Proċedura : 2014/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0029/2014

Testi mressqa :

B8-0029/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 216k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0025/2014
15.7.2014
PE534.973v01-00
 
B8-0029/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2717(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Arnaud Danjean, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Lars Adaktusson, Ivo Belet, Jerzy Buzek, Anna Maria Corazza Bildt, Mariya Gabriel, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Gabrielius Landsbergis, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Francisco José Millán Mon, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Bogdan Andrzej Zdrojewski f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2717(RSP))  
B8‑0029/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-SL u b'mod partikolari d-destabilizzazzjoni tal-Ukraina tal-Lvant(1),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar l-Ukraina tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Ġunju, kif ukoll tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni bejn in-NATO u l-Ukraina tal-1 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fil-25 ta' Mejju 2014 Petro Poroshenko ġie elett bħala l-President tal-Ukraina; billi minkejja l-vjolenza fil-provinċji tal-Lvant, l-elezzjoni, inġenerali, ġiet ivvalutata b'mod pożittiv mir-rappreżentanti internazzjonali għall-monitoraġġ, li sabu li kienet – fil-maġġoranza vasta tal-pajjiż – konformi fil-biċċa l-kbira mal-impenji internazzjonali filwaqt li tirrispetta l-libertajiet fundamentali;

B.     billi l-President Petro Poroshenko ressaq pjan bi 15-il punt għal soluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina li jippreserva s-sovranità, l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Ukraina; billi, bħala l-ewwel pass, il-President Poroshenko ħabbar waqfien mill-ġlied unilaterali għall-perjodu bejn l-20 u t-30 ta' Ġunju u esprima r-rieda tiegħu li jħabbar it-tieni waqfien mill-ġlied abbażi ta' tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li l-waqfien mill-ġlied jiġi rispettat b'mod bilaterali, li l-ostaġġi kollha jinħelsu u li sanzjonijiet effettivi għall-kontroll tal-fruntiera jiġu mmonitorjati mill-OSKE;

C.     billi l-armata tal-Ukraina rrispettat il-waqfien mill-ġlied iżda l-merċenarji rrifjutaw li jieqfu jiġġieldu; billi n-nuqqas ta' rikkoxximent tal-waqfien mill-ġlied min-naħa tal-merċenarji wassal għal telf ta' ħajja fuq iż-żewġ naħat;

D.     billi l-President Poroshenko reġà ta bidu għall-operazzjoni kontra t-terroriżmu wara l-falliment tal-waqfien mill-ġlied unilaterali;

E.     billi l-armata tal-Ukraina reġà ħa kontroll ta' diversi bliet fil-Lvant tal-Ukraina, u ġiegħel lir-ribelli u lill-merċenarji jirtiraw lejn Donetsk; billi, madanakollu, il-vjolenza ma waqfitx;

F.     billi fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE ffirmat id-dispożizzjonijiet li kien fadal tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv;

G.     billi l-ministri barranin tal-Ġermanja, Franza, Russja u l-Ukraina ltaqgħu f'Berlin fit-2 ta' Lulju 2014 biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant tal-Ukraina;

H.     billi l-Kunsill tal-Federazzjoni rrevoka d-deċiżjoni tiegħu li jawtorizza l-użu tal-forzi Russi biex jintervjenu militarjament fl-Ukraina;

I.      billi l-President Poroshenko ddikkjara fl-14 ta' Lulju 2014 li uffiċjali tal-persunal militari Russi kienu qed jiġġieldu kontra l-forzi Ukraina flimkien ma' ribelli separatisti u li kienet ġiet stabbilita sistema Russa għall-gwida tal-missili biex tintuża kontra l-forzi armati tal-Ukraina;

1.      Jilqa' l-iffirmar tad-dispożizzjonijiet tal-AA li fadal, inkluż il-DCFTA, u jinsab konvint li dan se jservi ta' mutur għar-riforma politika u ekonomika, u se jwassal għall-modernizzazzjoni gaħt-tisħiħ tal-istat tad-dritt u li se jistimula t-tkabbir ekonomiku; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Ukraina li pproċediet bl-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim; jiddikjara li l-Parlament Ewropew se jlesti l-proċedura tiegħu għar-ratifika tal-Ftehim kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Istati Membri u lill-Ukraina jirratifikawh rapidament bil-ħsieb li jiġi implimentat bis-sħiħ sħiħa mill-aktar fis possibbli;

2.      Jilqa', ukoll, l-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja u l-Moldova; jitlob għar-ratifika rapida tagħhom u jilqa' l-fatt li l-Parlament tal-Moldova diġà għamel dan; jirrifjuta l-politika tar-Russja għal miżuri kummerċjali kontra l-pajjiżi li ffirmaw ftehim AA/DCFTA, inklużi l-azzjonijiet l-aktar riċenti li jipprojbixxu l-esportazzjoni taċ-ċanga mill-Moldova; jenfasizza l-fatt li dawn l-azzjonijiet jikkontradixxu r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, huma motivati politikament u għalhekk mhumiex aċċettabbli; jenfasizza l-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-imsieħba tal-Lvant bl-ebda mod m'huma diretti kontra r-Russja u ma jtellfux ir-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Russja u dawk l-imsieħba;

3.      Jilqa' l-fatt li Petro Poroshenko ġie elett fl-ewwel rawnd għall-ħatra ta' President tal-Ukraina; jinnota li r-riżultati tal-elezzjoni juru appoġġ b'saħħtu fost il-popolazzjoni għal perspettiva Ewropea u demokratika tal-pajjiż;

4.      Jappoġġa l-pjan ta' paċi bħala opportunità kbira għall-paċi u għal de-esklazazzjoni; jappoġġa l-azzjonijiet deċiżivi tal-President Poroshenko biex jiggarantixxi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jilqa' l-impenn tiegħu li jindirizza l-problema tal-korruzzjoni sistemika u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi; itenni li r-Russja hija involuta f' azzjoni u provvista militari; iħeġġeġ lir-Russja twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha, sabiex timpenja ruħha ġenwinament f'negozjati għal soluzzjoni paċifika u biex tuża l-influwenza reali tagħha biex twaqqaf kwalunkwe vjolenza;

5.      Itenni li l-komunità internazzjonali tappoġġa l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; itenni li l-awtoritajiet tal-Ukraina għandhom kull dritt li jużaw il-miżuri kollha neċessarji, inkluż id-dritt għal awtodifiża kif definit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; ifakkar li ma jirrikonoxxix, u qatt mhu se jirrikonoxxi, l-annessjoni illegali ta' Krimea; jenfasizza li, bħal kull pajjiż ieħor, l-Ukraina għandu kull dritt li jagħmel l-għażliet tiegħu fir-rigward tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika; huwa tal-fehma soda li għaldaqstant l-UE teħtieġ li tintensifika l-kooperazzjoni mal-Ukraina bil-għan li xxerred il-prosperità u żżid l-istabbiltà politika ta' dak il-pajjiż;

6.      Jikkundanna l-vjolenza li għaddejja u t-telf kuljum ta' ħajjiet fil-Lvant tal-Ukraina; jenfasizza li r-ribelli u l-merċenarji ma rrispettawx il-waqfien mill-ġlied unilaterali ddikkjarat mill-awtoritajiet tal-Ukraina, u li dan wassal għal aktar tixrid tad-demm;

7.      Jistieden lir-Russja tappoġġa l-pjan ta' paċi b'determinazzjoni ġenwina, biex tadotta miżuri għall-kontroll effettiv tal-fruntiera tagħha mal-Ukraina u biex twaqqaf l-inkursjoni kontinwa ta' rġiel armati, armi u tagħmir illegali, u biex tuża l-influwenza tagħha fuq ir-ribelli u l-merċenarji u ġġegħlhom jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, iċedu l-armi tagħhom u jirtiraw lura lejn ir-Russja minn fuq kuritur għall-irtirar, kif previst fil-pjan ta' paċi ta' Poroshenko, u biex jeħilsu l-ostaġġi kollha;

8.      Jiddeplora d-detenzjoni illegali fir-Russja tan-navigatur tal-forzi tal-ajru militari tal-Ukraina, Nadija Savchenko u jitlob il-ħelsien fil-pront tiegħu u r-rilaxx tal-ostaġġi kollha miżmuma fl-Ukraina jew fir-Russja;

9.      Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikollhom preżenza aktar qawwija u viżibilità akbar fil-mekkaniżmi ta' djalogu stabbiliti bl-għan li tissolva l-kriżi, inkluż il-Grupp ta' Kuntatt; jilqa' l-estensjoni tas-sanzjonijiet attwali għal 11-il persuna oħra, ħafna minnhom uffiċjali tal-hekk imsejħa awtoritajiet separatisti; jilqa' l-ħidma preparatorja mwettqa mill-Kunsill, mill-SEAE u mill-Istati Membri bil-ħsieb li sanzjonijiet jiġu estiżi għar-Russja, li għandhom jinkludu s-settur ekonomiku, finanzjarju u tal-enerġija, u embargo tal-armi u tat-teknoloġija ta' użu doppju;

10.    Jiltob it-tħabbir mill-Kunsill ta' skadenza ġdida għar-Russja biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali, u tapplika sanzjonijiet 'stadju tlieta' jekk is-sitwazzjoni tesiġi dan;

11.    Itenni l-ħtieġa li l-UE titkellem mar-Russja b'vuċi waħda, inkluż dwar kwestjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed juru nuqqas ta' unità f'dan ir-rigward u nuqqas ta' solidarjetà tal-UE;

12.    Jappoġġa waqfien mill-ġlied imġedded u bbażat fuq qbil reċiproku biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà, tinkiseb de-eskalazzjoni ġenwina u biex l-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko tingħata spinta, li jiddependi fuq ir-rispett bilateral tal-waqfien mill-ġlied, fuq ir-rilaxx tal-ostaġġi u l-monitoraġġ effettiv tal-fruntiera min-naħa tal-OSKE; jilqa' l-aħħar suċċessi tal-forzi tal-Ukraina fil-Lvant tal-pajjiż u l-fatt li huma reġgħu ħadu f'idejhom il-kontroll ta' diversi bliet kbar;

13.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina jkomplu bl-isforzi tagħhom għal riforma, inklużi r-riformi kostituzzjonali u għal deċentralizzazzjoni, ir-riforma tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-isforzi biex tittejjeb l-ambjent tan-negozju u d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali; jilqa' l-għoti riċenti ta' għajnuna finanzjarja skont il-Kuntratt għall-Bini tal-Istat u l-Programm ta' Assistenza Makrofinanzjarja; ifakkar li l-għajnuna finanzjarja internazzjonali tista' tilħaq riżultati tanġibbli għall-Ukraina biss jekk tkun soġġetta għal kundizzjonijiet infurzati strettament u għall-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma tal-Gvern tal-pajjiż;

14.    Jilqa' l-adozzjoni tad-dritt dwar l-akkwist pubbliku u jitlob l-implimentazzjoni diliġenti tiegħu; jistenna l-istabbiliment fil-pront ta' aġenzija politikament independenti kontra l-korruzzjoni b'setgħat biex tinvestiga kwalunkwe kondotta korrotta;

15.    Ifakkar l-appoġġ tiegħu għar-rieda tal-President Poroshenko li jorganizza elezzjonijiet parlamentari bikrija.

16.    Jesprimi tħassib serju dwar l-aggravament tas-sitwazzjoni umanitarja tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-Lvant u fil-Krimea, ikkaġunata minn ribelli u merċenarji instigati mir-Russja, b'mod partikolari fir-rigward ta' tortura, qtil, għajbien ta' ġurnalisti u attivisti, u ż-żamma ta' ostaġġi, inklużi każijiet ta' ħtif tat-tfal; jitlob protezzjoni aħjar tal-persuni ċivili u biex l-awtoritajiet tal-Ukraina jgħatu l-għajnuna umanitarja fir-reġjuni konċernati;

17.    Jilqa' l-projbizzjoni ta' oġġetti li joriġinaw minn Krimea jew Sevastopol, inkluż il-finanzjament jew l-għajnuna finanzjarja, l-assigurazzjoni u l-assigurazzjoni mill-ġdid, relatati mal-importazzjoni ta' tali oġġetti; jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jikkunsidraw miżuri simili f’konformità mar-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

18.    Ifakkar li r-Russja qatgħet il-provvista tal-gass lill-Ukraina u issa qed titlob ħlas minn qabel għal kwalunkwe provvista futura; jesprimi t-tama tiegħu li t-taħditiet trilaterali dwar l-enerġija taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ewropea se jwasslu għal riżultat pożittiv, li jippermetti lill-Ukraina jħallsu prezz kompetittiv għax-xiri tal-gass tagħha, li mhuwiex motivat politikament;

19.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw provvista suffiċjenti tal-gass permezz ta' fluss tal-gass minn stati ġirien fl-UE; jilqa', għal dan il-għan, il-memorandum ta' ftehim dwar flussi lura bejn ir-Repubblika Slovakka u l-Ukraina, li għandu jinkoraġġixxi lill-Ukrajna tistabbilixxi sistema trasparenti u affidabbli għat-trasportazzjoni tal-gass; f'dan ir-rigward, ifakkar fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina bdiet tippresjedi fl-2014; jilqa' l-fatt li l-kooperazzjoni mal-Ukraina tifforma parti integrali tal-Istrateġija tal-Kummissjoni tas-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea ppreżentata f'Ġunju-2014;

20.    Jilqa' l-fatt li l-Ukraina reċentement imxiet għat-tieni fażi tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża, u b'hekk ikkonfermat mill-ġdid id-determinazzjoni tagħha li tistabbilixxu l-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali meħtieġ; ifakkar li l-għan aħħari għandu jkun l-introduzzjoni rapida ta' reġim mingħajr viża; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri ta' għoti ta' viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

21.    Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi stabbilita missjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni lejn l-Ukraina; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jħaffu l-mobilizzazzjoni tagħha; jinsab konvint li din il-missjoni teħtieġ li jkollha mandat ambizzjuż biex tappoġġa lill-Ukraini b'mod effettiv fl-isforzi profondi meħtieġa biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tiġi stabilizzata;

22.    Jilqa' l-ħolqien mill-Kummissjoni tal-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina, li se jipprovdi lill-awtoritajiet Ukraini bl-għajnuna kollha meħtieġa biex iwettqu riformi politiċi u ekonomiċi;

23.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

P7_TA(2014)0457.

Avviż legali - Politika tal-privatezza