Proċedura : 2014/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0056/2014

Testi mressqa :

B8-0056/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 142kWORD 216k
15.7.2014
PE536.957v01-00
 
B8-0056/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Ukraina (2014/2717(RSP))


Helmut Scholz, Miloslav Ransdorf, Jean-Luc Mélenchon, Jiří Maštálka, Kateřina Konečná, Younous Omarjee, Sofia Sakorafa, Dimitrios Papadimoulis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina (2014/2717(RSP))  
B8‑0056/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapport dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Ġunju 2014.

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi konfrontazzjoni politika u militari issa ilha għaddejja fl-Ukraina minn Frar tal-2014, meta l-President tal-pajjiż tneħħa mill-poter wara xhur ta' inkwiet politiku;

B.     billi f'diversi bliet fl-Lvant tal-Ukraina, wara t-tkeċċija tal-President Viktor Yanukovych fil-21 ta' Frar 2014, in-nies fir-reġjuni tax-Xlokk tal-Ukraina pprotestaw kontra l-gvern il-ġdid; billi sa nofs Marzu, f'diversi bliet, b'mod partikolari Donetsk u Luhansk, gruppi armati, li fil-bidu sejħu lilhom infushom 'unitajiet ta' awtodifiża', ħatfu u okkupaw bini amministrattiv; billi t-talbiet tagħhom kienu jvarjaw mix-xewqa li l-Ukraina ssir federazzjoni, għas-separazzjoni tar-reġjuni tagħhom mill-bqija tal-Ukraina, sax-xewqa li jingħaqdu mar-Russja;

C.     billi f'nofs April, is-Servizz għas-Sigurtà u l-Ministeru tal-Intern tal-Gvern il-ġdid tal-Ukraina ta bidu għal operazzjonijiet militari, li l-gvern sejjaħ 'operazzjoni kontra t-terroriżmu', l-ewwel fir-reġjun Donetsk u mbagħad fir-reġjun Luhansk; billi l-operazzjonijiet militari tal-gvern tal-Ukraina intensifikaw wara l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija, fi ksur mal-wegħdiet għat-taffieħ tal-kunflitt li saru mill-President Poroshenko ġdid, matul il-kampanja elettorali tiegħu;

D.     billi waqfien mill-ġlied ta' għaxart ijiem ġie miksur b'mod frekwenti miż-żewġ naħat u qatt ma kiseb l-ispinta meħtieġa biex itemm il-vjolenza darba u għal dejjem; billi l-President Poroshenko ddeċieda li jkompli bl-attakki militari fuq ir-reġjuni tax-Xlokk tal-Ukraina fit-30 ta' Ġunju 2014;

E.     billi b'mod aktar frekwenti, żoni residenzjali, sptarijiet u l-infrastruttura tal-belt, inklużi impjanti tal-ilma u tal-elettriku u l-iskejjel, qegħdin jinsabu fil-mira tal-azzjonijiet militari tal-armata tal-Ukraina, tal-Gwardja Nazzjonali u ta' formazzjonijiet armati oħra; billi skont ir-rapport mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Ġunju 2014, 356 persuna - li minnhom 257 kienu nies ċivili, inklużi 14-il tifel u tifla – inqatlu minn mindu l-Gvern tal-Ukraina beda l-operazzjoni militari tiegħu fir-reġjuni tal-Lvant ta' Donetsk u Luhansk; billi l-ibliet taħt assedju qed isofru minn nuqqas ta' ikel, ilma u kura medikali; billi hemm evidenza li ntużaw mini tal-art u bombi tal-fosfru; billi skont id-data tan-NU madwar 160 000 refuġjat ħarbu mill-ġlied; billi skont l-UN hemm distakki konsiderevoli fil-kapaċità tal-Istat li jipproteġi persuni spostati internament;

