Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0052/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0052/2014

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ

    15.7.2014 - (2014/2713(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius, Arne Gericke, Jana Žitňanská, Zdzisław Marek Krasnodębski, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

    Proċedura : 2014/2713(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0052/2014
    Testi mressqa :
    B8-0052/2014
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B8‑0052/2014

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ

    (2014/2713(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2013/2176(INI) tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014[1],

    –       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi ppubblikati fit-2 ta' Ġunju 2014;

    –       wara li kkunsidra r-rapport tat-task force dwar in-negozju tal-Gvern tar-Renju Unit (Ottubru 2013),

    –       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)0685,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.     billi l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa' prijorità għall-Istati Membri kollha;

    B.     billi l-Istati Membri għandhom ir-rwol primarju fit-tfassil ta' politiki dwar l-impjiegi, inklużi dawk dwar l-impjieg taż-żgħażagħ, u billi l-implimentazzjoni ta' miżuri bħal dawn tkun aktar effettiva meta ssir fil-livell nazzjonali;

    C.     billi l-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u jistgħu jinkludu problemi strutturali sottostanti fis-swieq tax-xogħol; billi s-sitwazzjoni u l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ mhumiex uniformi, u ċerti gruppi huma milquta b'mod sproporzjonat u jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi;

    D.     billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ jista' jkun marbut ukoll ma' diversi fatturi, minbarra s-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni, bħal pereżempju r-rwol tal-familja;

    E.     billi fil-preżent fl-UE l-SMEs u l-mikrointrapriżi jipprovdu 90 miljun impjieg fis-settur privat;

    F.     billi 20.7 miljun SME jirrappreżentaw aktar minn 67 % tal-impjiegi fis-settur privat fl-UE, bi 30 % attribwibbli għall-mikrointrapriżi;

    G.     billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi għandhom potenzjal enormi fejn jidħol il-ħolqien tax-xogħol, meta wieħed iqis li huma responsabbli għal 85 % tal-impjiegi ġodda kollha li jinħolqu;

    1.      Jikkondividi t-tħassib dwar il-bżonn li ż-żgħażagħ li jeħtieġu l-għajnuna, iż-żgħażagħ b'diżabilità u ż-żgħażagħ soċjalment żvantaġġati ma jiġux esklużi mis-sistemi tas-suq tax-xogħol, tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ;

    2.      Jemmen li l-imprendituri żgħażagħ u l-SMEs orjentati lejn it-tkabbir huma neċessarji sabiex jingħata lok għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;

    3.      Jemmen bis-sħiħ li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), m'għandhomx jintużaw biex jissussidjaw approċċi nazzjonali iżda biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għaż-żgħażagħ b'mod li jikkumplimentaw u jsaħħu l-programmi nazzjonali skont kif jiddeċiedu l-Istati Membri;

    4.      Jinnota l-objettiv globali tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fir-rigward tal-valur potenzjali tagħha li tiffoka l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni, u li tiffaċilita l-iskambji ta' informazzjoni għal dawk l-Istati Membri li jkollhom bżonn;

    5.      Jiddeplora, madankollu, l-introduzzjoni ta' mudell speċifiku fil-livell tal-UE li jipprevedi garanzija li ż-żgħażagħ jirċievu offerta fi żmien erba' xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew jitilqu mill-iskola, peress li din la hi realistika u lanqas prattika;

    6.      Jilqa' skemi bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ li għandhom l-għan li jgħinu lil imprendituri ġodda jiksbu l-ħiliet rilevanti għall-ġestjoni ta' negozju, u jemmen li programmi bħal dawn għandhom jiġu promossi ulterjorment sabiex aktar imprendituri żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi;

    7.      Jemmen li l-programmi tal-UE għandhom jippermettu flessibilità xierqa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw appoġġ individwalizzat skont il-ħtiġijiet lokali, biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw fl-oqsma fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa l-ogħla u fejn huma l-aktar bżonnjużi, mingħajr kompromessi fuq l-awditjar u l-kontroll;

    8.      Jemmen li n-negozji jkunu jistgħu joħolqu aktar impjiegi u jħaddmu aktar nies jekk l-ambjent ekonomiku jinkoraġġixxi t-tkabbir, jekk ikunu jistgħu jserrħu fuq ħaddiema kwalifikati, jekk is-swieq tax-xogħol ikunu flessibbli biżżejjed, jekk l-ispejjeż tax-xogħol, inklużi l-pagi, ikunu f'konformità mal-produttività, jekk is-sistemi ta' protezzjoni soċjali jagħmlu x-xogħol aktar attraenti u jekk ir-regolamentazzjoni tkun proporzjonata u bbażata fuq l-evidenza;

    9.      Jemmen li suq tax-xogħol flessibbli jkun ta' għajnuna biex jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex dawn jiksbu esperjenza biex jiżviluppaw ulterjorment il-karrieri tagħhom, u li l-prattiċi tax-xogħol inġusti jeħtieġ jiġu miġġielda;

    10.    Jemmen li l-UE qed tiffaċċja nuqqas serju ta' ħiliet u nuqqas ta' tlaqqigħ li qed ifixklu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol;

