Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0267/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0267/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

11.3.2014 - (2014/2627(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Marietje Schaake, Graham Watson, Leonidas Donskis, Ivo Vajgl, Sarah Ludford, Gerben-Jan Gerbrandy, Jan Mulder, Robert Rochefort, Olle Schmidt, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0263/2014

Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0267/2014

B7‑0267/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

(2014/2627(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikolari dawk tas-6 ta' Frar 2014[1] u tas-27 ta' Frar 2014[2],

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE u l-obbligi tal-membri tal-Kunsill tal-Ewropa,

–       wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat dwar it-Tqassim tal-1997,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Ukraina, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet fir-rigward tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-mexxejja tal-pajjiżi tal-G7 tat-3 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew straordinarju tas-6 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat straordinarji tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2014 u tat-3 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tad-Duma Statali Russa u tal-Kunsill tal-Federazzjoni li jawtorizzaw lill-President Putin juża l-forzi armati Russi fl-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-pjanijiet għall-organizzazzjoni ta' referendum fil-Krimea fis-16 ta' Marzu 2014 dwar seċessjoni eventwali mill-Ukraina u dwar jekk il-Krimea għandhiex issir tagħmel parti mill-Federazzjoni Russa,

–       wara li kkunsidra l-bidliet legali li qed jiġu diskussi mid-Duma Statali Russa u mill-Kunsill tal-Federazzjoni għas-simplifikazzjoni tal-proċedura biex entitajiet ġodda jsiru jagħmlu parti mill-Federazzjoni Russa,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-aggressjoni militari Russa fil-Krimea tmur kontra d-dritt internazzjonali u tikser l-obbligi tar-Russja bħala parti firmatarja tal-Memorandum ta' Budapest;

B.     billi l-argumenti mressqa mit-tmexxija Russa b'appoġġ għal din l-aggressjoni huma b'mod ċar inġustifikabbli u mhux relatati mal-realtà fil-post;

C.     billi t-truppi u l-forzi armati Russi, kemm jekk f'uniformijiet militari identifikabbli u kemm jekk le, għandhom imorru lura lejn il-bażijiet tagħhom, u l-preżenza militari Russa fil-Krimea għandha titnaqqas bi qbil mal-klawsoli tat-Trattat dwar it-Tqassim;

D.     billi kwalunkwe referendum fil-Krimea dwar żieda fl-awtonomija jew dwar is-seċessjoni għandu jkun konformi mal-Kostituzzjoni u mal-leġiżlazzjoni Ukraina biex ikun leġittimu;

E.     billi għandu jiġi stabbilit proċess ta' negozjati biex jittaffew it-tensjonijiet u biex jiġi żgurat riżultat paċifiku li jirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali tal-Ukraina;

1.      Jikkundanna bis-saħħa l-aggressjoni militari Russa u l-invażjoni tal-Krimea, li mingħajr dubju hija parti mill-Ukraina u rikonoxxuta bħala tali mill-Federazzjoni Russa u mill-komunità internazzjonali;

2.      Jikkundanna wkoll il-pjanijiet biex isir referendum u l-votazzjoni fil-Parlament tal-Krimea favur is-seċessjoni mill-Ukraina u biex il-Krimea ssir tagħmel parti mill-Federazzjoni Russa; jenfasizza li din id-deċiżjoni tmur kontra l-Kostituzzjoni u l-leġiżlazzjoni tal-Ukraina u ma tistax titqies bħala leġittima jew demokratika, u jitlob biex id-deċiżjoni li jsir referendum tiġi revokata;

3.      Iqis lir-Russja u lit-tmexxija Russa bħala responsabbli mis-sitwazzjoni perikoluża li nħolqot permezz tal-azzjonijiet irresponsabbli tagħhom; jenfasizza li dan jikser b'mod ċar id-dritt internazzjonali u jmur kontra l-Memorandum ta' Budapest tal-1994, li għalih hija parti firmatarja l-Federazzjoni Russa, u jżid jgħid li din is-sitwazzjoni tirrappreżenta deterjorament perikoluż u riskju ta' ritorn lejn diviżjoni tal-Ewropa bħal ma kien hemm matul il-Gwerra l-Bierda;

4.      Jiddeplora l-fatt li r-Russja għażlet li tieħu azzjoni militari, u jenfasizza li l-objettiv iddikjarat ta' protezzjoni tal-parti tal-popolazzjoni tal-Krimea ta' lsien Russu huwa totalment mingħajr bażi, peress li din il-popolazzjoni ma ħabbtet wiċċha ma' ebda periklu sa mill-waqgħa tar-reġim ta' Yanukovych;

5.      Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu u mal-gvern tal-Ukraina u jtenni l-fehma tiegħu li l-gvern il-ġdid huwa totalment legali u leġittimu, u li l-Verkhovna Rada aġixxiet b'kontinwità kostituzzjonali u legali sħiħa sa mit-tneħħija tal-President Yanukovych; jenfasizza li l-gvern il-ġdid ħaqqu appoġġ sħiħ fl-isforzi tiegħu li jgħaqqad u jistabbilizza l-pajjiż u jħabbat wiċċu mal-kriżi ekonomika u finanzjarja maħluqa mir-reġim preċedenti;