F.     billi r-raġunijiet ewlenin għall-kunflitt kontinwu fl-Ukraina huma problemi interni li ma ġewx solvuti; billi r-relazzjonijiet bejn l-istat u s-soċjetà fl-Ukraina huma ferm dgħajfa; billi l-politika tal-Ukraina hija ddominata mill-oligarki, fejn kummerċjanti taż-żejt u tal-gass isiru ministri, gvernaturi u kapijiet ta' istituzzjonijiet prinċipali tal-Ukraina; billi l-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-istat ewlenin- il-Parlament, il-ġudikatura u l-fergħa eżekuttiva tal-gvern – mhumiex qed jissodisfaw il-funzjonijiet bażiċi ta' rappreżentanza, difiża u governanza xierqa tal-interessi tas-soċjetà tal-Ukraina; billi hemm korruzzjoni mifruxa; billi skont rapport reċenti tal-OECD id-differenzi bejn ir-reġjuni huma sinifikanti abbażi ta' standards tal-OECD u qed ikomplu jikbru; billi l-indiċi għall-iżvilupp tal-bniedem iddeterjora fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-Ukraina bejn il-perjodu 2000-2010; billi gvernijiet subnazzjonali għandhom tendenza li jserħu ħafna fuq trasferimenti ċentrali, b'allokazzjonijiet li huma kemm imprevedibbli kif ukoll ftit li xejn trasparenti; billi l-gvernijiet u l-parlamenti komplew jaggravaw in-nuqqas ta' fiduċja u l-mibegħda li jeżistu bejn reġjunijiet differenti tas-soċjetà tal-Ukraina billi jadottaw deċiżjonijiet kontroversjali dwar il-lingwa, l-istorja u r-relazzjonijiet internazzjonali; billi l-ebda minn dawn il-problemi ma ġiet solvuta mill-bidla politika reċenti;

G.     billi l-livell ta' rappreżentanza ta' partiti nazzjonalisti u ksenofobi estremi tal-lemin fil-Gvern il-ġdid tal-Ukraina hu ferm preokkupanti; billi l-gvern il-ġdid qed jonqos milli jikkontrolla l-infami Settur tal-Lemin; billi l-Partit Komunista tal-Ukraina, li ressaq programm li jippreserva l-unità tal-Ukraina filwaqt li jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini kollha tagħha qed jaffaċċja ripressjoni vjolenti, u ġiet instigata projbizzjoni legali tal-partit, u l-partit reċentement tressaq ukoll quddiem il-qorti;

H.     billi gwerra ta' propaganda bħalissa qed isseħħ bejn l-Ukraina, il-Punent u r-Russja, li tagħmilha estremament diffiċli li tinkiseb informazzjoni oġġettiva dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina; billi sitt ġurnalisti inqatlu u ħafna oħra ġew detenuti, attakkati u ffastidjati; billi dik il-midja li tikkritika l-gvern, bħall-azjenda 'Multimedia Invest Group' tkun soġġetta għal diskriminazzjoni;

I.      billi skont ir-rapport riċenti tan-NU r-rata tal-faqar fl-Ukraina fil-bidu tal-2014 kienet madwar 25 %, fejn 11-il miljun ruħ kienu qegħdin jgħixu f'kundizzjonijiet li huma inqas minn standards soċjali lokali; billi t-talbiet soċjoekonomiċi tal-moviment Maidan ġew sostitwiti bl-aġenda neoliberali tal-gvern il-ġdid, li timplimenta l-kundizzjonijiet tas-self mill-Fond Monetarju Internazzjonali – qtugħ f'sussidji vitali tal-enerġija, f'impjiegi pubbliċi, fil-pensjonijiet tas-settur pubbliku u qtugħ kbir fis-sigurtà soċjali li lkoll għandhom konsegwenzi serji għas-setturi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tal-Ukraina; billi l-kunflitt militari attwali kompla jaggrava s-sitwazzjoni; billi l-prezzijiet tal-ikel żdiedu bi 8.2 % meta mqabbla mal-prezzijiet tal-2013, u dan ħoloq kriżi soċjoekonomika għal ħafna familji fl-Ukraina;

J.      billi f'Mejju tal-2014 il-prezzijiet tal-gass fl-Ukraina żdiedu b'50 % għal klijenti domestiċi u b'40 % għal kumpaniji li joffru tisħin distrettwali, u aktar żidiet qed jiġu skedati sal-2018; billi minflok ma jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi eżistenti bl-implimentazzjoni tal-ftehimiet bejn ir-Russja u l-Ukraina, iż-żewġ naħat qed jaggravaw il-kwistjoni tal-gass, u b'hekk iżidu l-biżat u l-emozzjonijiet negattivi tal-popolazzoni tal-Ukraina;

