Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0365/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0365/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-politika barranija tal-UE f'dinja ta' differenzi kulturali u reliġjużi

11.4.2014 - (2014/2690(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marietta Giannakou f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Proċedura : 2014/2690(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0365/2014
Testi mressqa :
B7-0365/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0365/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika barranija tal-UE f'dinja ta' differenzi kulturali u reliġjużi

(2014/2690(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 10 u 22 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u dwar l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' intolleranza u ta' diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew twemmin, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali A/RES/67/179 tal-20 ta' Diċembru 2012 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem A/HRC/22/20/L.22 tat-22 ta' Marzu 2013,

–       wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/12), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2007)0242), li għandha l-għan li tippromwovi l-għarfien tad-diversità kulturali u l-valuri tal-UE, id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-iskambji ta' prattiki tajba,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE[2],

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-UE u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin[3], u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 bit-titolu Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE[4],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE hija msejsa fuq il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandha r-rieda, kif ukoll id-dmir legali u morali, li tippromwovi u tiddefendi dawn il-valuri fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi oħrajn;

B.     billi l-Artikolu 21 tat-TUE jirrikonoxxi li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata "[m]id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali";

C.     billi l-kunċett tad-differenzi kulturali u reliġjużi spiss wassal għall-kunflitt bejn gruppi differenti ta' nies u ġie sfruttat mill-mexxejja u r-reġimi biex jiksbu l-għanijiet tagħhom stess, u għaldaqstant komplew ixewxu l-kunflitt;

D.     billi l-fehim tad-diversità reliġjuża u kulturali, li jippermetti l-inklużjoni, ir-rispett reċiproku u l-fehim ta' mentalitajiet differenti, huwa mezz sod li bih jitrawmu t-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt, kif ukoll jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

E.     billi, f'din l-era ta' globalizzazzjoni, in-nazzjonijiet, l-istati u ċ-ċiviltajiet jinteraġixxu ma' xulxin b'mod attiv, u r-regoli u n-normi li jiggwidaw il-funzjonament tas-sistemi ekonomiċi u politiċi qed jintrabtu ma' xulxin aktar mill-qrib u jħabbtu wiċċhom ma' sfidi bħat-tibdil fil-klima, it-terroriżmu u l-faqar, filwaqt li, fl-istess ħin, jirriflettu l-identitajiet nazzjonali u d-differenzi kulturali, u billi sabiex ikun hemm djalogu internazzjonali bbażat fuq it-tolleranza, jeħtieġ li dak li jkun ikollu għarfien adegwat ta' dawn iż-żewġ aspetti;

F.     billi fiċ-ċiviltajiet kollha, il-patrimonju kulturali nazzjonali, li joħloq is-sies għall-identità kulturali taċ-ċittadini, huwa vvalorizzat ħafna;

Il-prinċipji tal-politika barranija tal-UE

1.      Jafferma li r-rispett għad-diversità kulturali u t-tolleranza fir-rigward tal-kunċetti u t-twemmin differenti, flimkien mal-ġlieda kontra kull tip ta' estremiżmu u inugwaljanzi, jibqa' parti integrali neċessarja għall-ħolqien b'suċċess ta' ordni internazzjonali paċifiku msejjes fuq valuri demokratiċi kondiviżi universalment;

2.      Itenni l-konvinzjoni tiegħu li, hija u tiddefendi l-interessi tagħha stess fid-dinja, l-UE għandha dejjem tibbaża l-politiki tagħha fuq il-promozzjoni tal-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni (id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-ġustizzja soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar) u fuq ir-rispett għall-pajjiżi l-oħra;

3.      Jinsisti li l-protezzjoni ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, bħall-minoranzi etniċi jew reliġjużi, u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, ir-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ekonomiċi, politiċi u soċjali, kif ukoll il-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru jew tal-orjentament sesswali, għandhom ikunu fost l-objettivi tal-UE fir-relazzjonijiet barranin;

4.      Iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha, speċjalment fid-dawl tal-ġrajjiet li seħħu, l-Istorja u l-promozzjoni tal-iskambju kulturali, huwa indispensabbli biex dak li jkun jifhem u jirrispetta l-patrimonju reliġjuż u kulturali;

5.      Jitlob lill-UE tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni tat-trattati internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ftehimiet kollha dwar in-nondiskriminazzjoni, il-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol, kif ukoll l-istrumenti reġjonali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li ssir ratifika rapida tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mas-sentenza finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