6.      Jilqa' l-fatt li l-Aġent President tal-Ukraina ma llegalizzax id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-lingwa, u b'hekk issalvagwarda l-pożizzjoni tar-Russu bħala lingwa uffiċjali fl-Ukraina; jenfasizza li l-Ukraina għandha tissalvagwarda bis-sħiħ id-drittijiet tal-komunitajiet u tal-minoranzi kollha preżenti fil-pajjiż;

7.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni prekarja tat-Tatari tal-Krimea, li jirrappreżentaw madwar 12 % tal-popolazzjoni tal-Krimea, irċeviet biss attenzjoni internazzjonali marġinali; jitlob lill-UE u lill-gvern Ukrain il-ġdid biex jagħtu segwitu attiv lit-talba magħmula reċentement mir-Rappreżentant Għoli / Viċi President fit-3 ta' Marzu 2014 biex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni għall-minoranzi nazzjonali fl-Ukraina;

8.      Jenfasizza b'mod partikolari li d-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet parlamentari fil-25 ta' Mejju 2014 ħaqqha appoġġ sħiħ, billi dawn l-elezzjonijiet se jippermettu liċ-ċittadini tal-Ukraina jikkonferixxu leġittimità demokratika lit-tmexxija ta' pajjiżhom; jemmen għalhekk li għandhom jiġu appoġġati mill-partijiet kollha, inkluż mill-Federazzjoni Russa;

9.      Jilqa' l-inizjattiva meħuda għat-twaqqif ta' Grupp ta' Kuntatt taħt l-awspiċji tal-OSKE, iżda jiddispjaċih dwar il-fatt li gruppi armati mhux identifikati xekklu d-dħul fil-Krimea tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE tas-6 ta' Marzu; jitlob lill-awtoritajiet Russi u dawk tal-Krimea biex jikkooperaw mal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE u jagħtu lill-membri tagħha aċċess sħiħ u sigur għar-reġjun;

10.    Jiddeplora l-fatt li l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-Krimea ġġiegħel jaqta' ħesrem il-missjoni tiegħu wara li sofra theddid vjolenti;

11.    Jappoġġa l-kundanna qawwija tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina espressa mill-Kunsill Ewropew straordinarju tas-6 ta' Marzu 2014;

12.    Jappoġġa d-deċiżjonijiet għas-sospensjoni tad-diskussjonijiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar il-kiwstjoni tal-viżi, in-negozjati dwar ftehim ġdid u t-tħejjija għas-Summit tal-G8; jappoġġa bis-sħiħ it-talba tal-Kunsill Ewropew biex jingħata bidu malajr għal negozjati, u kwalunkwe deċiżjoni li ssir mill-UE dwar projbizzjoni tal-ivvjaġġar, iffriżar tal-assi u kanċellazzjoni tas-Summit UE-Russja f'każ li ma jsir ebda progress;

13.    Jenfasizza li l-kooperazzjoni parlamentari stabbilita bejn il-Parlament Ewropew u d-Duma Statali Russa u l-Kunsill tal-Federazzjoni ma tistax tkompli sseħħ fiċ-ċirkostanzi attwali, li l-laqgħat kollha għandhom jiġu kkanċellati u li l-laqgħat għandhom jissoktaw biss ladarba l-kriżi attwali tkun ġiet solvuta;

14.    Jiddispjaċih madankollu dwar il-fatt li l-Kunsill Ewropew għamel is-sanzjonijiet ekonomiċi soġġetti għal deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni min-naħa tar-Russja, u jenfasizza li r-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali b'saħħithom li jeżistu bejn l-UE u r-Russja joffru possibilità għall-introduzzjoni gradwali ta' sanzjonijiet ekonomiċi mmirati; jitlob lill-Kunsill Ewropew biex ikompli bit-tħejjija tiegħu għas-sanzjonijiet imsemmija hawn fuq u biex ifassal pjanijiet għal restrizzjonijiet ekonomiċi mmirati, u biex jikkoordina mill-qrib mal-Istati Uniti;

15.    Jenfasizza l-bżonn urġenti li jsir iktar progress għall-ilħiq ta' politika komuni dwar l-enerġija b'suq intern b'saħħtu u provvista tal-enerġija diversifikata, biex b'hekk l-UE tkun inqas dipendenti miż-żejt u l-gass tar-Russja;

16.    Jilqa' l-Pakkett Komprensiv ta' Assistenza mressaq mill-Kummissjoni, u l-ħidma tal-Fond Monetarju Internazzjonali għar-ritorn lejn stabilità makroekonomika; itenni l-impenn tal-UE b'appoġġ lill-Ukraina għar-riformi strutturali meħtieġa;

17.    Jilqa' d-deċiżjoni li jiġu ffirmati l-kapitoli politiċi tal-ftehim ta' assoċjazzjoni u li jiġu adottati miżuri unilaterali li jippermettu lill-Ukraina tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.