K.     billi l-Istati Uniti, l-Istati Membri tal-UE, in-NATO u r-Russja qed jikkontribwixxu għall-kunflitt billi jipprovdu assistenza maġġura politika u materjali – inkluża militari – liż-żewġ naħat tal-kunflitt;

L.     billi l-Istati Uniti irreaġixxa għall-kriżi tal-Ukraina billi adotta programm ta' biljun dollaru Amerikan ta' eżerċizzji militari ġodda fuq l-art, il-baħar u fl-ajru fl-Ewropa tal-Lvant; billi l-President ġdid Poroshenko ffirma "Ftehim dwar Kooperazzjoni Militari bejn l-Istati Uniti u l-Ukraina" u b'hekk ipprovda l-bażi għall-involviment mill-qrib bejn konsulenti Amerikani fl-azzjonijiet militari tal-Gvern tal-Ukraina, fl-immodernizzar u r-rikostruzzjoni tal-armata u tas-settur tas-sigurtà kollu;

M.    billi n-NATO qiegħda tabbuża mill-kriżi fl-Ukraina għall-qawmien mill-ġdid tagħha u għal konfrontazzjoni ġdida mar-Russja, fejn qed iżżid l-għadd ta' manuvri fil-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, u se tikkunsidra, waqt is-summit tagħha f'Settembru 2014, strateġiji u mobilizzazzjonijiet miltari ġodda fil-Lvant tal-Ewropa, fi ksur tal-Att Funtadur tal-1997 bejn in-NATO li bih in-NATO wegħdet li mhux se tippermetti 'stazzjonar permanenti addizzjonali ta' forzi armati sostanzjali" fl-Ewropa tal-Lvant;

N.     billi l-UE tkompli tinjora s-sitwazzjoni reali fl-Ukraina u tappoġġa mingħajr kritika l-Gvern tal-Ukraina; billi l-UE qed tkompli bil-politika ta' sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja; billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, li jinkludi Ftehim Komprensiv ta' Kummerċ Ħieles, ġie ffirmat minkejja tħassib u reżistenza min-naħa ta' reġjuni kbar tal-popolazzjoni l-Ukraina; billi l-Kummissjoni qablet fuq għadd ta' miżuri konkreti ta' assistenza fuq żmien qasir u medju għall-Ukraina;

1.      Jesprimi tħassib serju dwar il-konfrontazzjoni militari mill-ġdid fil-Lvant tal-Ukraina; jagħmel sejħa qawwija lill-President Poroshenko biex iwaqqaf l-azzjoni militari; jitlob b'urġenza lin-naħat kollha biex jaqblu dwar waqfien mill-ġdid immedjat u biex jaħdmu lejn il-waqfien definittiv tal-vjolenza permezz ta' proċess politiku u diplomatiku;

2.      Jenfasizza li l-kriżi politika attwali fl-Ukraina ma tistax tiġu riżolta b'mezzi militari, iżda teħtieġ dibattitu nazzjonali qawwi dwar ir-riformi, politiċi, kostituzzjonali u ekonomiċi meħtieġa, u l-orjentazzjoni ġeopolitika tal-pajjiż;

3.      Jistieden lir-Russja, lill-UE u lill-Istati Uniti jieqfu jaggravaw il-kunflitt meta jipprovdu appoġġ politiku u materjali – inkluż militari – lill-parteċipanti fil-kunflitt, u biex jibdew jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' patt soċjali ġdid bejn ir-reġjuni differenti tal-pajjiż, li jirrikonoxxi d-diversità tal-Ukraina bħala element pożittiv kbir tal-identità Ukraina, u biex jaħdmu lejn l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż;

4.      Jitlob embargo tal-armi kontra l-parteċipanti kollha involuti fil-kunflitt, u għall-irtirar mill-Ukraina ta' kwalunkwe konsulent militari barrani u persunal militari oħra.

