Proċedura : 2014/2713(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0055/2014

Testi mressqa :

B8-0055/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 150kWORD 89k
15.7.2014
PE536.956v01-00
 
B8-0055/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-impjieg taż-żgħażagħ (2014/2713(RSP))


Inês Cristina Zuber, Thomas Händel, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Paloma López, Lynn Boylan, Rina Ronja Kari, Marie-Christine Vergiat, Lola Sánchez Caldentey, Younous Omarjee, Kateřina Konečná, Miloslav Ransdorf, Jiří Maštálka, Sofia Sakorafa, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos, Emmanouil Glezos, Kostadinka Kuneva, Georgios Katrougkalos, Pablo Iglesias, Pablo Echenique Robba, Carlos Jiménez Villarejo f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ  (2014/2713(RSP))  
B8‑0055/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar djalogu strutturat u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ,

–       wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew tas-26–27 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020, adottati fil-Lussemburgu fis-17 ta' Ġunju 2011,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 dwar il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, fejn ġiet evidenzjata l-ħtieġa ta' ġlieda kontra l-qgħad dejjem jiżdied fost iż-żgħażagħ,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ tas-7 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fil-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,

–       wara li kkunsidra l-kontribut konġunt tal-gvernijiet ta’ Franza u l-Ġermanja bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, bit-titolu 'Franza u l-Ġermanja – Flimkien għal Ewropa ta' Stabbiltà u Tkabbir aktar b'saħħitha' tat-30 ta' Mejju 2013,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'Is-Semestru Ewropew 2013: Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi – Nieħdu l-Ewropa lil hinn mill-Kriżi' (COM (2013)0350) u r-rakkomandazzjonijiet proposti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi 25,1 miljun persuna huma qiegħda, 22,8 % taż-żgħażagħ fl-UE huma qiegħda, xi Stati Membri għandhom rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla mill-medja Ewropea, speċifikament il-Greċja (57,7 %), Spanja (54 %), l-Italja (43 %), Ċipru (36 %) u l-Portugall (34,8 %), 8,3 miljun żgħażugħ taħt l-età ta’ 25 jinsabu inattivi, 19 % tat-tfal huma mhedda bil-faqar, 8 % tan-nies ibatu minn deprivazzjoni materjali serja, 15 % tat-tfal iħallu l-iskola qabel ma jilħqu l-livell sekondarju, 24,2 % tan-nies jinsabu fir-risku ta' faqar, il-foqra li jaħdmu jirrappreżentaw terz tal-adulti fl-età tax-xogħol li jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-għadd ta' nies li ma jkollhomx saqaf fuq rashom bil-lejl hu ta' 410 000;

B.     billi fl-2013, 13 % taż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena u 21 % ta' dawk bejn il-25 u d-29 sena kienu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET); billi t-telf ekonomiku minħabba dan l-għadd għoli ta' żgħażagħ NEET kien stmat li jlaħħaq l-EUR 153 biljun, ċifra li tikkorrispondi għal 1.2 % tal-PDG tal-UE(1);

C.     billi r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ivarja minn anqas minn 5 % f'xi reġjuni għal aktar minn 60 % f'oħrajn, b'xhieda ta' livell għoli ta' inugwaljanza bejn ir-reġjuni Ewropej; billi r-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment milqutin mill-qgħad fost iż-żgħażagħ, peress li din is-sitwazzjoni hi aggravata mill-periferiċità u l-insularità tagħhom;

D.     waqt li jindika li l-kriżi u t-taħlita politika żvinturata tal-UE ta' awsterità flimkien ma’ riformi strutturali neoliberali kkontribwixxew għal livell storikament baxx ta’ investiment mis-settur privat fl-ekonomija, peress li naqset il-kapaċità ta' akkwist tal-massa, tbaxxiet id-domanda interna u kibru l-inugwaljanza fid-dħul u l-faqar, kif jidher bl-iktar mod drammatiku f’dawk il-pajjiżi taħt it-tutela tat-Trojka;

E.     billi d-deregolamentazzjoni tas-swieq tax-xogħol fl-aħħar deċenni ħalliet il-maġġoranza taż-żgħażagħ jidħlu f'impjieg l-aktar permezz ta' kuntratti b'terminu fiss, impjiegi part time, skemi ta' kollokament tax-xogħol mhux remunerati u forom ta' impjieg ġeneralment prekarji, minkejja l-aspettattivi preċedenti kollha li "t-tixjiħ demografiku" kien se jagħmilha aktar faċli għalihom li jsibu impjieg permanenti, full time, b'remunerazzjoni, drittijiet u protezzjoni soċjali deċenti;

F.     billi "r-riformi" tas-sistemi edukattivi, pereżempju permezz tal-proċess ta' Bologna, u l-politiki ta' awsterità imposti f'diversi Stati Membri rvinaw ħafna mill-passi li ttieħdu lejn sistema ta' edukazzjoni aktar aċċessibbli; billi għalhekk il-ħtieġa għal sistema edukattiva li tkun ta' sjieda pubblika, immexxija b'mod demokratiku, aċċessibbli għal kulħadd u mingħajr ħlas għall-utenti tagħha saret aktar urġenti fil-prospettiva li ż-żgħażagħ – b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli fosthom – jiġu pprovduti b'edukazzjoni ta' kwalità tajba u aċċessibbli;

G.     billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ hu fattur li kkontribwixxa b'mod importanti għaż-żieda drastika fl-emigrazzjoni taż-żgħażagħ minn għadd ta' Stati Membri, l-aktar mill-hekk imsejħa "pajjiżi tal-programm" u oħrajn, bħal Spanja u l-Italja, lejn Stati Membri aktar sinjuri; jirreferi f'dan il-kuntest għal studju mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Irlanda (National Youth Council of Ireland (NYCI))(2) li wera li 70 % miż-żgħażagħ mistħarrġa għandhom il-prospettiva li jemigraw fit-12-il xahar li ġejjin; billi din l-emigrazzjoni tal-massa – spiss ta' żgħażagħ bi kwalifiki ta' edukazzjoni għolja – ċaħħdet lil dawn il-pajjiżi minn faxx importanti tal-aktar nies dinamiċi tagħhom u għandha effett devastanti fuq il-komunitajiet lokali u l-prospetti futuri tagħhom għal żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli;

H.     billi l-awsterità, l-introduzzjoni ta' miżuri fiskali deflazzjonarji u "r-riformi strutturali" neoliberali li l-Kummissjoni u l-Kunsill ilhom mill-2010 jargumentaw favurihom fil-qafas tas-Semestru Ewropew u li qed jiġu applikati mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri – b'mod partikolari dawk taħt it-tutela tat-Trojka Kummissjoni-BĊE-FMI fl-hekk imsejħa pajjiżi tal-programm u oħrajn, bħal Spanja u l-Italja – żiedu l-pressjonijiet deflazzjonarji fuq ekonomija tal-UE kumplessivament fraġli u qed tistaġna, baxxew il-pagi, id-domanda interna u d-dħul mit-taxxi, żarmaw "l-istabilizzaturi awtomatiċi", bħas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u l-investiment pubbliku, u għaldaqstant imbuttaw lill-biċċa l-kbira tal-ekonomija tal-UE fi staġnar u kriżi mtawla, filwaqt li farrku kull affermazzjoni preċedenti li mhux biss id-defiċits baġitarji attwali, imma b'mod partikolari l-proporzjon tad-dejn pubbliku/PDG, jistgħu jitnaqqsu b'mod sostanzjali u l-konsolidament fiskali jinkiseb permezz ta' dan l-approċċ; jisħaq fuq il-ħtieġa li kull dejn odjuż u insostenibbli jiġi rrifjutat;

I.      billi t-tisħiħ tal-UEM se jwassal biex jiġu appronfonditi l-politiki attwali li huma responsabbli għar-rata enormi ta' qgħad fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, partikolarment f'dawk bl-hekk imsejħa Memoranda ta' Qbil;

J.      billi dawn il-politiki neoliberali kkontribwixxew bil-kbir għaż-żieda tal-qgħad b'mod ġenerali u l-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod partikolari, biex iġġeneraw aktar esklużjoni soċjali u faqar, u b'hekk wasslu għal regressjoni soċjali serja, ekonomija ulterjorment imdgħajfa u d-destabilizzazzjoni tal-integrazzjoni u d-demokrazija Ewropea;

K.     billi, waqt summit f'Ġunju 2013, qablu li jiżborżjaw madwar EUR 8 biljuni – aktar mis-EUR 6 biljun oriġinalment allokati fi Frar ta' dik is-sena – għall-ġlieda kontra n-nuqqas ta' impjiegi għaż-żgħażagħ, bil-maġġoranza tagħhom li se titqiegħed għad-dispożizzjoni fuq perjodu ta' sentejn li jibda fl-2014, u l-bqija li se ssir disponibbli fuq is-seba' snin sħaħ tal-baġit li jmiss tal-UE; billi waqt is-summit tal-Kunsill tal-UE, kap ta' stat tal-UE ammetta li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ tal-UE, li tnediet sena qabel, s'issa kienet falliment;

L.     billi l-konferenza antiċipata tal-konferenza tal-Presidenza tal-UE dwar iż-żgħażagħ u l-impjieg ġiet posposta sal-aħħar tas-sena, biex b'hekk ittardjat kull implimentazzjoni attiva tal-objettivi prijoritarji mħabbra tal-presidenza attwali;

1.      Jikkundanna l-fatt li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar djalogu strutturat u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ naqsu li jirriflettu l-messaġġi fundamentali u l-kontributi miż-żgħażagħ, bħall-ħtieġa għal impjiegi ta' kwalità, aċċess aħjar għal protezzjoni soċjali, drittijiet soċjali u solidarjetà u li r-riżoluzzjoni ma esprimitx impenn lejn kwalunkwe politika konkreta għal inklużjoni soċjali aħjar taż-żgħażagħ;

2.      Jikkritika b'saħħa l-fatt li l-prijoritajiet tal-Kunsill, ippubblikati fis-27 ta' Ġunju 2014, bħala aġenda strateġika għall-UE u l-Kummissjoni l-ġdida, ma jinkludux miżuri u investiment immirati biex jgħinu fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ;

3.      Jisħaq fuq il-fatt li, minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ, hemm bżonn ta' monitoraġġ u impenji regolari mill-Istati Membri b'mod li titjieb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ; jappella, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ waqt il-Kunsill EPSCO informali li jmiss fis-17 u t-18 ta' Lulju 2014 f'Milan;

4.      Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha japplikaw bidla radikali fil-politiki makroekonomiċi, fejn is-settur pubbliku jsir il-forza li tmexxi l-irkupru ekonomiku, li tiżgura impjiegi ta’ kwalità għolja flimkien ma’ drittijiet garantiti għall-ħaddiema u protezzjoni soċjali deċenti sabiex titqanqal l-ekonomija; jesiġi t-tmiem tal-politiki ta' awsterità fl-Istati Membri kollha;

5.      Jisħaq fuq il-fatt li t-tisħiħ tal-UEM se jwassal biex jiġu appronfonditi l-politiki attwali li huma responsabbli għar-rata enormi ta' qgħad fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, partikolarment f'dawk bl-hekk imsejħa Memoranda ta' Qbil;

6.      Jikkritika b'saħħa l-approċċ kumplessiv tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħhadwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2014 dwar "il-ġlieda kontra l-qgħad" billi tiżdied ulterjorment il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol u jitnaqqas "il-kost relattivament għoli tax-xogħol" eċċ.; jirrimarka li kienu u huma dawn 'ir-riformi strutturali' neoliberali tas-swieq tax-xogħol applikati mill-Istati Membri li huma responsabbli għaż-żieda drastika fil-forom prekarji ta' impjieg, għal livelli aktar baxxi ta' protezzjoni soċjali u għall-espansjoni tas-setturi b'pagi baxxi tant ikkundannati mir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-impjieg – żviluppi li jolqtu b'mod partikolari liż-żgħażagħ u l-prospetti tagħhom ta' impjieg b'mod negattiv ħafna;

7.      Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tippromwovi l-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-kondiviżjoni tal-impjiegi permezz ta' miżuri stimulanti bħal età għal irtirar kmieni u tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol mingħajr ma jitnaqqsu l-pagi, il-pensjonijiet u d-drittijiet soċjali;

8.      Jenfassizza l-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imissa ġiet stabbilita għaż-żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena immedjatament kif jiffaċċjaw il-qgħad; jevidenzja l-fatt li l-fondi allokati għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ huma ferm anqas minn dawk li jkunu meħtieġa biex ikollhom impatt reali fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jirreferi, f'dan il-kuntest, għall-istudju tal-ILO "Euro Zone job crisis: trends and policy responses" (Il-kriżi tal-impjiegi fiż-Żona tal-Euro: tendenzi u rispons politiku), li jindika l-ħtieġa ta' injezzjoni ta' EUR 21 biljun sabiex ikun hemm impatt fuq il-livell tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

9.      Jisħaq fuq il-fatt li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali; jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-użu tal-fondi tal-FSE għal proġetti relatati maż-żgħażagħ;

10.    Jenfasizza li l-programm għandu jikkontribwixxi lejn il-garanzija li, fil-kumpaniji li jibbenefikaw minnu, jinżammu l-impjiegi u li t-traineeships jinbidlu f'kuntratti permanenti; jindika li l-appoġġ għall-kumpaniji jrid ikun temporanju u b'kontropartijiet definiti b'mod ċar, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma tal-impjiegi, konformità mal-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi ta' xogħol, u sodisfazzjon tal-obbligi fl-oqsma tat-taxxa u s-sigurtà soċjali;

11.    Jirrakkomanda, għall-Istati Membri kollha, anke fis-sistema edukattiva, taħriġ obbligatorju dwar id-drittijiet tax-xogħol u s-saħħa okkupazzjonali;

