Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0268/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0268/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Ukraina

11.3.2014 - (2014/2627(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Nikola Vuljanić, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
<<<

Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0268/2014
Testi mressqa :
B7-0268/2014
Testi adottati :

B7‑0268/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina

(2014/2627(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi sa minn Novembru 2013 – minħabba r-rifjut tal-Gvern Ukrain li jiffirma Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE – kien hemm protesti kontinwi u dejjem aktar vjolenti miż-żewġ naħat kontra l-politika tal-gvern, bi gruppi nazzjonalisti u tal-lemin estrem jingħaqdu mal-protesti; billi l-forzi politiċi, kemm il-gvern kif ukoll l-oppożizzjoni, naqsu milli jilħqu kompromess u dan wassal għall-eskalazzjoni vjolenti tas-sitwazzjoni, fejn għexieren ta' nies miż-żewġ naħat mietu u mijiet oħra sfaw midruba; billi l-protesti bdew bħala dimostrazzjonijiet favur l-UE iżda l-enfasi tagħhom daret lejn kwistjonijiet aktar domestiċi u nxterdu minn Kiev għal bliet oħra;

B.     billi l-ftehim ta' kompromess bejn Viktor Yanukovych u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni, innegozjat mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' Franza, il-Ġermanja u l-Polonja, inkiser mill-oppożizzjoni; billi Viktor Yanukovych telaq mill-Ukraina u mar Moska mingħajr ma rriżenja uffiċjalment;

C.     billi l-Parlament Ukrain (Verkhovna Rada) ħa l-inizjattiva u ddeċieda li:

•  jiddenunzja lill-President Yanukovych;

•  jorganizza elezzjonijiet fil-25 ta' Mejju 2014;

•  jaħtar gvern interim tranżizzjonali;

•  jerġa' jqiegħed fis-seħħ il-kostituzzjoni tal-2004, li tistabbilixxi li l-gvern li jopera fl-Ukraina jkollu forma parlamentari-presidenzjali;

D.     billi l-poplu tal-Ukraina jinsab ferm maqsum fejn tidħol il-valutazzjoni ta' dawn l-iżviluppi u l-futur tal-pajjiż;

E.     billi fl-1 ta' Marzu 2014 il-Kunsill tal-Federazzjoni tar-Russja awtorizza l-użu tal-forza militari fit-territorju tal-Ukraina, u din l-azzjoni saħħaħha bl-argument li r-Russja għandha d-dritt li tipproteġi l-popolazzjoni ta' lsien Russu fl-Ukraina; billi dan jikkostitwixxi ksur evidenti tad-dritt internazzjonali;

F.     billi, fis-27 ta' Frar 2014, xi suldati mhux magħrufa favur ir-Russja bdew jieħdu taħt idejhom il-Parlament tal-Krimea, l-Ajruport Internazzjonali ta' Simferopol u xi bażijiet militari; billi l-Peniżola tal-Krimea de facto ma taqax taħt is-setgħa tal-awtoritajiet interim tranżizzjonali tal-Ukraina; billi hemm evidenza li dan l-iżvilupp huwa appoġġat fil-livell militari, politiku u ekonomiku mir-Russja; billi, f'bosta bliet tal-Ukraina 'l barra mill-Krimea, qed ikomplu jsiru manifestazzjonijiet kbar favur ir-Russja; billi dawn l-iżviluppi jirrappreżentaw theddida serja għall-integrità territorjali tal-Ukraina;

G.     billi r-reazzjoni tal-Istati Uniti, in-NATO u l-UE kienet li jissospendu laqgħat u mekkaniżmi ta' kooperazzjoni differenti u li jintroduċu sanzjonijiet;

H.     billi l-Istati Uniti żiedu l-preżenza navali tagħhom fil-Baħar l-Iswed u saħħu l-forzi militari tagħhom fl-Ewropa tal-Lvant;

1.      Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi politika profonda li għaddejja attwalment fl-Ukraina ma tista' tiġi solvuta la permezz tal-vjolenza u lanqas permezz ta' deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tranżizzjonali, iżda teħtieġ dibattitu nazzjonali fil-fond dwar il-futur tal-pajjiż; jenfasizza li soluzzjonijiet sostenibbli jistgħu jinstabu biss mill-poplu tal-Ukraina stess, li għandu jiddeċiedi, mingħajr ebda ndħil barrani, dwar ir-riformi li hemm bżonn isiru fl-oqsma tal-politika u tal-ekonomija, dwar l-orjentament ġeopolitiku ta' pajjiżhom u dwar liema ftehimiet u komunitajiet internazzjonali għandha tissieħeb magħhom l-Ukraina;

