Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0054/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0054/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

15.7.2014 - (2014/2717(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Heidi Hautala, Benedek Jávor, Bas Eickhout, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0025/2014

Proċedura : 2014/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0054/2014
Testi mressqa :
B8-0054/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0054/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(2014/2717(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1], tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2], u tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina[3],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina tat-3 ta' Marzu 2014 u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu 2014, l-14 ta' April 2014, it-12 ta' Mejju 2014 u t-23 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina fil-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-20 ta' Marzu 2014 u tas-27 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet dwar l-elezzjoni presidenzjali bikrija fl-Ukraina tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR tal-25 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-avvenimenti li seħħew minn April 2014, gruppi separatisti favur ir-Russja bdew jokkupaw l-bini tal-amministrazzjoni pubblika reġjonali u bini pubbliku ieħor u organizzaw dimostrazzjonijiet vjolenti fix-Xlokk tal-Ukraina; billi fil-ġranet li segwew milizzji armati sew u mhux identifikati, wettqu sensiela ta' rejds ikkoordinati u ħatfu b'mod militari bliet u bliet kbar fil-Lvant tal-Ukraina fir-rigward, b'mod partikolari, tar-reġjuni ta' Luhansk u Donetsk;

B.     billi milizzji favur ir-Russja pproklamaw "Repubbliki Popolari" f'dawn ir-reġjuni u aktar tard għamlu referendi b'appoġġ għal dawn ir-"Repubbliki Sovrani"; billi l-isforzi kollha mill-awtoritajiet ta' Kiev biex jibdew djalogu ġenwin bl-għan li jitrattaw il-problemi taż-żona, u b'mod partikolari d-deċentralizzazzjoni amministrattiva u r-riformi kostituzzjonali rilevanti, ġew rifjutati mill-persuni li ħadu l-poter;

C.     billi r-ribelli kienu qegħdin jużaw ukoll tankijiet, vetturi blindati, munizzjoni u armi Russi, fosthom apparat modern li jispara rokits multipli, li ddaħħal bil-kutrabandu mill-fruntiera u l-punti ta' kontroll; billi xi ġellieda mexxejja tal-milizzji separatisti huma ċittadini Russi marbuta mal-intelligence jew is-servizzi tas-sigurtà tar-Russja u oħrajn huma miċ-Ċeċenija, il-Krimea u s-Serbja; billi matul il-kriżi l-Federazzjoni Russa ġabret truppi u tagħmir militari fil-fruntiera mal-Ukraina;

D.     billi fil-25 ta' Mejju 2014 fl-Ukraina saru elezzjonijiet presidenzjali bikrija taħt is-sorveljanza ta' missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali robusta tal-OSKE/ODIHR; billi minkejja sforzi esterni u interni biex jitwaqqaf il-proċess, l-elezzjonijiet ġew kumplessiment ivvalutati b'mod pożittiv mill-osservaturi internazzjonali; billi f'Donbas ftit ċittadini biss setgħu jieħdu sehem minħabba theddid kbir ħafna u vjolenza mis-separatisti;

E.     billi fid-diskors tiegħu ta' inawgurazzjoni tas-7 ta' Ġunju 2014, il-President il-ġdid elett, Petro Poroshenko, ippreżenta pjan ta' paċi ta' 15-il punt għas-soluzzjoni tas-sitwazzjoni fir-reġjuni tal-Lvant abbażi tar-rilaxx mir-responsabilità kriminali ta' dawk li ċedew u ma wettqux reati gravi, l-istabbilment ta' kurituri kkontrollati għall-irtirar ta' merċenarji Russi, u t-tnedija ta' djalogu inklużiv ma' ċittadini paċifiċi;

F.     billi l-President Poroshenko ddikjara waqfien mill-ġlied li ġie estiż b'mod unilaterali sat-30 ta' Ġunju sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi; billi dan il-waqfien mill-ġlied inkiser kontinwament, l-aktar mis-separatisti;

G.     billi skont valutazzjoni rapida mill-UNICEF, sa 50 % tat-tfal fir-reġjun ta' Donetsk huma xhieda ta' vjolenza u qed ibatu minn problemi psikosoċjali serji; billi l-awtoritajiet pubbliċi, speċjalment is-sistema tal-pulizija u dik legali, ma jistgħux jiggarantixxu l-istat tad-dritt jew sigurtà pubblika minima; billi hemm tnaqqis serju fis-servizzi f'ħafna żoni ta' oblasts ta' Donetsk u Luhansk, fejn kien hemm impatt fuq il-provvista tal-ilma, tnaqqsu l-pagamenti soċjali u tħarbtu s-servizzi soċjali; billi aktar minn 100 000 persuna ġiet evakwata minn żoni ta' kunflitt lejn partijiet oħra tal-pajjiż u lejn ir-Russja;

H.     billi fit-2 ta' Lulju 2014 il-Ministri Barranin tal-Ġermanja, Franza, ir-Russja u l-Ukraina ltaqgħu f'Berlin u qablu dwar sett ta' miżuri bl-għan li jwasslu għal tregwa sostenibbli reċiproka fil-Lvant tal-Ukraina;

I.      billi wara l-iffirmar fil-21 ta' Marzu 2014 tad-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) fis-27 ta' Ġunju 2014, l-UE u l-Ukraina ffirmaw b'mod uffiċjali l-parti li kien għad fadal ta' dan il-Ftehim, li tinkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA);

J.      billi fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni li l-Ukraina ssodisfat il-punti ta' riferiment skont l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viża u għaddiet għat-tieni fażi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

K.     billi fil-25 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Federazzjoni Russa approva deċiżjoni mill-President Putin biex jirrinunzja d-dritt tiegħu li jibgħat forzi armati Russi fit-territorju tal-Ukraina;

L.     billi fid-dawl tan-nuqqas ta' passi konkreti biex itaffu t-tensjoni, l-UE estendiet is-sanzjonijiet tagħha b'rabta mas-sitwazzjoni fl-Ukraina, billi estendiet il-kriterji li jippermettu l-impożizzjoni tal-projbizzjonijiet tal-viża u l-iffriżar tal-assi u żiedet aktar persuni u żewġ entitajiet ma' dawn il-miżuri; billi dawn is-sanzjonijiet limitati u mmirati diġà urew li kellhom impatt;

M.    billi ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar it-tilwima li ilha għaddejja bejn l-Ukraina u r-Russja dwar il-provvista tal-gass;

N.     billi hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha bil-għan li s-sitwazzjoni tiġi kkalmata u l-kriżi ma titħalliex tkompli tikber bla kontroll; billi l-UE jeħtiġilha twieġeb b’mod effikaċi biex tħalli lill-Ukraina u lil pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant jeżerċitaw u jgawdu bis-sħiħ is-sovranità tagħhom, ħielsa minn pressjoni esterna;

1.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward il-kunflitt kontinwu li qed jeqred in-naħa tal-Lvant tal-Ukraina, u qed jikkawża t-telf ta' mijiet ta' ħajjiet umani u l-qerda ta' djar u proprjetajiet u l-ħarba ta' ħafna eluf ta' persuni ċivili minn żoni ta' kunflitt lejn postijiet tal-kenn;

2.      Jirrikonoxxi d-dritt leġittimu tal-Ukraina għall-awtodifiża kif definit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jemmen, madankollu, li soluzzjoni politika ġenwina għall-kriżi biss tista' twitti t-triq għal rikonċiljazzjoni sħiħa bejn il-partijiet u ssaħħaħ l-unità tal-pajjiż; iħeġġeġ lis-servizzi tas-sigurtà tal-Ukraina biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali (IHL) u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem (IHRL) meta jwettqu operazzjonijiet hekk imsejħa kontra t-terroriżmu; jissottolinja l-ħtieġa li l-popolazzjoni ċivili tiġi protetta;

3.      Jenfasizza l-implikazzjonijiet, l-impatt u l-konsegwenzi ta' din il-kriżi għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun kollu u għall-preżent u l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; iħeġġeġ lir-Russja biex iżżomm lura minn kull interpretazzjoni unilaterali ta' fatti u avvenimenti fuq il-post immirati biex iwittu t-triq għal intervent dirett tal-forzi Russi fil-kunflitt;

4.      F'dan ir-rigward, jappoġġa l-pjan ta' paċi mressaq mill-President Poroshenko, u jitlob li ssir laqgħa ġdida tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali dwar is-soluzzjoni fix-Xlokk tal-Ukraina, bl-għan li jiġi introdott waqfien mill-ġlied immedjat taħt il-monitoraġġ tal-OSKE u li jiġu pprovduti gwardji tal-fruntiera tal-Ukraina u persunal tal-OSKE b'aċċess għall-punti ta' kontroll tal-fruntiera fuq in-naħa tar-Russja sabiex jissorveljaw is-sitwazzjoni fiż-żoni fejn il-punti ta' kontroll tal-fruntiera nħatfu mill-gruppi separatisti;

5.      Jistieden lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-ġlied kollu, bl-għan li jtaffu l-kriżi, jipprovdu għajnuna umanitarja u kurituri siguri lir-refuġjati u l-persuni spostati, joħolqu l-kundizzjonijiet għal djalogu ġenwin, u jsibu soluzzjoni vijabbli li tistabbilizza s-sitwazzjoni; barra minn hekk, jistieden lir-ribelli biex jirilaxxaw minnufih l-ostaġġi kollha;

6.      Jemmen bil-qawwa li l-OSKE għandu jkollha rwol operattiv maġġuri fis-soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina, minħabba l-esperjenza tagħha fl-itrattar ta' kunflitt armat u kriżi u l-fatt li kemm ir-Russja kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u l-Kummissjoni Ewropea biex ikomplu jsaħħu r-rwol tal-OSKE fil-kunflitt tal-Ukraina; jitlob li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE (SMM) jkollha aktar riżorsi u persunal sabiex ikollha preżenza aktar qawwija tal-OSKE mal-fruntiera tar-Russja u fil-postijiet kollha fejn kien hemm jew għad hemm il-ġlied; iħeġġeġ lill-OSKE biex tippubblika kemm jista' jkun informazzjoni dwar l-inċidenti kollha vjolenti u rilevanti sabiex tnaqqas l-influwenza ta' informazzjoni ħażina u kampanji ta' propaganda; barra minn hekk, jistieden lill-OSKE biex tiffokka fuq dawk il-persuni kollha li sparixxew matul l-aħħar ġimgħat u tiżgura li jiġu rilaxxati;

7.      Jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rapport riċenti tal-Amnesty International u jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għal ħtif, swat salvaġġ, tortura, qtil, qtil extraġudizzjarju u abbuż serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju kontra attivisti, dawk li jipprotestaw, ġurnalisti u ħafna ċittadini oħra li mhumiex attivi fil-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina li ġraw f'dawn l-aħħar tliet xhur, li ġew ikkawżati prinċipalment minn separatisti armati u f'ċerti każijiet ukoll mill-forzi tal-gvern; jappoġġa t-talba lill-gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru aġġornat tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtat, u l-investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' użu abbużiv ta' forza, trattament ħażin jew tortura;

8.      Jistieden lill-Moska biex immedjatament tnaqqas u tirtira t-truppi tagħha mill-fruntiera tagħha mal-Ukraina, u biex twaqqaf kull azzjoni, infiltrazzjoni, provvista ta' armi jew sostenn moħbi tar-ribelli li qed jiġġieldu fil-Lvant tal-Ukraina, bħala l-ewwel passi konkreti tant mistennija sabiex jagħtu prova li r-Russja għandha intenzjonijiet serji biex ittaffi din il-kriżi;

9.      Jenfasizza li sa mill-annessjoni tal-Krimea, ir-Russja ilha tikser l-obbligi legali tagħha bħala firmatarja tal-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997, fejn il-partijiet qablu li jżommu lura mit-theddid jew użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-Ukraina;

10.    Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li Franza qed tkompli tħejji l-esportazzjoni ta' żewġ trasportaturi tal-ħelikopters Mistral lejn ir-Russja u bdiet it-taħriġ ta' 400 marin Russu fil-port ta' St Nazaire; ifakkar li din l-esportazzjoni partikolari se ssaħħaħ konsiderevolment u b'mod strateġiku l-forza navali Russa u tippermetti azzjonijiet offensivi rapidi ħafna f'żoni bħal Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed; ifakkar ukoll li din l-esportazzjoni qed tikkontribwixxi għat-tellieqa għall-armi fir-reġjun; jinsab konvint ħafna li din l-esportazzjoni hija theddida diretta u qawwija għas-sigurtà Ewropea u tirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni 944/2008 dwar l-esportazzjoni tal-armi, partikolarment ta' dawk il-kriterji li jipprojbixxu esportazzjoni lejn pajjiż jew reġjun fejn hemm it-tensjonijiet u n-nuqqas ta' rispett tad-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali bħall-Memorandum ta' Budapest tal-1994, kif ukoll dwar is-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE li qegħdin mal-fruntiera; jistieden lill-Istati Membri tal-UE kollha biex jadottaw minnufih embargo fuq l-armi li jinkludi wkoll teknoloġija ta' sorveljanza;

11.    Jinsab imħasseb dwar id-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Anders Fogh Rasmussen, dwar il-ħtieġa biex jiżdiedu b'mod sinifikanti l-livelli ta' nfiq għad-difiża fil-pajjiżi tan-NATO minħabba r-rwol li r-Russja għandha fil-kriżi tal-Ukraina; jinsab ugwalment imħasseb dwar it-tħabbir li sar mill-President tal-Istati Uniti rigward l-investiment ta' madwar biljun dollaru fl-armi fil-Lvant tal-Ewropa; ifakkar li kemm l-esportazzjoni tal-Mistral Franċiż u l-investimenti tal-Istati Uniti fil-Lvant tal-Ewropa mhumiex biss parti minn logħba perikoluża u irresponsabbli fejn dak li jintrebaħ minn naħa jintilef mill-oħra iżda wkoll sinjali ċari li qed issir tellieqa għall-armi. jemmen li l-passi lejn militarizzazzjoni addizzjonali kif ippjanata minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Franċiżi, Amerikani u tan-NATO se jimminaw u jdgħajfu approċċ ċivili qawwi mill-Unjoni Ewropea abbażi ta' sanzjonijiet u negozjati; barra minn hekk jenfasizza li l-esportazzjonijiet tal-armi li għaddejjin jmorru sfaċċatament kontra l-pożizzjonijiet komuni u s-sanzjonijiet ekonomiċi rilevanti;

12.    Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jadotta strateġija aktar koerenti u stretta lejn il-kriżi tal-Ukraina u speċjalment lejn l-imġiba tal-gvern Russu; jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tintroduċi sanzjonijiet immirati, inklużi restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, kontra persuni responsabbli għal azzjonijiet ta' intolleranza u mibgħeda, inklużi sejħiet għall-gwerra, jew għal azzjonijiet li jistgħu jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, iżda jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ma jirrikorrix għat-tielet fażi ta' sanzjonijiet, minkejja l-eskalazzjoni tal-kriżi; iħeġġeġ il-finalizzazzjoni tat-tielet fażi ta' sanzjonijiet inklużi embargo fuq l-armi;

13.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu miftuħ, trasparenti u inklużiv; jistedinhom, f'dan ir-rigward u fid-dawl tal-kunflitt li għaddej bħalissa, biex ma jdewmux ir-riformi neċessarji u mistennija fil-livelli kostituzzjonali, politiċi u ekonomiċi; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li riforma kostituzzjonali fl-Ukraina għandha tkun it-tema ta' diskussjoni wiesgħa u profonda li tinvolvi lill-elementi kollha tas-soċjetà Ukraina, u li eventwalment għandha twassal għal referendum;

14.    Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet parlamentari bikrija f'konformità mal-impenji demokratiċi internazzjonali, minkejja l-ostilitajiet li hemm fin-naħa tal-Lvant tal-pajjiż; jenfasizza l-valutazzjoni pożittiva ġenerali tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR, li nnutat titjib b'paragun mal-konsultazzjonijiet preċedenti, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha li għad fadal imsemmija fis-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari;

