Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0027/2014/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0027/2014/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI L-impjieg taż-żgħażagħ

15.7.2014 - (2014/2713(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Terry Reintke, Karima Delli, Monika Vana, Tamás Meszerics, Tatjana Ždanoka, Jean Lambert, Helga Trüpel, Ernest Urtasun, Jill Evans, Ska Keller, Jordi Sebastià, Bas Eickhout, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0027/2014

Proċedura : 2014/2713(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0027/2014
Testi mressqa :
B8-0027/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0027/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ

(2014/2713(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Kunsill ippubblikati mill-Kunsill Ewropew fis-27 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fil-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tas-7 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ[2],

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 dwar Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ (COM(2013)0144),

–       wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012 dwar Konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew għall-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Kwalità dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ (COM(2012)0728),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE hu aktar minn 22 % u jeċċedi l-55 % f'uħud mill-Istati Membri; billi 13 % tal-Ewropej taħt il-25 sena la għandhom impjieg u lanqas qed isegwu programm ta' edukazzjoni jew taħriġ (NEETs), 12 % tat-tfal iħallu l-iskola mingħajr ma jtemmu l-edukazzjoni sekondarja, u 'l fuq minn 10 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f'familji mingħajr impjieg; billi din is-sitwazzjoni tista' twassal għal konsegwenzi soċjali serji għas-soċjetà u għall-individwi u billi dawn il-problemi qed ikomplu jikbru, bir-riskju li jkollna ġenerazzjoni mitlufa;

B.     billi fl-UE 28 fl-2012, 29,7 % taż-żgħażagħ (15-29) kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali;

C.     billi aktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej iħossu li ż-żgħażagħ ta' pajjiżhom spiċċaw marġinalizzati u esklużi mill-ħajja ekonomika u soċjali;

D.     billi fl-2012 42 % tal-ħaddiema żgħażagħ kellhom kuntratti temporanji, li jitqabbel ma' 13 % fost il-ħaddiema adulti u, fid-dawl ta' dan, wieħed minn kull ħames żagħżugħ jinsab f'riskju li jitlef l-impjieg;

E.     billi dawn ir-rati ta' żgħażagħ qiegħda u tan-NEETs għandhom impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll konsegwenzi f'termini ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi approċċ ibbażat fuq id-dritt huwa neċessarju sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni;

F.     billi l-miżuri tal-kriżi attwali maħsuba biex jitnaqqas l-infiq pubbliku fil-pajjiżi fi kriżi diġà ħallew impatt negattiv dirett fuq iż-żgħażagħ minħabba tnaqqis fl-edukazzjoni, fil-ħolqien tal-impjiegi u fis-servizzi ta' appoġġ; billi l-politiki attwali li qed jolqtu lil dawn iż-żgħażagħ qed jiġu żviluppati mingħajr l-involviment ta' dawk ikkonċernati jew ta' dawk interessati fihom;

Kunsill Ewropew

1.      Jiddispjaċih għall-fatt li l-prijoritajiet tal-Kunsill Ewropew, ippubblikati fis-27 ta' Ġunju 2014, bħala aġenda strateġika għall-UE u l-Kummissjoni l-ġdida, ma jinkludux miżuri mmirati biex jgħinu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ;

2.      Jiddispjaċih li ġie kkanċellat is-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern, li kellu jsir fil-11 ta' Lulju 2014 f'Turin, bħala segwitu għas-summits li saru f'Berlin f'Lulju 2013 u f'Pariġi f'Novembru 2013; jenfasizza l-fatt li dan jibgħat sinjal żbaljat liż-żgħażagħ Ewropej;

3.      Jenfasizza li, minħabba l-konsegwenzi li l-kriżi għandha fuq iż-żgħażagħ, huma meħtieġa impenn aktar b'saħħtu u monitoraġġ imtejjeb mill-Istati Membri biex titjieb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ; jitlob, f'dan il-kuntest lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ matul il-Kunsill EPSCO informali li jmiss fis-17 u t-18 ta' Lulju f'Milan u li jwettqu azzjonijiet u politiki minflok dikjarazzjonijiet;

Approċċ għall-impjiegi bbażat fuq id-drittijiet

4.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fir-rigward taż-żgħażagħ u l-impjiegi; jenfasizza li, partikolarment fi żmenijiet ta' kriżi gravi, il-kwalità tax-xogħol fost iż-żgħażagħ m'għandhiex tkun kompromessa;

5.      Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal impjiegi ta' kwalità li jirrispettaw id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għall-istabbiltà u s-sigurtà permezz ta' impjieg li jagħti paga deċenti u ġusta, ta' protezzjoni soċjali u li jippermetti ħajja sikura ta' dinjità u ta' awtonomija;

