Proċedura : 2014/2724(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0066/2014

Testi mressqa :

B8-0066/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 199k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0066/2014
15.7.2014
PE536.967v01-00
 
B8-0066/2014

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-delitt tal-aggressjoni (2014/2724(RSP))


Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-delitt tal-aggressjoni (2014/2724(RSP))  
B8‑0066/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Istatut ta' Ruma, li jelenka d-delitt tal-aggressjoni bħala wieħed mid-delitti ewlenin taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma, li ġew adottati matul il-Konferenza ta' Analiżi f'Kampala, fl-Uganda, fl-2010, b'riferiment partikolari għar-Riżoluzzjoni RC/Riż. 6, dwar id-delitt tal-aggressjoni,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2011/168/PESK u r-riferimenti tagħha għall-Emendi ta' Kampala,

–       wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni adottat fit-12 ta' Lulju 2011 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar il-Konferenza ta’ Analiżi dwar l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f’Kampala, l-Uganda,(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet,(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(4),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Parlament Latino-Amerikan tad-19 u l-20 ta' Ottubru 2013 dwar il-Promozzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u r-Ratifika tal-Emendi ta' Kampala (AO/2013/07XXIX),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-27 ta' Novembru 2013 dwar it-Tisħiħ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Assemblea tal-Istati Partijiet, li tinkludi talba li l-Istati Partijiet futuri jirratifikaw l-Istatut kif emendat, talba lill-Istati Partijiet kollha biex iqisu r-ratifika tal-emendi u rikonoxximent tar-ratifiki reċenti tal-emendi minn għadd ta' Stati Partijiet (ICC-ASP/12/Res.8),

–       wara li kkunsidra r-Ratifika u l-Implimentazzjoni tal-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma tal-manwal tal-QKI prodott mill-Missjoni Permanenti tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein fin-Nazzjonijiet Uniti, l-Istitut Globali għall-Prevenzjoni tal-Aggressjoni u l-Istitut tal-Liechtenstein għall-Awtodeterminazzjoni fl-Università ta' Princeton,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Istati Membri kienu alleati kbar tal-QKI sa minn meta twaqqfet, u pprovdew appoġġ finanzjarju, politiku, diplomatiku u loġistiku, filwaqt li ppromwovew l-universalità tal-Istatut ta' Ruma u ddefendew l-integrità tiegħu, bl-objettiv li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Qorti;

B.     billi r-ratifika tal-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma dwar id-delitt tal-aggressjoni minn mill-inqas 30 Stat Parti, u deċiżjoni li għandha tittieħed wara l-1 ta' Jannar 2017 b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Istati Partijiet, se jippermettu t-twaqqif ta' sistem permanenti ta' responsabilità kriminali internazzjonali billi jiġi sanzjonat id-delitt tal-aggressjoni;

C.     billi s'issa 14-il Stat Parti rratifikaw l-Emendi ta' Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni, inkluż tmien Stati Membri tal-UE li huma l-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, is-Slovakkja u s-Slovenja;

D.     billi l-istati li mhumiex partijiet għall-Istatut ta' Ruma jistgħu jirratifikaw dan l-Istatut, inkluż l-Emendi ta' Kampala, u bhekk jikkontribwixxu għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni;

E.     billi l-Emendi ta' Kampala huma kompatibbli bis-sħiħ mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, billi jikkriminalizzaw biss l-iktar forom gravi tal-użu illegali tas-saħħa, jiġifieri dawk li b'mod ċar jiksru l-Karta tan-NU bin-natura, il-gravità u l-iskala tagħhom;

F.     billi l-ġurisdizzjoni tal-QKI b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni se jikkontribwixxi għall-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali u għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi taġixxi bħala deterrent għall-użu tas-saħħa u bhekk tikkontribwixxi b'mod proattiv għall-prevenzjoni ta' tali delitti u l-konsolidazzjoni ta' paċi dejjiema;

G.     billi r-ratifika taż-żewġ Emendi ta’ Kampala min-naħa tal-istati u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq ir-reat tal-aggressjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti dan ir-reat;

H.     billi r-ratifika tal-Emendi ta' Kampala u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni se jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-drittijiet tl-bniedem billi jikkriminalizzaw l-atti ta' aggressjoni li ta' spiss ikunu l-bidu ta' katina kawżali ta' ksur kbir tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet kbar tad-dritt umanitarju internazzjonali;

I.      billi l-kriminalizzazzjoni ta' atti ta' aggressjoni se tipproteġi wkoll id-dritt għall-ħajja tal-kumbattenti li jintbagħtu illegalment għall-gwerra, u ta' dawk li jiġi attakat l-istat tagħhom, u bhekk jimtela nuqqas fl-Istatut ta' Ruma u fid-dritt umanitarju internazzjonali, li jipproteġi biss liċ-ċivili u kategoriji oħra ta' "persuni protetti";

J.      billi l-attivazzjoni tal-QKI b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għall-universalità tal-Istatut ta' Ruma, peress li numru ta' stati jistgħu jkunu interessati li jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma komplut, inkluż l-Emendi ta' Kampala, li jservi wkoll l-għan politiku nazzjonali tagħhom ta' dissważjoni tal-użu illegali tas-saħħa kontrihom;

1.      Jitlob lill-Ue tadotta pożizzjoni komuni dwar id-delitt tal-aggressjoni u l-Emendi ta' Kampala;

2.      Iħeġġeġ lill-UE tkun minn ta' quddiem nett fl-għoti ta' spinta lill-Emendi ta' Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni biex dawn jidħlu fis-seħħ u tappoġġa l-isforzi li qed isiru biex jintlaħaq dan l-għan; biex tħeġġeġ lill-Istati Membri tagħha biex l-ewwel jirratifikaw l-emenda u mbagħad jappoġġaw b'mod proattiv id-deċiżjoni ta' darba mill-Assemblea tal-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma, ladarba jinkisbu t-30 ratifika meħtieġa, biex tiġi attivata l-ġurisdizzjoni tal-QKI b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni;

3.      Jenfasizza l-bżonn ta' promozzjoni attiva tal-appoġġ lill-QKI, ir-ratifika tal-Istatut ta' Ruma kif emendat u r-ratifika taż-żewġ Emendi ta' Kampala fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, inkluż permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) u tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-post, inkluż ukoll għajnuna teknika għall-istati li jixtiequ jirratifikaw u/jew jimplimentaw;

4.      Jitlob lill-UE tieħu l-impenn li tiġġieled il-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt tal-aggressjoni, kif ukoll jitlob li l-ġlieda kontra l-impunità għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem titqiegħed fuq quddiem fil-prijoritajiet tal-UE, u tal-Istati Membri, fl-azzjonijiet esterni tgaħhom;

5.      Jitlob lill-Istati Membri biex b'ħeffa jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-definizzjonijiet tal-Emendi ta' Kampala, kif ukoll obbligi oħra skont l-Istatut ta' Ruma, biex ikunu jistgħu jseħħu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet nazzjonali ta' delitti minn Stati Membri tal-UE, u biex jikkooperaw mal-Qorti;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

 

(1)

ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 78.

(2)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.

(3)

P7_TA(2012)0126.

(4)

P7_TA(2013)0575.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza