Proċedura : 2014/2713(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0030/2014

Testi mressqa :

B8-0030/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 62k
15.7.2014
PE534.974v01-00
 
B8-0030/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-impjieg taż-żgħażagħ (2014/2713(RSP))


Laura Agea, Tiziana Beghin, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impjieg taż-żgħażagħ  (2014/2713(RSP))  
B8‑0030/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) – Azzjoni Ewropea kontra l-qgħad taż-żgħażagħ(1),

–       wara li kkunsidra l-memo tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2014 bit-titolu "Youth employment: overview of EU measures" (Il-qgħad fost iż-żgħażagħ: ħarsa ġenerali lejn il-miżuri tal-UE) (Kummissjoni Ewropea – MEMO/14/338, 08/05/2014),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(2),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (COM(2012)0727),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2012)0729),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi ż-żgħażagħ ikunu partikolarment żvantaġġati matul kriżi ekonomika, aktar minn gruppi oħra; billi għal ħafna żgħażagħ il-qgħad attwali huwa mistenni li jsir qgħad fuq żmien fit-tul, li jwassal għar-riskju ta' esklużjoni soċjali;

B.     billi fil-preżent 22.8 % taż-żgħażagħ fl-UE jinsabu bla impjieg, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ qabeż il-50 % f'xi Stati Membri, fosthom il-Greċja u Spanja;

C.     billi l-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma allarmanti: fl-UE-28 kważi 5.4 miljun żagħżugħ u żagħżugħa taħt il-25 sena huma qiegħda; billi r-rata medja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija aktar mid-doppju tar-rata għall-adulti fil-maġġoranza tal-Istati Membri (f'Marzu 2014 ir-rata globali tal-qgħad fit-28 Stat Membru tal-UE kienet ta' 10.5 %);

D.     billi minkejja tnaqqis modest fir-rata tal-qgħad fl-2015, meta mqabbel mas-sena li għaddiet, xorta se jkun għad hemm differenzi kbar minn pajjiż għal ieħor;

E.     billi l-mira tal-UE li, fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Lisbona, ittejjeb il-livelli tal-edukazzjoni, tnaqqas ir-rata tal-persuni li jħallu l-edukazzjoni kmieni għal inqas minn 10 % sal-2020 u żżid ir-rata ta' persuni li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti għal mill-inqas 40 % diġà jidher li mhix se tintlaħaq;

F.     billi fl-2011 l-ispiża tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet tammonta għal 1.2 % tal-PDG tal-UE, b'livelli massimi ta' aktar minn 2 % tal-PDG, b'mod partikolari fil-Bulgarija, f'Ċipru, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fl-Italja, fil-Latvja u fil-Polonja;

G.     billi 7.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-età ta' bejn 15 u 24 sena jinsabu bla impjieg jew qegħdin barra mis-sistema skolastika jew vokazzjonali (NEET); billi dawn iċ-ċifri mhumiex qed jonqsu, u għaldaqstant qegħdin jipperikolaw il-ġenerazzjonijiet tal-futur;

1.      Jenfasizza l-impatt drammatiku tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata fil-livell nazzjonali u tal-UE;

2.      Jinsab konvint li l-miżuri ta' awsterità huma biss maskra li l-oligarkiji tal-bankiera u r-rappreżentanti ta' atturi oħra b'saħħithom jinħbew warajha biex ikabbru l-assi tagħhom għad-detriment tal-aktar gruppi dgħajfa, b'mod partikolari dawk fl-Istati Membri li għandhom livelli għoljin ħafna ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;

3.      Jinsab konvint li teżisti rabta ta' kawżalità bejn il-miżuri ta' awsterità u l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

4.      Jappella għal derogi temporanji speċifiċi mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir sabiex l-investimenti li jsostnu l-ħolqien tax-xogħol għaż-żgħażagħ jitneħħew mill-mira tad-defiċit ta' 3 %;

5.      Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ix-xogħol, b'mod speċjali fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, fejn għadd kbir ta' żgħażagħ qegħdin f'periklu ta' esklużjoni soċjali u b'ċans li jispiċċaw fil-mira ta' reklutaġġ minn entitajiet illeġittimi;

6.      Jinsab imħasseb profondament dwar l-idea ta' soċjetà li tabbanduna l-isforzi tagħha li tgħin lill-iżgħar rappreżentanti tagħha jsibu impjieg deċenti;

7.      Jenfasizza l-importanza li jitrawmu l-intrapriżi żgħar u medji, li huma l-entitajiet privati li jistgħu joffru impjieg realment deċenti lill-gradwati żgħażagħ;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma sħiħa tal-aġenda politika tal-Ewropa dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li s'issa ma rnexxietx;

9.      Itenni l-importanza li l-interventi differenti fil-pajjiżi Ewropej iqisu d-diversità tal-popolazzjoni Ewropea, u jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-interventi jkunu mmirati skont il-karatteristiċi u l-bżonnijiet ta' dawn iż-żgħażagħ;

10.    Jistieden lill-Istati Membri jaraw jekk l-eżempji tal-aħjar prattika minn Stati Membri oħrajn jistgħux jiġu applikati għas-swieq tax-xogħol tagħhom u jagħżlu dawk il-miżuri li huma adegwati fil-ġlieda tagħhom kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

11.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu f'idejha r-responsabbiltà li tħares l-ekonomija Ewropea billi tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu; jenfasizza l-importanza li jiġu inkoraġġati l-intrapriżi innovattivi ġodda, li jkunu jistgħu jħaddmu studenti żgħażagħ kompetenti;

12.    Jistieden lill-Istati Membri joħolqu forom ta' inċentivi fiskali għall-kumpaniji li jħaddmu ż-żgħażagħ jew li jibdlu kuntratti temporanji f'kuntratti permanenti mingħajr ma titnaqqas il-protezzjoni li tingħata;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

P7_TA(2013)0270.

(2)

ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 30.

Avviż legali - Politika tal-privatezza