12.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jindirizzaw il-kwistjoni tax-xogħol prekarju u jirregolaw l-arranġamenti kuntrattwali billi jesploraw għażliet differenti li jaffrontaw il-kwistjoni ta' polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u jħarsu liż-żgħażagħ mill-prekarjetà fuq ix-xogħol u jippromwovu l-kuntratti permanenti;

13.    Jisħaq fuq il-fatt li trid tintemm id-diskriminazzjoni abbażi tal-età fl-aċċess għall-benefiċċji soċjali, inkluż aċċess kundizzjonali għall-benefiċċji tal-qgħad;

14.    Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki ta' kriżi u awsterità wasslu għal rata li qed tiżdied ta' żgħażagħ li qed jiġu mġiegħla jemigraw;

15.    Jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu oqfsa ta' kwalità għolja għat-traineeships, waqt li jiżguraw li dawn it-traineeships ikunu mfassla apposta għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u jinkludu remunerazzjoni deċenti, protezzjoni soċjali, inklużi kontribuzzjonijiet xierqa għal irtirar fil-ġejjieni, drittijiet tax-xogħol u trejrunjonistiċi u kundizzjonijiet tax-xogħol li ma jdgħajfux l-impjiegi, il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-forza tax-xogħol eżistenti, u li jkunu sostnuti minn appoġġ finanzjarju u monitoraġġ obbligatorju, kif ukoll minn standard ta' kwalità komuni għat-traineeships jappella għal żieda fil-mekkaniżmi investigattivi tal-ispettorati tax-xogħol biex jiġi limitat l-użu ta' trainees biex jissostitwixxu ħaddiema regolari u biex jiġu salvagwardjati standards ta' sikurezza komuni għall-protezzjoni fuq ix-xogħol;

16.    Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri joħolqu miżuri għall-prevenzjoni tal-ħolqien ta' ħaddiema li attaparsi jaħdmu għal rashom – bħas-sanzjonar u l-penalizzazzjoni tal-kumpaniji li jimpjegaw ħaddiema li qabel kienu membri tal-persunal bħala ħaddiema indipendenti, jew il-kumpaniji mingħajr il-persunal proprju tagħhom u dawk li huma involuti f'reklutaġġ permezz ta' aġenziji tax-xogħol temporanju;

17.    Jappella lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li n-nies qiegħda kollha li jirċievu appoġġ jiġu megħjuna sabiex it-taħriġ u l-ħiliet speċifiċi u, fejn applikabbli l-ħtiġijiet ta' taħriġ vokazzjoni mill-ġdid, ta' kull ħaddiem ikunu jistgħu jiġu identifikati fil-mument meta l-offerti ta' impjieg ikunu qed jiġu vvalutati u wara li ħaddiem ikun aċċetta impjieg, bl-għan li jiġi aċċertat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti jkunux qed jiġu osservati u l-punt sa fejn il-ħaddiem ikun adatta ruħu għaċ-ċirkostanzi;

18.    Jappella lill-Kummissjoni u lil aġenziji bħal Eurofound u Cedefob biex janalizzaw is-sistemi eżistenti ta' edukazzjoni professjonali doppja sabiex jipprovdu din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra li huma interessati f'dawn is-sistemi fuq bażi volontarja, mingħajr ma jitnaqqsu l-istandards ta' edukazzjoni li diġà jeżistu;

19.    Jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi b'investimenti pubbliċi estiżi fit-tkabbir sostenibbli, speċjalment fis-setturi soċjali u tas-saħħa pubblika, kif ukoll fl-infrastruttura u l-edukazzjoni pubblika;

20.    Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu favur it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni kontra n-nisa; jappella lill-Istati Membri biex jiggarantixxu permezz ta' liġi aċċess indaqs għall-ewwel impjieg u jiggarantixxu l-ugwaljanza fil-kundizzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali għan-nisa billi jneħħu l-kundizzjonijiet diskriminatorji bħas-'saqaf tal-ħġieġ' u jippromovu azzjoni reali biex tinkiseb l-emanċipazzjoni tan-nisa żgħażagħ fir-rigward tal-impjieg;

21.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw fuq bażi regolari l-eżitu tal-programmi operattivi tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u jippermettu aċċess pubbliku għad-databażijiet kollha;

22.    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

Eurofound (2012), ‘NEETs – Young people not in employment, education or training: characteristics, costs and policy responses in Europe' (NEETs: żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: karatteristiċi, spejjeż u rispons politiku fl-Ewropa). Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(2)

Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Irlanda (2010), Youth unemployment in Ireland - The forgotten generation (Il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Irlanda - Il-ġenerazzjoni minsija), http://www.youth.ie/sites/youth.ie/files/Youth_Unemployment_in_Ireland_web.pdf.

Avviż legali - Politika tal-privatezza