6.      Jitlob lill-UE tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali;

7.      Jisħaq fuq il-fatt li l-UE, li fl-imgħoddi kisbet riżultati konkreti fil-ġlieda tagħha kontra l-piena tal-mewt, għandha terfa' responsabbiltà akbar, u jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri jżommu u jsaħħu l-impenn politiku tagħhom lejn din il-kawża, bil-għan li l-piena tal-mewt titneħħa fid-dinja kollha darba għal dejjem;

8.      Iqis li d-demokraziji stabbli u moderni bi stat ta' dritt li jiffunzjona bħala għodda ta' paċi, kooperazzjoni internazzjonali u rieda biex il-kwistjonijiet globali jiġu indirizzati b'mod kostruttiv, u li huwa fl-interess tal-UE li tippromwovi b'mod attiv kultura politika ta' libertà, tolleranza u aċċessibilità, is-separazzjoni tal-istat mir-reliġjon, kif ukoll l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet demokratiċi madwar id-dinja;

9.      Jinnota, b'mod partikolari, li t-tranżizzjoni lejn id-demokrazija f'bosta stati madwar id-dinja fl-aħħar għoxrin sena u, aktar reċentament, il-ġrajjiet tal-irvellijiet fid-dinja Għarbija, urew li l-aspirazzjonijiet għad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali, id-dinjità tal-bniedem u l-parteċipazzjoni ugwali huma motivazzjoni universali fi ħdan u madwar sfondi kulturali u reliġjużi differenti u m'għandhomx jitqiesu bħala punt ta' interess tal-Punent biss;

10.    Iqis li l-kunċett tad-differenzi kulturali u reliġjużi qed ikun ripetutament strumentalizzat biex jiġġustifika ksur evidenti tad-drittijiet tal-bniedem minn reġimi dittatorjali u atturi mhux statali radikali;

11.    Jiċħad viżjonijiet essenzjalisti ta' kulturi bħala entitajiet fissi; jemmen li l-globalizzazzjoni u l-interazzjoni li qed tikber ta' persuni li jappartjenu għal sfondi kulturali u reliġjużi differenti jistgħu jwasslu għall-iżvilupp u l-infurzar ta' bażi komuni ta' valuri universali;

12.    Ifakkar li r-rispett u d-difiża ta' kulturi iżgħar u ta' minoranzi nazzjonali u lingwistiċi, u l-promozzjoni tal-ħila tagħhom biex jesprimu ruħhom f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem, huma mezz ta' kif jiġi evitat li d-differenzi kulturali jitqiesu bħala konfrontazzjoni bejn blokok irrikonċiljabbli u sabiex jiġu promossi l-paċi u l-istabilità;

13.    Jisħaq fuq il-fatt li l-edukazzjoni inklużiva għandu jkollha rwol prominenti fil-politika tal-iżvilupp, l-immaniġjar tal-kriżi u l-istabilizzazzjoni ta' wara l-kunflitt;

14.    Jenfasizza l-fatt li r-rispett għal-libertajiet tar-reliġjon huwa prinċipju ta' politika esterna importanti, li jikkontribwixxi għal relazzjonijiet internazzjonali aktar sostenibbli u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn in-nazzjonijiet abbażi tal-umanità, it-tolleranza u r-rikonoxximent reċiproku;

15.    Jiċħad il-promozzjoni u t-tixrid ta' prinċipji reliġjużi fundamentalisti diretti lejn l-erożjoni jew il-vjolazzjoni tad-drittijiet ta' komunitajiet partikolari;

16.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proliferazzjoni tal-intolleranza u jiddeplora b'mod qawwi l-atti ta' vjolenza fuq il-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, il-Musulmani, il-Lhud u l-Bahá'í, li f'diversi pajjiżi qed jiċċaħdu minn drittijiet fundamentali tal-bniedem esklużivament minħabba t-twemmin tagħhom; jikkundanna bil-qawwa, b'mod partikolari, il-bosta tentattivi biex jingħalqu jew jinqerdu l-knejjes, il-moskej, is-sinagogi, it-tempji u postijiet ta' qima oħra madwar id-dinja;

17.    Jenfasizza l-importanza tad-diplomazija kulturali, il-kooperazzjoni kulturali u l-iskambju edukattiv u kulturali sabiex jitwasslu l-valuri li jsawru l-kultura Ewropea u jiġu promossi l-interessi tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE taġixxi bħala attur dinji koerenti b'perspettiva globali u responsabilità globali;

Ir-rwol tal-UE fis-sistema tan-NU u fil-forums multilaterali

18.    Jagħraf il-fatt li l-istruttura attwali tas-sistema tan-NU, u b'mod partikolari dik tal-Kunsill tas-Sigurtà, għandha tirrifletti b'mod aktar adegwat id-diversità tal-atturi globali;

19.    Josserva, madankollu, li l-UE u l-Istati Membri tagħha rnexxielhom isibu punt komuni għal djalogu u kooperazzjoni biex jintlaħqu soluzzjonijiet komuni mal-istati membri tan-NU li jmorru lil hinn mid-differenzi kulturali u reliġjużi; josserva wkoll li t-tensjonijiet u l-moratorju li jxekklu l-iżvilupp ta' dawn is-soluzzjonijiet huma mnissla mill-oppożizzjoni tal-istati u partijiet involuti fil-kunflitti għal dawn il-ftehimiet għal raġunijiet strateġiċi aktar milli abbażi ta' valuri morali konfliġġenti;

20.    Jenfasizza l-importanza li jiġu kkoordinati forums bil-għan li jippromwovu djalogu u qbil reċiproku bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet; huwa, madankollu, tal-opinjoni li l-effikaċja ta' dawn il-forums għandha tiġi vvalutata u li għandha tiġi kkunsidrata l-influwenza li teżerċita l-firxa tagħhom;

21.    Jagħraf il-valur tad-diplomazija parlamentari u jenfasizza l-ħidma tal-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż; jilqa', f'dan ir-rigward, inizjattivi bħar-rakkomandazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (Marzu 2012, Rabat) biex jitfassal abbozz ta' 'Karta tal-Valuri tal-Mediterran';

L-isfidi ta' influwenza reliġjuża fix-xena politika internazzjonali

22.    Josserva, bi tħassib, li apparti t-theddid li jirrappreżentaw in-netwerks terroristi għall-Unjoni, kif ukoll għall-bqija tad-dinja, il-gruppi reliġjużi estremisti li jużaw il-vjolenza bħala mezz biex jippromwovu l-mibegħda u l-intolleranza u jinfluwenzaw lis-soċjetajiet u l-leġiżlazzjoni sabiex iċekknu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tan-nies, idgħajfu l-istess prinċipji li l-Unjoni tippromwovi fil-politiki barranin u ta' żvilupp tagħha u joperaw bl-appoġġ – kemm jekk bil-miftuħ u kemm jekk bil-moħbi – ta' ċerti Stati;

23.    Iqis li l-UE għandha tkun aktar assertiva fl-appoġġ li tagħti għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u politiċi mis-soċjetà ċivili, kif ukoll interpretazzjonijiet aktar miftuħa u inklużivi tad-domma reliġjuża f'dawk il-pajjiżi fejn il-gvernijiet tagħhom jippromwovu perspettivi intolleranti tar-reliġjon u l-kultura, jew iħalluhom jgħaddu;

24.    Josserva li, f'ħafna pajjiżi mhux Ewropej, anki fejn l-espressjonijet reliġjużi differenti huma tollerati, is-sekulariżmu u l-perspettivi atei u anjostiċi madankollu huma spiss soġġetti għal diskriminazzjoni legali jew soċjali u l-atei li qed iħabbtu wiċċhom ma' theddid, pressjoni jew periklu għandhom ikunu protetti bl-istess mod tal-minoranzi reliġjużi jew minoranzi oħra minn programmi u politiki tal-UE; ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u tal-kuxjenza timplika bl-istess mod kemm id-dritt għal twemmin reliġjuz u l-prattika tar-reliġjoni, u fejn dan jonqos, id-dritt li wieħed jagħżel jew jippromwovi twemmin reliġjuż bħala parti integrali tal-libertà ta' espressjoni u d-dritt li wieħed ibiddel jew jabbanduna t-twemmin tiegħu; jistenna li dawn l-aspetti kollha jkunu preżenti fl-inizjattivi tal-UE għal djalogu interkulturali;

25.    Jipproponi li l-mexxejja reliġjużi tat-tliet reliġjonijiet Abramiċi (il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Iżlam) iwettqu djalogu interreliġjuż, fi spirtu ta' għaqda u tolleranza għall-espressjonijiet organizzati differenti tagħhom;

