MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
15.7.2014 - (2014/2717(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFD
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant u l-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fl-Ukraina tfakkar fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, u billi qed jitilfu ħajjithom ċivili u tfal innoċenti;
1. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ukraina u għall-poplu tagħha f'dawn iż-żminijiet diffiċli;
2. Jappoġġa bis-sħiħ l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex isaħħu l-għaqda nazzjonali u jiżguraw konċiljazzjoni fost il-gruppi differenti fis-soċjetà;
3. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-operazzjonijiet militari li għaddejjin fil-Lvant tal-Ukraina, u jħeġġeġ sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt permezz ta' ftehim negozjat;
4. Jappella lill-atturi kollha jagħmlu sforzi kostruttivi sabiex inaqqsu t-tensjonijiet u jistabbilizzaw is-sitwazzjoni, biex b'hekk jipprovdu lill-awtoritajiet tal-Ukraina bil-possibilità li jkollhom pożizzjoni b'saħħitha u jippermettulhom jikkonċentraw immedjatament fuq il-problemi ekonomiċi u soċjali;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt potenzjali u t-tifsira tas-sitwazzjoni ta' kriżi fl-Ukraina għas-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun kollu u għar-relazzjonijiet futuri ta' bejn l-UE u r-Russja;
6. Iqis li l-azzjonijiet tar-Russja jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE u l-Memorandum ta' Budapest dwar il-garanziji ta' sigurtà għall-Ukraina;
7. Itenni għal darb'oħra li huwa estremament importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom pożizzjoni magħquda meta jinnegozjaw mar-Russja;
8. Jilqa' bil-kbir l-impenn tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-UE biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Ukraina; iqis li hu importanti ħafna li jkun żgurat li dan l-appoġġ jintuża sabiex tiġi implimentata l-aġenda ta' riforma tal-Gvern tal-Ukraina, jissaħħu l-prinċipji tal-istat tad-dritt, jiġi żgurat l-ħarsien tal-fruntieri nazzjonali u l-attivitajiet tal-pulizija, u tiġi miġġielda l-korruzzjoni b'mod effettiv;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.