6.      Jenfasizza li jeħtieġ tieqaf id-diskriminazzjoni abbażi tal-età fl-aċċess għall-benefiċċji soċjali, inkluż aċċess kundizzjonali għall-benefiċċji tal-qgħad; jenfasizza li l-impożizzjoni ta' pagi minimi aktar baxxi fuq iż-żgħażagħ, irrispettivament mill-esperjenza tax-xogħol jew il-kapaċità, mhux biss ma tqisx dawk l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, imma hi wkoll evidenza ċara ta' diskriminazzjoni abbażi tal-età;

7.      Ifakkar li l-politiki dwar il-ħiliet għandhom jidhru mhux biss bħala mezzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, imma għandhom ikunu parti minn approċċ komprensiv li jirrikonoxxi l-kompetenzi li jinkisbu permezz ta' edukazzjoni mhux formali u informali, u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' politiki ta' tagħlim tul il-ħajja;

8.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tax-xogħol prekarju u tirregola l-arranġamenti kuntrattwali billi tesplora l-proposta għal direttiva tal-UE li tmur kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u tipproteġi ż-żgħażagħ kontra l-prekarjetà fix-xogħol;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa bir-reqqa u mbagħad iġġib fi tmiemhom il-miżuri ta' kriżi inkoerenti u kultant qerrieda; jenfasizza li jeħtieġ urġentement li jkun hemm aktar minn impenn pubbliku għall-Impjieg taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni teskludi l-investimenti minn miri ta’ defiċit f’oqsma li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ bħall-ħolqien tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka u l-iżvilupp, peress li dawn huma fundamentali biex tiġi megħluba l-kriżi b'mod sostenibbli, kif wkoll biex l-ekonomija tal-UE tiġi kkonsolidata fit-triq tal-kompetittività u l-produttività

10.    Ifakkar li d-diffikultà biex jinstabu djar deċenti hi problema ewlenija fost iż-żgħażagħ, minħabba li l-abitazzjoni hi prekundizzjoni biex jinstab impjieg u viċi versa; ifakkar li aċċess għall-abitazzjoni hu dritt fundamentali;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri b’rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni ta' aktar minn 25 %, tiżviluppa pjan ta’ għajnuna ta’ sena bil-ħolqien ta’ impjiegi għal tal-anqas 10 % taż-żgħażagħ milquta; jindika r-rwol importanti ta' politiki tal-impjieg reġjonali u lokali u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

12.    Jenfasizza li l-libertà ta' moviment hi dritt ewlieni; jenfasizza wkoll li ż-żgħażagħ għandu jkollhom ukoll il-possibilità ta' opportunitajiet ta' aċċess għall-impjieg fil-komunità tagħhom u li jeħtieġ li ssir ħidma biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ġeografiċi fl-Ewropa fir-rigward tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiggarantixxu politiki b'miżuri li jiffaċilitaw ir-ritorn taż-żgħażagħ lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, b'hekk jimpedixxu l-eżodu ta' imħuħ u t-telf tal-kapital uman;

13.    Ifakkar li ż-żgħażagħ - speċjalment nisa u migranti - spiss ikunu kkonċentrati f'forom ta' impjieg prekarju, f'impjieg b'paga baxxa, b'terminu fiss bi ftit protezzjoni u f'internships; ifakkar li l-kostijiet ekonomiċi għall-UE minħabba ż-żieda fil-impjieg prekarju u ż-żieda fl-inugwaljanza bejn is-sessi huma sostanzjali, u li dan jimmina s-sigurtà soċjali pubblika u s-sistemi tal-kura tas-saħħa, u jipperikola l-mudell soċjali Ewropew;

14.    Ifakkar li djalogu soċjali kostruttiv jikkontribwixxi biex ikunu salvagwardati l-impjiegi u x-xogħol; ifakkar li sħubijiet soċjali b'saħħithom huma kompetenza ewlenija tas-suq tax-xogħol tal-UE u dawn għandhom rwol ferm importanti fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ftehimiet tas-sħab soċjali;

Edukazzjoni

15.    Jistieden lill-Istati Membri sabiex mhux biss iwettqu riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ iżda jindirizzaw l-aċċess, l-investiment u l-kwalità bil-ħsieb ta' politiki sostenibbli fuq terminu twil; ifakkar li hu essenzjali li tkun indirizzata b'mod partikolari t-tranżizzjoni bejn il-modi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ, li jkunu implimentati kurrikula relevanti u impenjattivi, titfassal sistema b'saħħitha u żviluppata sew ta' gwida għall-istudenti kollha, u jkunu rikonoxxuti l-kompetenzi abbażi ta' tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza l-fatt li approċċ edukattiv olistiku u inklużiv hu element essenzjali biex ikunu indirizzati t-tfal u ż-żgħażagħ kollha; jenfasizza li s-sigurtà tad-dħul u l-fiduċja fil-perspettivi tas-suq tax-xogħol huma prekundizzjonijiet essenzjali fl-għażla ta' edukazzjoni għolja, u ż-żgħażagħ f'riskju ogħla ta' esklużjoni huma ferm milquta minn dan;