15.    Jappoġġa l-intenzjoni tal-President Poroshenko biex isiru l-elezzjonijiet parlamentari bikrija fil-ħarifa;

16.    Jenfasizza li l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina fis-27 ta' Ġunju 2014 huwa pass importanti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet u l-inklużjoni tal-Ukraina fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropew; jistenna b'interess l-adozzjoni ta' "pjan direzzjonali" għall-implimentazzjoni tal-ftehim, u jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-assistenza teknika u finanzjarja sabiex tiżgura implimentazzjoni b'suċċess; itenni l-opinjoni tiegħu f'dan ir-rigward li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni, dment li taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt; jenfasizza li AA jew DCFTA mal-Unjoni Ewropea mhijiex marbuta mal-integrazzjoni tan-NATO;

17.    Jilqa' l-ewwel Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-Ukraina li saret fi Brussell fit-8 ta' Lulju 2014 bil-parteċipazzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, l-Ukraina, pajjiżi donaturi oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-soċjetà ċivili, maħsuba biex tikkoordina l-appoġġ internazzjonali għall-pajjiż; jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika u r-riforma fl-Ukraina, speċjalment fil-qafas tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukraina mal-UE, flimkien ma' pjan ta' emerġenza kredibbli għar-rikostruzzjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni affettwati mill-kunflitt u l-assistenza umanitarja għar-refuġjati u persuni spostati;

18.    Jieħu nota tal-ewwel laqgħa trilaterali li saret bejn l-UE, il-Federazzjoni Russa u l-Ukraina fil-11 ta' Lulju 2014, dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-effetti u l-implikazzjonijiet potenzjali rilevanti għar-Russja; jinsab konvint li l-UE m'għandhiex tħalli lir-Russja timmina, tuża veto jew iddgħajjef dan il-ftehim ta' assoċjazzjoni jew dawk mal-Ġeorġja jew il-Moldova; jenfasizza li l-UE u r-Russja żviluppaw relazzjonijiet ekonomiċi qawwija fil-passat, iżda wkoll li biss permezz tar-ritorn lejn id-dritt internazzjonali li r-Russja se toħloq il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni u relazzjonijiet tajbin futuri;

19.    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina biex jipproċedi b'sett ambizzjuż ta' riformi strutturali trasparenti u komprensivi li jagħtu prijorità lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, jeqirdu l-korruzzjoni permezz tal-adozzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni neċessarja, jistabbilixxu sistema ta' governanza bbilanċjata u li tiffunzjona abbażi tas-separazzjoni tal-poteri u f'konformità mal-istandards Ewropej, u li jintroduċu riforma sostanzjali tas-sistema ġudizzjarja u l-liġi elettorali, u jallinjaw il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mal-istandards tal-UE, fir-rigward b'mod partikolari tar-riforma li jmiss tal-kodiċi tax-xogħol; Iqis, barra minn hekk, li huwa ta' importanza kbira li jinbeda proċesss gradwali tad-deċentralizzazzjoni tas-setgħat ċentrali favur l-amministrazzjonijiet reġjonali u muniċipali, bla ma jimminaw il-bilanċ tas-setgħat interni u l-funzjonament effikaċi tal-istat; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummisjsoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina li sejjer jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-'Aġenda Ewropea għal Riforma';

20.    Jilqa' l-pjan tal-Kunsill li jniedi missjoni tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fil-kuntest tal-PSDK; jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma profonda tas-settur tal-pulizija u tal-ġustizzja u ta' tisħiħ tat-trasparenza, responsabilità, u l-kontroll demokratiku u parlamentari tal-pulizija;

21.    Jirrimarka li n-natura limitata ta' miżuri adottati mill-UE b'reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja hija dovuta wkoll għad-dipendenza qawwija tagħha fuq il-Federazzjoni Russa f'dak li jirrigwarda l-provvisti tal-enerġija; iqis li huwa ta' importanza kbira f'dan ir-rigward li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq Moska u reġimi awtoritarji oħra, u li titqies il-possibilità ta' bojkott sħiħ, filwaqt li jiġu stabbiliti alternattivi konkreti biex jgħinu dawk l-Istati Membri li bħalissa qed jiddependu fuq ir-Russja bħala fornitur uniku; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex taħdem għall-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u biex tappoġġa proġetti ta' effiċjenza, peress li dan ineħħi kapaċitajiet addizzjonali tal-pipelines bħal pereżempju s-South Stream, u wkoll biex tiddiversifika b'mod effettiv is-sorsi tal-enerġija billi jiġu żviluppati enerġiji rinovabbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jimpenjawx lill-kumpaniji pubbliċi privati fi proġetti ma' kumpaniji Russi li jżidu l-vulnerabilità Ewropea u li għandhom l-għan li jiżolaw lill-Ukraina, bħas-South Stream; f'dan ir-rigward jistieden ukoll lill-Kunsill Ewropew biex jadotta miri vinkolanti nazzjonali dwar l-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija għall-2030 li se jnaqqsu d-dipendenza Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mill-fossili;

22.    Jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern mill-Bulgarija li jwaqqaf ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta' South Stream; madankollu jinsab imħasseb ħafna dwar id-deċiżjoni riċenti tal-gvern tal-Awstrija biex ikompli jinvesti fil-proġett South Stream, kif ukoll id-deċiżjoni tal-gvern tal-Ungerija biex jiffirma ftehim dwar l-enerġija nukleari mar-Russja; huwa konvint li ż-żjara riċenti tal-President Putin fi Vjenna u l-iffirmar ta' kuntratt relatat ma' South Stream bejn OMV u Gazprom jirrappreżentaw ostaklu kbir fir-rigward tal-għan li jinħoloq approċċ Ewropew konsistenti għall-kriżi fl-Ukraina, u notevolment, politika ta’ sigurtà tal-enerġija Ewropea;

23.    Jilqa' l-miżuri inizjali adottati mill-Kummissjoni biex l-Ukraina tkun tista' tindirizza l-kriżi tal-enerġija wara d-deċiżjoni tar-Russja li taqta' l-provvisti tal-gass lil dan il-pajjiż, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummisjsoni biex ikomplu jassistu u jappoġġaw lil Kiev fl-isforzi tagħha biex issolvi t-tilwima mar-Russja dwar il-gass, li ilha għaddejja;

24.    Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni soċjali drammatika fil-pajjiż; jisitieden lill-Gvern tal-Ukraina biex jiżvela kompletament il-kundizzjonijiet marbuta mal-ftehim mal-FMI, u jappella għal miżuri ta' akkumpanjament maħsuba biex itaffu s-sitwazzjoni attwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-kundizzjonijiet tal-FMI jistgħu jżidu t-tensjonijiet interni u jwasslu għal tnaqqis rapidu tal-pagi u tal-impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika, li jistgħu jwasslu, bħala effett indirett, għal żieda fil-korruzzjoni; jirrimarka li r-riskju ta' mard infettiv qed jiżdied fl-Ukraina peress li l-pajjiż issa qed jiffaċċja nuqqas serju ta' tilqim minħabba dewmien fil-proċess tal-akkwist tal-istat u ż-żidiet fil-prezzijiet wara d-deprezzament tal-munita lokali;

25.    Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-avvenimenti fatali li seħħew f'Odessa fit-2 ta' Mejju 2014, kif ukoll reati oħra kontra l-umanità li seħħew minn Novembru 2013, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali qawwi u taħt is-superviżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, u għal dawk responsabbli biex jitressqu quddiem il-qrati; jinsab konvint li hija biss l-investigazzjoni effettiva ta' dawn ir-reati li tista' tgħin lis-soċjetà tal-Ukraina u lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi jerġa' jkollhom fiduċja fl-istituzzjonijiet;

26.    Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-raba rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u d-deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Ukraina tgħaddi għat-tieni fażi; Jinsisti fuq il-finalizzazzjoni malajr tar-reġim mingħajr viża bejn l-UE u l-Ukraina għala reazzjoni konkreta għall-aspirazzjonijiet Ewropej għan-nies li pprotestaw f'Maidan Square; itenni t-talba tiegħu, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas;

27.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.