MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina
15.4.2014 - (2014/2699(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Jacek Saryusz-Wolski, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Anna Maria Corazza Bildt, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Mário David, Mariya Gabriel, Michael Gahler, Paweł Zalewski, Gunnar Hökmark, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Jan Kozłowski, Eduard Kukan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Nadezhda Neynsky, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, György Schöpflin, Salvador Sedó i Alabart, Inese Vaidere, Sophie Auconie, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Algirdas Saudargas, Philippe Juvin, Andrey Kovatchev, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0436/2014
B7‑0444/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu 2014 dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni NATO-Ukraina tal-1 ta' April 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-3 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina[2],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' April 2014 dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli żżid id-destabbilizzazzjoni u l-aggressjoni tagħha fil-Lvant tal-Ukraina, permezz ta' separatisti li qed jokkupaw bini pubbliku u jistigaw l-inkwiet;
B. billi f'diversi bliet fil-Lvant tal-Ukraina, fosthom Luhansk, Donetsk u Kharkiv, is-separatisti li jappoġġjaw lir-Russja ħabbru tħejjijiet għal referenda "bħal tal-Krimea" biex tittieħed deċiżjoni dwar l-awtodeterminazzjoni tar-reġjuni tal-Lvant tal-Ukraina fil-11 ta' Mejju 2014;
C. billi jekk id-destabbilizzazzjoni vjolenti fil-Lvant tal-Ukraina tkompli teskala, hemm ir-riskju li r-Russja tużaha bħala pretest falz biex tkompli l-aggressjoni permezz ta' mezzi militari, timpedixxi l-elezzjonijiet presidenzjali u tisforza l-federalizzazzjoni tal-Ukraina;
D. billi l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali ma jirrikonoxxux u mhumiex se jirrikonoxxu r-riżultati tar-referendum illegali fil-Krimea tas-16 ta' Marzu 2014 u l-inkorporazzjoni sussegwenti tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa;
E. billi r-Russja qed tkompli tikser l-obbligi internazzjonali tagħha bħalma huma l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u, b'mod partikolari, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar garanziji ta' sigurtà għall-Ukraina;
F. billi l-UE impenjat ruħha li tiffirma Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AA) / Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTAs) kemm mal-Moldova kif ukoll mal-Ġeorġja malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn Ġunju 2014;
G. billi l-hekk imsejjaħ referendum tat-2 ta' Frar 2014 fl-Unità Territorjali Awtonoma tal-Gagauzia jmur kontra l-Kostituzzjoni u l-qafas leġiżlattiv tar-Repubblika tal-Moldova u għalhekk huwa illegali; billi n-negozjati fil-format 5+2 ma wasslux għal soluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt fit-Transnistrija;
H. billi r-Russja għadha qed tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u ta' Tskhinvali (l-Ossezja t'Isfel) bi ksur tar-regoli u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali, u billi l-proċess li jistabbilixxi l-fruntieri avvanza b'mod mgħaġġel u ajruplani militari Russi daħlu bla permess fl-ispazju tal-ajru Ġeorġjan;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi d-destabbilizzazzjoni u l-provokazzjonijiet li qed jeskalaw fil-Lvant tal-Ukraina, ikkawżati mill-azzjonijiet espliċiti u impliċiti tar-Russja; jirrifjuta t-tħejjijiet għal referenda illegali "bħal tal-Krimea"; iwissi li d-destabbilizzazzjoni u s-sabotaġġ ikkawżati mis-separatisti pro-Russja armati, imħarrġa, ikkoordinati tajjeb u mmexxija mir-Russi jistgħu jintużaw bħala pretest falz biex ir-Russja tintervjeni bil-militar, timpedixxi l-elezzjonijiet presidenzjali u tisforza l-federalizzazzjoni bħala għodda biex tinqasam l-Ukraina;
2. Jesprimi tħassib serju dwar l-operazzjonijiet militari mmexxija mir-Russja fil-Lvant tal-Ukraina; itenni l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkellmu lir-Russja b'vuċi waħda; iqis li s-sitwazzjoni attwali tesiġi li l-Kunsill isaħħaħ it-tieni fażi tas-sanzjonijiet u jħejji ruħu għat-tielet fażi tas-sanzjonijiet (sanzjonijiet ekonomiċi), li għandhom jiġu applikati immedjatament, u t-tkomplija tal-iżolament politiku, ekonomiku u finanzjarju tar-Russja fix-xena internazzjonali;
3. Itenni, barra minn hekk, l-appell tiegħu biex il-Kunsill japplika sanzjonijiet fil-pront, inklużi embargo fuq l-armi u t-teknoloġija b'użu doppju, projbizzjonijiet fuq l-għoti ta' viża, iffrizar ta' assi u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus kontra individwi involuti fil-proċess deċiżjonali fir-rigward tad-destabbilizzazzjoni u l-provokazzjonijiet fil-Lvant tal-Ukraina, u miżuri kontra kumpaniji Russi u s-sussidjarji tagħhom, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, kif ukoll fil-konfront ta' investimenti u assi Russi fl-UE, u biex jeżamina mill-ġdid il-ftehimiet kollha mar-Russja bil-ħsieb ta' possibbiltà ta' sospensjoni; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014 li jtawwal il-lista ta' dawk soġġetti għall-iffriżar tal-assi u għall-projbizzjonijiet fuq l-għoti ta' viża;
4. Jitlob l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u finanzjarji fir-rigward tal-Krimea u t-tmexxija separatista tagħha; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni rapida tagħhom għandha ssir abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi legali tal-annessjoni tal-Krimea;
5. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; iħares lejn l-azzjonijiet tar-Russja bħala ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-obbligi internazzjonali tagħha li joħorġu mill-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar garanziji ta' sigurtà, kif ukoll tal-obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija; jilqa' d-deċiżjoni li jiġu sospiżi d-drittijiet tal-vot tar-Russja fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;
6. Jistieden lir-Russja tirtira t-truppi Russi kkonċentrati tul il-fruntiera mal-Ukraina u fl-Ukraina, u tirtira minnufih il-mandat tal-Kunsill Federali li juża l-forza fit-territorju Ukrain; jesiġi li l-azzjonijiet kollha li qed iwasslu għad-destabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, kemm minn ġewwa u kemm minn barra, jieqfu immedjatament; huwa tal-opinjoni li kwalunkwe talba politika għandha tiġi indirizzata mingħajr vjolenza fil-fora adatti u leġittimi; jesiġi li r-Russja ma torganizza l-ebda tip ta' talba separatista, bħar-referenda illegali dwar ir-reġjuni tal-Lvant tal-Ukraina, u li tiddiżassoċja ruħha pubblikament mill-ġrajjiet reċenti li seħħew fil-Lvant tal-Ukraina, peress li dawn ikasbru s-sovranità u l-integrità territorjali tagħha;
7. Jistieden lill-Kunsill jgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, jagħti sostenn lill-pulizija, lill-kontroll tal-fruntieri u lill-istat tad-dritt permezz ta' missjoni robusta tal-PSDK, u jħejji qafas politiku għall-approċċ tal-kriżijiet (PFCA), filwaqt li jistudja l-alternattivi kollha f'dan ir-rigward malajr kemm jista' jkun;
8. Jistieden lill-Unjoni tkabbar il-missjoni ta' monitoraġġ eżistenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) biex jintbagħtu kemm jista' jkun osservaturi fil-Lvant tal-Ukraina biex jaraw b'għajnejhom u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni fuq il-post, sabiex tkun tista' tikkontrobatti kwalunkwe pretest falz biex is-sitwazzjoni tkompli teskala; jikkondividi t-tħassib espress mill-OSKE u mill-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-restrizzjonijiet li sarulhom fil-Krimea biex ma jkunux jistgħu josservaw sew is-sitwazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom dawk ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali;
9. Jappella, barra minn hekk, għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali fil-fond mill-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODHIR) tal-OSKE, kif ukoll mill-Parlament u l-UE, biex isir monitoraġġ estensiv tal-elezzjonijiet; jappella biex l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014 ikunu liberi u ġusti, u jsiru f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali; jirrifjuta kull pressjoni esterna biex dawn l-elezzjonijiet jiġu posposti;
10. Jistenna l-impenn sħiħ tar-Russja favur eżitu politiku ta' suċċess fit-taħditiet kwadrilaterali li tħabbru bejn l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ukraina abbażi tar-rispett sħiħ tal-integrità territorjali tal-Ukraina, inkluż id-dritt tal-Ukraina li tiddeċiedi dwar il-kostituzzjoni u l-futur politiku tagħha; iqis li jekk ir-Russja ma turix dan l-impenn, tkun qed tagħti prova li qed taħdem kontra soluzzjoni vijabbli u li trid biss tirbaħ iż-żmien;
11. Jilqa' l-mod imrażżan u meqjus li bih il-Gvern Ukrain indirizza l-fażi attwali tal-kriżi s'issa, u jfakkar li l-awtoritajiet Ukraini għandhom id-dritt kollu li jużaw il-miżuri militari kollha biex jerġgħu jieħdu t-territorju tagħhom f'idejhom;
12. Iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-Ukraina fil-korpi internazzjonali, b'mod partikolari fil-korpi ġudizzjarji internazzjonali, jekk l-Ukraina tiddeċiedi li tiftaħ kawżi kontra r-Russja għall-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tagħha;
13. Jilqa' l-fatt li l-Gvern Ukrain ħabbar aġenda ta' riforma ekonomika u soċjali ambizzjuża, u jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi implimentata malajr sabiex il-qagħda finanzjarja kritika tal-pajjiż tiġi stabbilizzata u jinstab tarf tagħha; jilqa' d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tal-Kummissjoni li jagħtu lill-Ukraina għajnuna finanzjarja sostanzjali fl-immedjat u fit-tul; ifakkar fil-bżonn li tiġi organizzata u kkoordinata konferenza internazzjonali tad-donaturi, li għandha tissejjaħ mill-Kummissjoni u ssir malajr kemm jista' jkun;
14. Ifakkar li biex l-għajnuna finanzjarja internazzjonali tagħti riżultati tanġibbli għall-Ukraina trid tkun soġġetta għal kundizzjonijiet infurzati strettament u għall-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma tal-gvern; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-għajnuna teknika neċessarja għal din l-aġenda sabiex jissaħħaħ l-istat tad-dritt u tinqered il-korruzzjoni;