    11.    Jinnota t-tendenza lejn impjiegi li jesiġu aktar ħiliet, hekk kif kważi 90 % tal-impjiegi li huma mistennija li jinħolqu jew li jsiru vakanti sal-2020 jirrikjedu kwalifiki ta' livell medju jew avvanzat;

    12.    Jinnota bi tħassib li s-sistemi Ewropej edukattivi u tat-taħriġ mhumiex adattati għall-ħiliet li jeħtieġu n-negozji u li, fl-2015, in-nuqqas ta' persunal kwalifikat fl-ICT fl-UE huwa stmat li se jiżdied għal bejn 384 000 u 700 000; il-provvista ta' ħiliet fix-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) mhijiex se tissodisfa d-domanda dejjem akbar tan-negozji fis-snin li ġejjin;

    13.    Jenfasizza t-tendenza reċenti li l-kumpaniji jreġġgħu lura l-produzzjoni u s-servizzi lejn l-Ewropa u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu għall-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċeleraw din it-tendenza li l-impjiegi jiġu rilokalizzati;

    14.    Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ ikunu aktar reattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiżguraw rabtiet qawwijin bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom l-informazzjoni, il-pariri u l-gwida korretti sabiex jieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar il-karriera tagħhom, u billi jrawmu tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-apprendistati;

    15.    Jemmen li hemm bżonn jitjiebu l-ħiliet tat-tmexxija, tal-ġestjoni u tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ biex negozji ġodda u dawk li għadhom jibdew jieħdu vantaġġ mis-swieq il-ġodda, u biex jilħqu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom sabiex iż-żgħażagħ ikunu impjegaturi u mhux impjegati biss;

    16.    Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi taż-żgħażagħ b'diżabilità billi jagħtihom l-għodda u s-servizzi ta' appoġġ xierqa, sabiex jinħoloq ambjent ta' ugwaljanza u tiżdied b'mod attiv l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ;

    17.    Jirrikonoxxi r-rwol tal-familja bħala sistema ta' appoġġ effettiva għaż-żgħażagħ li jħabbtu wiċċhom mal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

    18.    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi stimulata l-intraprenditorija, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-gradwati, billi jiġu promossi l-perjodi ta' prattika u t-tiroċinji f'negozji żgħar u mikrointrapriżi biex iż-żgħażagħ jiksbu esperjenza fid-dinja tan-negozju u jiżdied l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet u l-kapaċità biex jibdew negozju huma stess;

    19.    Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Kummissjoni, jikkunsidraw li jiddedikaw appoġġ, inkluża l-possibilità li jitwaqqfu "one-stop shops", biex in-negozji jingħataw l-għajnuna ħalli jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li toffri r-rilokalizzazzjoni;

    20.    Jinnota li s-self bankarju għadu l-aktar sors komuni ta' finanzjament fl-Ewropa; jemmen, madankollu, li hemm benefiċċji reali fil-forom ġodda ta' finanzjament permezz ta' skemi innovattivi u rotot mhux bankarji, bħas-self bejn il-pari, il-mikroself u għodod oħra, li jistgħu jipprovdu investiment vitali għall-impriżi li għadhom jibdew, biex dawn jikbru u joħolqu l-impjiegi;

    21.    Jinnota li jeħtieġ ikun hemm varjetà ta' toroq li ż-żgħażagħ jistgħu jieħdu, u li d-definizzjonijiet ta' dawn il-perkorsi (perjodi ta' prattika, traineeships) jvarjaw minn pajjzi għal ieħor fl-Ewropa; jemmen bis-sħiħ li l-applikazzjoni ta' definizzjoni waħda valida għall-Istati Membri kollha toħloq aktar konfużjoni;

    22.    Jisħaq fuq l-importanza li wieħed jirrikonoxxi u jirrispetta s-sistemi soċjali u ekonomiċi differenti li jeżistu fl-Istati Membri;

    23.    Jagħraf il-potenzjal u l-valur miżjud tal-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajba fil-livell Ewropew, kif faċilitat mill-Kummissjoni Ewropea;

    24.    Jirrakkomanda li kull evalwazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea fil-futur dwar l-iskemi rilevanti tal-FSE fil-qasam tal-impjieg taż-żgħażagħ tħares lil hinn mill-ispiża u l-għadd ta' parteċipanti u tqis l-impatt fuq is-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ f'termini reali fuq perjodu twil ta' żmien, u bħala prijorità tara kif u għaliex l-azzjonijiet ikunu suċċess;

    25.    Jenfasizza l-ħtieġa li f'evalwazzjoni ta' dan it-tip jitqiesu fatturi oħrajn li jaffettwaw l-impjieg fost iż-żgħażagħ, inklużi l-kundizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol;

    26.    Jappella biex isiru sforzi sabiex il-proċess burokratiku ma jgħabbix lill-Istati Membri b'piżijiet tqal iżżejjed li f'ħafna każijiet jistgħu jċaqalqu l-attenzjoni minn approċċ orjentat lejn ir-riżultati għal approċċ orjentat biss lejn ir-riżorsi utilizzati;

    27.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.