16.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri b'saħħithom biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni bikrija, partikolarment permezz ta' azzjoni preventiva kontra t-tluq bikri mill-iskola jew minn skemi ta' taħriġ jew apprendistat (pereżempju billi jkunu implimentati sistemi ta' edukazzjoni paralleli jew sistemi ugwalment effikaċi oħrajn);

17.    Jenfasizza li l-investiment soċjali favur in-NEETs inaqqas it-telf attwali għall-ekonomija kkawżat min-nuqqas ta' integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, li huwa stmat mill-Eurofound li jammonta għal EUR 153 biljun, jew 1,2 % tal-PDG tal-UE;

Garanzija għaż-Żgħażagħ, Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u Qafas ta' kwalità għat-traineehsips

18.    Jilqa' l-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ qed tissemma' fil-maġġoranza tar-Rakkomandazzjonijiet Speċfiċi għall-Pajjiż; jitlob, madankollu, għal aktar trasparenza fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni u għal aktar ambizzjoni meta jiġu indirizzati l-Istati Membri li ma juru l-ebda progress f'dan ir-rigward;

19.    Jitlob għal monitoraġġ effiċjenti fl-implementazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u biex ikun hemm pubblikazzjonijiet regolari dwar il-progress jew in-nuqqas ta' progress tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-isfidi li ġew identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2014 dwar il-kwalità tal-offerti u n-nuqqas ta' komunikazzjoni attiva għan-NEETs, il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg u n-nuqqas ta' impenn effikaċi mas-sħab relevanti kollha; jenfasizza li l-monitoraġġ għandu jinkludi l-proċeduri ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni, intervisti lill-gvernijiet, lill-partiti parlamentari nazzjonali u lill-NGOs;

20.    Itenni l-impenn tiegħu li jissorvelja mill-qrib l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri intiżi biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ titwettaq fir-realtà, u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistedinhom biex iżommu lill-Parlament Ewropew aġġornat dwar l-analiżi tagħhom rigward l-azzjonijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika;

21.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex imorru lil hinn mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2014 dwar qafas ta' kwalità għal skemi ta' taħriġ, filwaqt li jagħtu lill-apprendisti drittijiet definiti b'mod ċar li jinkludu aċċess għall-protezzjoni soċjali, kuntratti bil-kitba u vinkolanti u remunerazzjoni ġusta, sabiex jiżguraw li ż-żgħażagħ ma jkunux diskriminati meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol;

22.    Jenfasizza li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandha titqies bħala inċentiv għall-Istati Membri kollha sabiex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-fondi tal-FSE għal proġetti relatati maż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-entitajiet ta' implimentazzjoni għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bl-assistenza teknika meħtieġa kollha biex iwettqu l-proġetti b'urġenza;

23.    Ifakkar li l-ilħuq taż-żewġ objettivi tal-Istrateġija taż-Żgħażagħ (il-ħolqien ta' opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali) għadu ferm lura u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindunaw bl-impatt tremend li l-kriżi għandha fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà;

Investiment u dimensjoni makroekonomika:

24.    Jenfasizza li, anke jekk il-miżuri min-naħa tal-provvista – bħall-iżvilupp ta' ħiliet u regolamenti tas-suq tax-xogħol – jista' jkollhom rwol fil-ġlieda kontra l-qgħad, il-fatturi makroekonomiċi u min-naħa tad-domanda għandhom ikunu ferm aktar ikkunsidrati; ifakkar li aktar investimenti fiż-żgħażagħ u f'oqsma relatati maż-żgħażagħ għandhom ikunu kkunsidrati bħala investimenti fil-futur tal-Ewropa;

25.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fil-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment f'setturi ta' impjiegi tal-futur u dawk ekoloġiċi, u b'attenzjoni partikolari fuq l-impjieg taż-żgħażagħ; jenfasizza li dan l-investiment għandu jitqies bħala investiment importanti ferm fil-futur tal-Ewropa;

26.    Jitlob lill-Kummissjoni telabora rakkomandazzjonijiet dwar kemm huwa fattibbli li jiġi definit livell komuni ta' benefiċċju tal-qgħad fl-UE f’relazzjoni mal-pagi preċedenti tal-persuni qiegħda; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tivvaluta stabilizzaturi awtomatiċi fil-livell tal-UE li jassorbu skossi ekonomiċi speċifiċi għall-pajjiż ikkonċernat;

27.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti tal-Istati Membri.