15. Iħeġġeġ lill-Ukraina tkompli bil-mixja tagħha lejn riforma politika, b'mod partikolari riforma kostituzzjonali; jilqa' r-rieda tal-Gvern Ukrain li jimplimenta l-impenn tiegħu li jiżgura n-natura rappreżentattiva tal-istrutturi governattivi, billi jkunu jirriflettu d-diversità reġjonali, li jiżgura wkoll il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali, li jinvestiga l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-atti ta' vjolenza, u li jiġġieled l-estremiżmu; f'dan il-kuntest, jilqa' l-inawgurazzjoni tal-Panel Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fid-9 ta' April 2014;
16. Jilqa' r-riżoluzzjoni reċenti tal-Parlament Ukrain li titlob id-diżarm immedjat tal-forzi ta' awtodifiża illegali kollha, u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni tagħha;
17. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ukraina u għall-poplu tagħha f'dawn iż-żminijiet diffiċli; jilqa' l-iffirmar tal-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-adozzjoni sussegwenti tal-miżuri kummerċjali unilaterali; jappella biex l-AA/DCFTA sħiħ jiġi ffirmat mill-aktar fis u qabel jiskadu l-miżuri kummerċjali unilaterali;
18. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' politika komuni b'saħħitha dwar is-sigurtà tal-enerġija (Unjoni tal-Enerġija), bil-għan li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt u l-gass mir-Russja, inkluża d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u l-possibbiltà li, meta jkun hemm bżonn, tiġi sospiża l-importazzjoni tal-gass; huwa tal-opinjoni li s-South Stream m'għandux jinbena; jinsab konvint li l-għajnuna tal-UE lill-Ukraina biex tiżgura l-provvista fid-direzzjoni opposta permezz ta' aktar diversifikazzjoni, titjib fl-effiċjenza enerġetika u interkonnessjonijiet effikaċi mal-UE għandha ssaħħaħ lill-Ukraina fil-konfront ta' pressjonijiet politiċi u ekonomiċi; f'dan ir-rigward, ifakkar fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina għandha l-Presidenza tagħha fl-2014;
19. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza minnufih lill-Kummissjoni biex tħaffef il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Ukraina, sabiex tkompli l-mixja lejn l-introduzzjoni ta' reġim bla viża, fuq l-eżempju tal-Moldova; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri ta' għoti ta' viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;
20. Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jikkomunikaw u jiddjalogaw b'mod attiv mal-opinjoni pubblika u l-komunitajiet kummerċjali tal-UE sabiex jispjegaw is-sinifikat u l-konsegwenzi tal-azzjonijiet illegali tar-Russja bħala theddida diretta għall-paċi u l-prosperità fl-Ewropa;
21. Ifakkar li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw biex isiru Membri tal-Unjoni, dment li jaderixxu mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi, u jiżguraw l-istat tad-dritt;
22. Jistieden lill-Kunsill jiffirma l-AAs/DCFTAs bejn l-UE – u l-Istati Membri tagħha – u r-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja; jesprimi l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE–Repubblika tal-Moldova u UE–Ġeorġja immedjatament mal-iffirmar; iħeġġeġ lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jnaqqas il-proċeduri ta' notifika li jsegwu l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sabiex l-applikazzjoni provviżorja tkun tista' ssir effettiva malajr kemm jista' jkun wara l-iffirmar; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li, jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha u sussegwentement jiġu ffirmati l-AAs, jgħaddi għar-ratifika sħiħa tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE–Repubblika tal-Moldova u UE–Ġeorġja malajr kemm jista' jkun u qabel tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni; jappella biex dawn il-pajjiżi tingħatalhom l-għajnuna finanzjarja addizzjonali meħtieġa;
23. Jitlob li l-UE tkun involuta aktar fis-soluzzjoni tal-kunflitt fit-Transnistrija, fosthom billi l-istatus tal-UE fit-taħditiet "5+2" jogħla għal dak ta' sieħba fin-negozjati;
24. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tieqaf tidħol bla permess fl-ispazju tal-ajru u fiż-żoni marittimi Ġeorġjani u jikkundanna bil-qawwa l-proċess li jistabbilixxi l-fruntieri fl-Abkażja u fir-reġjun ta' Tskhinvali (l-Ossezja t'Isfel);
25. Jistieden lir-Russja ma teżerċita l-ebda pressjoni fuq il-Moldova jew il-Ġeorġja biex tfixkel jew iddewwem l-iffirmar tal-AAs/DCFTAs rispettivi; itenni li l-iffirmar ta' AAs/DCFTAs ma jimpedixxix lill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant milli jkollhom relazzjonijiet eqreb mar-Russja; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha tal-Viċinat tal-Lvant, u jistieden lir-Russja żżomm lura minn kwalunkwe miżura li tista' tifrex ix-xenarju Ukrain għal pajjiżi oħra;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0248.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2014)0285.