Il-kredibilità, il-koerenza u l-konsistenza tal-politika tal-UE

26.    Iqis li l-effettività tal-azzjoni tal-UE tiddependi mill-eżemplarità u l-konsistenza tagħha bejn il-prattika interna u l-azzjoni esterna;

27.    Jistieden lill-Istati Membri kollha jħassru l-leġiżlazzjoni eżistenti li tikkontradixxi l-libertà fundamentali tar-reliġjon u l-kuxjenza u l-libertà tal-espressjoni;

28.    Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tippromwovi r-rispett għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin, il-libertà tal-istampa u l-libertà ta' aċċess għall-midja u t-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda fl-azzjonijiet esterni tagħha, u tipproteġi u tippromwovi b'mod attiv il-libertajiet diġitali tan-nies;

29.    Jitlob li jkun hemm politika tal-UE koerenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem ibbażata fuq standards fundamentali kondiviżi u approċċ kostruttiv orjentat lejn il-ksib ta' riżultati; jisħaq fuq il-fatt li, meta jivverifika ruħu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-UE għandha tagħmel użu mill-firxa sħiħa ta' għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi s-sanzjonijiet;

30.    Jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-ftehimiet li l-UE laħqet ma' pajjiżi terzi biex jiġu inklużi kundizzjonalità reċiproka u klawżoli politiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, bħala konferma mill-ġdid kondiviża tal-impenn reċiproku għal dawn il-valuri u irrispettivament mill-istat ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiż partikolari, b'salvagwardji adatti biex jiżguraw li l-ebda naħa ma tkun tista' tabbuża mill-użu tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni;

Ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni Ewropea

31.    Jistieden lis-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja jkomplu jimpenjaw ruħhom ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali fil-promozzjoni ta' djalogu interkulturali u interreliġjuż;

32.    Jistenna li fid-dikjarazzjonijiet politiċi tagħhom, ir-rappreżentanti tal-UE jiċċaraw il-fatt li l-interpretazzjonijiet intolleranti ta' kwalunkwe reliġjon jew twemmin li jippermettu li ssir vjolenza jew repressjoni kontra aderenti ta' twemmin ieħor huma inkompatibbli mal-valuri tal-UE u d-drittijiet universali tal-bniedem, u għandhom jiġu miġġielda bl-istess assertività li biha jiġi miġġieled kwalunkwe reġim politiku repressiv;

33.    Jistieden lill-UE biex, fid-djalogu politiku mal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba madwar id-dinja, il-kultura ssir tirrappreżenta parti aktar b'saħħitha billi tippromwovi l-iskambji kulturali u b'mod sistematiku tintegra l-kultura fi programmi u proġetti ta' żvilupp; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li ssir simplifikazzjoni tal-operazzjonijiet interni tal-Kummissjoni fid-diversi Direttorati Ġenerali li jiffukaw fuq ir-relazzjonijiet esterni (il-politika barranija, it-tkabbir, il-kummerċ u l-iżvilupp), l-edukazzjoni, il-kultura u l-aġenda diġitali;

34.    Jisħaq fuq l-importanza li l-persunal tal-UE jingħata t-taħriġ xieraq f'dan ir-rigward, u jenfasizza fuq il-ħidma relevanti ta' bosta organizzazzjoni bħalma hi l-Fondazzjoni Anna Lindh u ċ-Ċentru ta' Djalogu KAICIID fi Vjenna;

35.    Jagħraf il-fatt li t-teknoloġiji tal-internet u l-komunikazzjoni huma fattur ewlieni li jiffaċilita l-libertà ta' espressjoni, il-pluraliżmu, l-iskambju ta' informazzjoni, l-edukazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp, il-libertà ta' għaqda, id-demokrazija u l-interazzjoni u l-inklużjoni interkulturali u interreliġjużi, li b'hekk irawwem it-tolleranza u l-fehim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Rapport dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE;

36.    Jenfasizza l-possibilitajiet multipli mogħtija mit-teknoloġiji l-ġodda għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż kif ukoll tal-prinċipji u l-valuri tal-UE; iħeġġeġ lill-Kapijiet kollha tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jagħmlu użu sħiħ mill-għodod tad-diplomazija diġitali permezz tal-preżenza attiva u konsistenti tagħhom fil-midja soċjali; jistieden lis-SEAE jeżamina l-possibilitajiet ta' programmi virtwali ġodda;

37.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.