2.      Jesprimi tħassib dwar id-diviżjoni profonda tal-pajjiż; jistieden lill-atturi politiċi kollha fl-Ukraina jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-tensjonijiet fil-pajjiż, jaħdmu favur l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż, jipproteġu ċ-ċittadini kollha mill-intimidazzjoni, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jgħinu fit-tħejjija ta' elezzjonijiet liberi u ġusti;

3.      Jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet liberi u ġusti biex tingħata leġittimità lill-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet tranżizzjonali tal-Ukraina jipprovdu l-kundizzjonijiet neċessarji u jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi tal-forzi politiċi demokratiċi kollha kif ukoll jiggarantulhom aċċess ugwali għall-midja; jistenna li, qabel l-elezzjonijiet, il-partiti u l-istituzzjonijiet politiċi kollha jippubblikaw il-programmi tagħhom għall-kisba ta' soluzzjoni dejjiema għall-kriżi soċjali u ekonomika profonda; jikkundanna l-attakki kontra l-Partit Komunista mill-forzi tal-lemin u jistieden b'mod urġenti lill-awtoritajiet interim tranżizzjonali jevitaw azzjonijiet bħal dawn;

4.      Jiddenunzja l-attivitajiet vjolenti tal-estremisti tal-lemin u tal-gruppi ultranazzjonalisti armati fi Kiev u fi nħawi oħra tal-Ukraina huma u jaħkmu l-ministeri, il-bini amministrattiv u l-għases tal-pulizija, l-aktar fi Kiev u l-Punent tal-pajjiż; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-gruppi politiċi estremisti tal-lemin, bħall-Partit Svoboda u s-Settur tal-Lemin, li ġew iddenunzjati għall-fehmiet u azzjonijiet razzisti u anti-Semitiċi tagħhom, jokkupaw diversi karigi ministerjali u karigi eżekuttivi oħra fi ħdan il-gvern interim tranżizzjonali fl-Ukraina;

5.      Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti tal-atti ta' vjolenza li twettqu dan l-aħħar, inklużi r-rwol u l-affiljazzjoni tat-tiraturi magħżula, u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem li sar mindu bdew id-dimostrazzjonijiet, u jitlob li ssir prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli miż-żewġ naħat;

6.      Josserva bi tħassib li l-gvernaturi tar-reġjuni ta' Donetsk u Dnepropetrovsk li għadhom kemm inħatru huma oligarki li jikklassifikaw fost l-għaxar persuni l-aktar għonja fl-Ukraina; jisħaq fuq il-fatt li, fil-passat, ir-rabtiet mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet amministrattivi u politiċi u l-oligarki kienu jirrappreżentaw wieħed mill-ostakli deċiżivi għall-proċess ta' demokratizzazzjoni fl-Ukraina;

7.      Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li l-Ukraina saret kamp tal-battalja tal-kompetizzjoni ġeopolitika bejn ir-Russja u l-Istati Uniti, u dwar ir-rwol tal-UE f'dan l-iżvilupp, u li l-konfrontazzjoni bejn ir-Russja, l-Istati Uniti, l-UE u n-NATO qed tpoġġi f'periklu l-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa u fid-dinja kollha;

8.      Jikkundanna l-forom differenti ta' ndħil fl-affarijiet interni tal-Ukraina u l-pressjoni ekonomika u finanzjarja li l-UE, l-Istati Uniti u r-Russja qed ipoġġu fuq l-Ukraina; jenfasizza l-fatt li ma teżisti l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi politika fl-Ukraina;

9.      Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, b'mod partikolari bħal dik li hemm bħalissa fl-Ukraina, il-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma jħossuhomx marbuta li jirrispettaw il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-prinċipji tar-rispett għall-integrità territorjali u s-sovranità ta' stati oħra, l-obbligu li jsolvu t-tilwim internazzjonali tagħhom b'mezzi paċifiċi sabiex il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jitpoġġewx f'periklu, u l-obbligu li, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżommu lura milli jheddu jew jagħmlu użu mill-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe stat;

10.    Jikkundanna bil-qawwa l-awtorizzazzjoni li ngħatat mill-Kunsill tal-Federazzjoni tar-Russja fl-1 ta' Marzu 2014 għall-użu tal-forza militari fit-territorju tal-Ukraina; jitlob b'urġenza lir-Russja tibqa' lura milli thedded bl-użu tal-forza jew kwalunkwe intervent militari fl-Ukraina u tirrispetta b'mod rigoruż id-dritt internazzjonali u l-obbligi tagħha stabbiliti fil-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim bejn ir-Russja u l-Ukraina dwar l-Istatus u l-Kundizzjonijiet tal-Preżenza tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed fit-Territorju tal-Ukraina u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994;

11.    Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Parlament tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea li, fis-sitwazzjoni attwali ta' tensjoni, isejjaħ referendum ta' malajr biex il-Krimea tissieħeb mal-Federazzjoni Russa; jinsab imħasseb dwar ir-rwol li allegatament għandhom il-forzi militari Russi fil-Peniżola tal-Krimea; jikkritika l-attivitajiet li saru bl-għaġla min-naħa tal-leġiżlaturi Russi biex l-adeżjoni tal-Krimea mal-Federazzjoni Russa tkun possibbli;

12.    Jappoġġa l-inizjattiva għal mekkaniżmu internazzjonali xieraq, preferibbilment taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bl-għan li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Krimea permezz ta' medjazzjoni;

13.    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti, Robert Serry, kien mhedded u mġiegħel jitlaq mill-Krimea, u li l-osservaturi tal-OSKE ma ngħatawx aċċess; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi vvalutata oġġettivament is-sitwazzjoni fil-Peniżola tal-Krimea; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea jagħtu aċċess lill-osservaturi tal-OSKE u jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex issir valutazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni minn osservaturi internazzjonali;

14.    Jesprimi tħassib kbir għall-iskjerament ta' forzi militari addizzjonali tal-Istati Uniti fil-Baħar l-Iswed u l-pajjiżi Baltiċi; jitlob b'urġenza lir-Russja, l-Istati Uniti u n-NATO jnaqqsu l-preżenza militari tagħhom fir-reġjun u jżommu lura milli jwettqu eżerċizzji militari jew azzjonijiet militari oħra potenzjalment provokattivi;

15.    Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li, s'issa, l-isforzi diplomatiċi internazzjonali biex jinstab kompromess bħala soluzzjoni għall-kriżi ma kellhom l-ebda suċċess; jitlob b'urġenza lill-partijiet kollha jwaqqfu t-theddida ta' sanzjonijiet u jerġgħu lura mid-deċiżjoni li ma jkomplux jiżviluppaw il-mekkaniżmi eżistenti ta' djalogu u kooperazzjoni, deċiżjonijiet li mhuma se jwasslu għal xejn aktar ħlief għal eskalazzjoni ulterjuri tal-kriżi internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla d-djalogu bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u li jinstabu soluzzjonijiet fl-interess tal-poplu Ukrain;

16.    Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi internazzjonali li żviluppat fil-kuntest tal-kriżi fl-Ukraina hija r-riżultat tan-nuqqas min-naħa tar-Russja u l-UE li fil-kontinent Ewropew jistabbilixxu sistema ta' sigurtà inklużiva u sostenibbli u strutturi ta' kooperazzjoni li jippermettu u jippromwovu sħubija awtentika bejn il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, inkluża r-Russja; jikkritika l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma tawx kas it-tħassib tar-Russja dwar il-Politika tal-UE dwar il-Viċinat tal-Lvant, it-tkabbir tan-NATO u l-ħolqien ta' sistema kontra l-missili fl-Ewropa; bil-konsapevolezza tad-differenzi kbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-libertajiet demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-korruzzjoni, jitlob li jsir rieżami tal-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja, bil-għan li tintemm il-konfrontazzjoni, jingħata bidu għal djalogu kostruttiv dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku u jingħeleb ix-xkiel għall-ħolqien ta' sħubija awtentika;

17.    Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi politika attwali tiggrava l-problemi diffiċli li jeżistu fl-oqsma soċjali, ekonomiku u finanzjarju tal-Ukraina; jinnota l-wegħdiet li, għal perjodu qasir, l-UE tagħti assistenza finanzjarja biex l-Ukraina tegħleb in-nuqqasijiet finanzjarji l-aktar urġenti tagħha; jisħaq fuq il-fatt li l-Ukraina għandha bżonn appoġġ sostenibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza finanzjarja m'għandhiex tkun soġġetta għal miżuri ta' awsterità;

18.    Jitlob b'urġenza lill-istituzzjonijiet tranżizzjonali tal-Ukraina jiżguraw ir-rispett rigoruż tad-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi, il-libertà tal-istampa kif ukoll il-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-kelma; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll lil atturi politiċi barranin oħra, biex mhux biss joħorġu appelli f'dan ir-rigward iżda biex kull appoġġ finanzjarju għall-Ukraina jagħmluh dipendenti mir-rispett għal dawn l-istandards u obbligi;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ukraina, lill-President Russu, lill-Parlament u lill-Gvern tar-Russja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa.