih iwaqqaf il-kooperazzjoni ta’ bejn Rheinmetallu u l-forzi armati tar-Russja;

8.      Jenfasizza li d-deċiżjoni tar-Russja li tintervjeni militarment fil-Krimea tikser il-prinċipji li fuqhom huwa ffundat il-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll l-Att Finali ta’ Ħelsinki; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, f’dan ir-rigward, minnufih jattivaw il-proċeduri kollha għas-sospensjoni tal-Federazzjoni Russa mill-Kunsill tal-Ewropa; jitlob, barra minn hekk, għas-sospensjoni tar-Russja mill-G8;

9.      Jirrimarka li d-dgħufija tar-rispons tal-UE għall-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja hija dovuta wkoll għad-dipendenza qawwija li għandha l-UE mill-Federazzjoni Russa għall-provvisti tal-enerġija; jemmen, f’dan ir-rigward, li hu tal-akbar importanza li titnaqqas fil-futur medju id-dipendenza tal-UE minn Moska u minn reġimi awtoritarji oħra u li titqies il-possibilità ta’ bojkott totali, filwaqt li jiġu stabbiliti alternattivi konkreti biex jiġu megħjuna dawk l-Istati Membri li bħalissa ma għandhom l-ebda għajn oħra ta' enerġija ħlief lir-Russja; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, taħdem għall-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija u tappoġġja l-proġetti fil-Kuritur tan-Nofsinhar li b’mod effettiv jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija, u jħeġġeġ lill-Istati Membri ma jinvolvux lill-kumpaniji pubbliċi tagħhom fi proġetti ma’ kumpaniji Russi li jżidu l-vulnerabilità Ewropea; jistieden ukoll lill-Kunsill Ewropew jadotta miri nazzjonali vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għall-2030 li se jnaqqsu d-dipendenza Ewropea mill-importazzjonijiet ta' enerġija mill-fossili, skont il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-komunikazzjoni tagħha dwar il-pakkett tal-klima u l-enerġija għall-2030, li tinsab fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew li għandu jiltaqa’ fl-20 u l-21 ta' Marzu;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni b’mod urġenti tadotta l-miżuri meħtieġa biex l-Ukraina tkun tista’ tindirizza b’mod determinat kriżi tal-enerġija fil-każ lir-Russja taqta' l-provvisti tal-gass lejn Kiev;

11.    Jiddispjaċih, barra minn hekk, li ma ġew deċiżi l-ebda restrizzjonijiet tal-viża mill-Kunsill Ewropew għall-uffiċjali Russi li kienu meqjusa li kienu qed jheddu s-sovranità tal-Ukraina, kif għamlet, għall-kuntrarju, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti; jitlob għall-adozzjoni ta’ tali miżuri, kif ukoll għall-iffriżar fuq l-assi miżmuma fl-UE minn dawk li lejhom huma mmirati s-sanzjonijiet u għat-tħaffif tal-investigazzjonijiet tal-ħasil tal-flus dwar assi Russi miżmuma fl-UE;

12.    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu li jiffriża u jirkupra l-assi tal-persuni identifikati bħala responsabbli ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-istat fl-Ukraina, u jistenna l-kollaborazzjoni sħiħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri kollha;

13.    Jilqa’ l-pakkett ta’ għajnuna komprensiv għall-Ukraina propost mill-Kummissjoni, u jitlob li jiġi implimentat malajr; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għas-sitwazzjoni soċjali drammatika tal-pajjiż, u jitlob għal miżuri akkumpanjanti mmirati biex itaffu s-sitwazzjoni attwali;

14.    Itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment u l-iffunzjonar operazzjonali malajr u sħiħ ta’ kummissjoni indipendenti biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ mindu bdew id-dimostrazzjonijiet, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Panel Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u taħt is-superviżjoni ta’ dak l-istess Panel.

15.    Jikkundanna u jitlob għall-waqfien immedjat tal-atti kollha ta’ intimidazzjoni, fastidju u theddid kontra membri u attivisti ta’ partiti li ma jappoġġjawx il-gvern il-ġdid; iħeġġeġ it-trasferiment lura malajr lill-forzi tal-pulizija tad-dmirijiet kollha ta’ infurzar tal-liġi fi Kiev, u jistieden lill-komponenti kollha tal-EuroMaidan jevitaw kwalunkwe interferenza fl-infurzar tal-ordni pubbliku;

16.    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġent President li ma jiffirmax l-att immirat li jirrevoka l-Liġi dwar il-Politika tal-Lingwi tat-3 ta’ Lulju 2012, u jistieden lill-Verkhovna Rada eventwalment tirriforma l-leġiżlazzjoni eżistenti biex b’hekk iġġibha skont l-obbligi tal-Ukraina taħt il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

17.    Jirrimarka li l-proposta li jiġi ffirmat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għadha valida, u li l-UE għadha lesta tiffirmah, hekk kif il-kriżi politika attwali tiġi riżolta u kemm-il darba l-punti ta’ riferiment iffissati mill-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Diċembru 2012 jiġu ssodisfati u l-Kostituzzjoni tal-Ukraina tipprovdi għalih; jieħu nota, f’dan ir-rigward, tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta miżuri unilaterali li jkunu jippermettu lill-Ukraina tgawdi b’mod sostanzjali mill-vantaġġi offruti miż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva;

18.    Jistenna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jressqu malajr kemm jista’ jkun, flimkien mal-FMI, il-Bank Dinji, il-BERŻ u l-BEI, pakkett għall-ġejjieni fit-tul ta’ appoġġ finanzjarju konkret biex jgħin lill-Ukraina tindirizza b’mod determinat is-sitwazzjoni ekonomika u socjali tagħha li qed tmur għall-agħar u biex jipprovdi appoġġ ekonomiku ħalli tvara r-riformi profondi u komprensivi meħtieġa tal-ekonomija Ukraina;

19.    Itenni l-fehma tiegħu li l-finalizzazzjoni malajr tal-ftehim dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod li bih għandha tingħata tweġiba għat-talbiet tas-soċjetà ċivili Ukraina u tal-istudenti li pprotestaw fil-pjazez f’dawn l-aħħar jiem favur l-għażla Ewropea tal-Ukraina; jirrimarka li dan il-ftehim se jħaffef u jaġevola l-iskambji u l-kuntatti ta’ bejn il-popli bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk jiżdied il-fehim reċiproku u tiġi pprovduta l-opportunità li l-opinjoni pubblika Ukraina tiffamiljarizza ruħha mal-istandards Ewropej u l-aħjar prattiki fl-oqsma kollha; jitlob, sadattant, li jiddaħħlu minnufih fuq bażi temporanja proċeduri tal-viża sempliċi u li ma jiswewx ħafna flus;

20.    Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi li bihom jistgħu jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta’ ritaljazzjoni adottati minn Moska biex jiġi miżmum l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

21.    Jemmen, barra minn hekk, li wasal iż-żmien li tiġi offruta perspettiva Ewropea vera lill-Ukraina ladarba l-pajjiż jagħti prova konkreta li jkun lest li jimpenja ruħu f’riformi u jadotta u jaqsam il-valuri tal-UE;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0170.

Avviż legali - Politika tal-privatezza