5.      Jistieden lill-partijiet involuti kollha biex joqogħdu lura milli jużaw messaġġi li juru intolleranza jew espressjonijiet li jistgħu jinċitaw il-mibegħda, il-vjolenza, l-ostilità, id-diskriminazzjoni jew ir-radikalizzazzjoni;

6.      Jappoġġa t-tisħiħ tar-rwol tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) biex tinstab soluzzjoni tal-kriżi fl-Ukraina; jitlob għall-implimentazzjoni ta' 'pjan direzzjonali' żviluppat mill-presidenza Svizzera li jikkostitwixxi bażi tajba għall-ħruġ mill-kriżi b'mezzi politiċi;

7.      Jesprimi l-kondoljanza profonda tiegħu għall-familji tal-vittmi ċivili tal-kunflitt; jikkundanna l-ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali fiż-żoni tal-kunflitt militari, li twettaq miż-żewġ naħat; jitlob għal investigazzjoni indipendenti tal-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u għall-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli;

8.      Jesprimi tħassib serju rigward id-deterjorament tal-kriżi umanitarja fiż-żoni ta' kunflitt; jistieden lin-naħat kollha tal-kunflitt jiffaċilitaw l-aċċess tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għaż-żoni affettwati mill-operazzjonijiet ta' sigurtà sabiex il-ħtiġijiet reali tal-popolazzjoni jkunu jistgħu jiġu vvalutati u indirizzati;

9.      Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u komprensiva dwar il-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u partikolarment tar-reati tal-gwerra, dawk relatati mal-vjolenza f'Odesa fit-2 ta' Mejju 2014, u dawk relatati mal-protesti f'Maidan, kif ukoll investigazzjoni dwar l-awturi tal-inġustizzja; jenfasizza l-fatt li dan il-proċess għandu jitwettaq b'mod li jiżgura l-fiduċja fl-investigazzjoni u l-proċess legali, biex b'hekk l-komunitajiet affettwati jkunu jistgħu jaċċettaw bis-sħiħ ir-riżultat ta' tali investigazzjoni;

10.    Jesprimi tħassib serju għall-konsegwenzi tal-politiki li ġew deċiżi mill-gvern il-ġdid wara l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u mill-UE; jiddenunzja l-fatt li l-popli tal-Ukraina se jkollhom ipattu għall politika li falliet tal-gvernijiet preċedenti, minflok ma jiġu ntaxxati l-oligarki tal-Ukraina;

11.    Jesprimi tħassib serju dwar il-politika instabbli tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ukraina u l-konsegwenzi tagħha għaċ-ċittadini; jistieden lir-Russja u lill-Ukraina jerġgħu jagħtu bidu għal kooperazzjoni kostruttiva dwar l-iżvilupp u l-enerġija bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-enerġija huma aċċessibbli għal kulħadd, u biex joqogħdu lura milli jużaw l-enerġija u l-kummerċ bħala għodda politika;

12.    Jitlob b'urġenza lill-politiċi tal-Ukraina u dawk internazzjonali jeżerċitaw trażżin u biex joqogħdu lura minn dikjarazzjonijiet li jistgħu jaggravaw aktar il-kunflitt; jinsab imħasseb ħafna dwar il-gwerra ta' propaganda mwettqa mill-parteċipanti kollha; jistieden lin-naħat kollha jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ġurnalisti u għal ħaddiema oħra tal-midja minħabba li xogħolhom huwa essenzjali għal valutazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni fir-reġjuni kollha tal-Ukraina;

13.    Jesprimi tħassib serju dwar ir-rwol politiku tal-forzi nazzjonalisti tal-lemin estrem u ta' forzi ksenofobi fil-politika tal-Ukraina; jikkundanna l-attakki kontra l-Partit Komunista, kif ukoll l-isforzi biex jiġi pprojbit;

14.    Jesprimi tħassib serju dwar il-konfrontazzjoni politika li qed tikber bejn in-NATO u r-Russja u l-periklu ta' kompetizzjoni ġdida fl-iżvilupp tal-armi; iwissi li n-nuqqas li jinbeda djalogu orjentat lejn ir-riżultati jista' jkollu konsegwenzi perikolużi għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja;

15.    Jieħu nota li politika li tifred l-politika tal-Viċinat tal-Lvant mill-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma rnexxietx; jenfasizza l-bżonn li titfassal mill-ġdid politika tal-Viċinat tal-Lvant bl-għan li tiżviluppa l-kooperazzjoni reġjonali li ma teskludi ebda pajjiż; jistieden lir-Russja tipparteċipa b’mod proattiv f’tali proċess u turi r-rieda tagħha li ssir parti minn politiki tajbin dwar il-viċinat;

16.    Jilqa' l-ftuħ tad-djalogu bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja dwar miżuri biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi tal-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina għal kooperazzjoni bejn l-Ukraina u r-Russja u l-Unjoni Doganali;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlament u l-Gvern tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza