MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-delitt tal-aggressjoni
15.7.2014 - (2014/2724 (RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Pier Antonio Panzeri, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Josef Weidenholzer, Ana Gomes, David Martin, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0066/2014
B8‑0067/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-delitt tal-aggressjoni
(2014/2724 (RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Istatut ta' Ruma, li jelenka d-delitt tal-aggressjoni bħala wieħed mid-delitt essenzjali li jidħol fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta' Ruma, li kienu adottat fil-Konferenza ta' Reviżjoni li saret Kampala, l-Uganda, fl-2010, b'riferiment partikolari għar-Riżoluzzjoni RC/Res. 6, marbuta mad-delitt tal-aggressjoni,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2011/168/CFSP u r-riferiment li din tagħmel għall-Emendi ta’ Kampala,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni revist adottat nhar it-12 ta’ Lulju 2011 b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/CFSP,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar il-Konferenza ta’ Analiżi dwar l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f’Kampala, l-Uganda[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: niffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[3],
– Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Parlament Latino-Amerikan tad-19 u l-20 ta’ Ottubru 2013 dwar il-‘Promozzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u r-Ratifika tal-Emendi ta’ Kampala’ (AO/2013/07XXIX),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-Istati Parti għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar it-‘Tisħiħ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Assembela tal-Istati Parti’, li tinkludi stedina lil Stati Parti futuri ħalli jirratifikaw l-Istatut kif emendat, stedina lill-Istati Parti kollha ħalli jikkunsidraw ir-ratifika tal-emenda u jirrikonoxxu r-ratifiki riċenti tal-emendi minn għadd ta' Stati Parti (ICC-ASP/12/Res.8),
– wara li kkunsidra r-Ratifika u l-Implementazzjoni tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta' Ruma tal-manwal tal-QKI prodott mill-Missjoni Permanenti tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istitut Globali għall-Prevenzjoni tal-Aggressjoni, u l-Liechtenstein Institute on Self-Determination tal-Università ta’ Princeton,
– wara li kkunsidra l-Jum Internazzjonali tal-Ġustizzja (JIĠ), imfakkar nhar is-17 ta’ Lulju, li jiċċelebra l-progress lejn responsabilità politika akbar għad-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istati Membri tal-UE ilhom alleati sodi tal-QKI sa mill-bidu tagħha, billi tawha sostenn finanzjarju, politiku, diplomatiku u loġistiku, filwaqt li ppromwovew l-universalità tal-Istatut ta’ Ruma u ddefendewlu l-integrità, bl-iskop li jsaħħu l-indipendenza tal-Qorti;
B. billi r-ratifika tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma dwar id-delitt tal-aggressjoni minn mill-anqas 30 Stat Parti u d-deċiżjoni li se tittieħed wara l-1 ta’ Jannar 2017 minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Parti se jippermettu t-twaqqif ta’ sistema permanenti ta’ responsabilità politika kriminali internazzjonali bl-ippenalizzar tad-delitt tal-aggressjoni;
C. billi l-Istati mhux parti għall-Istatut ta' Ruma jistgħu jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma, inklużi l-emendi ta' Kampala, u b'hekk jagħti kontribut għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni;
D. billi l-Emendi ta’ Kampala huma għalkollox kompatibbli mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti billi jikkriminalizzaw biss l-aktar forom gravi tal-użu illegali tal-forza, jiġifieri dawk li manifestament jiksru l-Karta tan-NU invirtù tan-‘natura, il-gravità u l-iskala’ tagħhom;
E. billi l-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għas-saltna tad-dritt f'livell internazzjonali u għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi taġixxi ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza u b'hekk proattivament tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali delitti u l-konsolidament tal-paċi dejjiema;
F. billi r-ratifika taż-żewġ Emendi ta’ Kampala min-naħa tal-Istati u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fuq ir-reat tal-aggressjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti dan ir-reat;
G. billi r-ratifika tal-Emendi ta’ Kampala u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem billi jikkriminalizzaw l-atti ta’ aggressjoni li ta’ sikwit ikunu fil-bidu tal-katina kawżali ta' vjolazzjoni kbar tal-jeddijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem;
H. billi l-kriminalizzazzjoni tal-atti ta’ aggressjoni se tħares ukoll il-jedd għall-ħajja tal-kombattenti li jintbagħtu illegalment għall-gwerra u ta’ dawk tal-istat li jisfa attakkat, u b’hekk tingħalaq lakuna fl-Istatut ta’ Ruma u fid-dritt umanitjarju internazzjonali, li kif inhuma bħalissa jħarsu biss iċ-ċittadini u kategoriji oħrajn ta’ ‘persuni protetti’;
I. billi l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għall-universalità tal-Istatut ta' Ruma, billi għadd ta' stati jista' jkun interessat jirratifika l-Istatut ta' Ruma kkompletat, inklużi l-Emendi ta' Kampala, li wkoll se jservu l-objettiv tal-politika nazzjonali tagħhom li jiswew ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza kontra tagħhom;
1. Iħeġġeġ lill-UE tadotta pożizzjoni komuni dwar id-delitti tal-aggressjoni u dwar l-Emendi ta’ Kampala;
2. Iħeġġeġ lill-UE tkun fuq quddiem nett fil-promozzjoni tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta’ Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni, fis-sostenn tal-isforzi li għaddejjin għall-ksib ta’ dan l-objettiv, u biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tagħha jkunu minn tal-ewwel li jirratifikaw l-emenda u mbagħad isostnu attivament id-deċiżjoni ta’ darba tal-Assemblea tal-Istati Parti għall-Istatu ta’ Ruma, ladarba jintlaħqu t-30 ratifika, li jattivaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI għad-delitt tal-aggressjoni;
3. Jissottolinja l-ħtieġa li jippromwovi attivament is-sostenn għall-QKI, għar-ratifika tal-Istatut ta' Ruma kif emendat u għar-ratifika taż-żewġ emendi ta' Kampala fl-azzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni, inter alia permezz tar-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) u d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-lok, inkluża l-assistenza teknika għall-Istati li qed ifittxu r-ratifika u/jew l-implementazzjoni;
4. Jistieden lill-UE timpenja ruħha fit-taqbida kontra l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt tal-aggressjoni, kif ukoll taħdem fit-taqbida ħalli l-impunità għall-vjolazzjonijiet serji tal-jeddijiet tal-bniedem issir prijorità għall-UE, u għall-Istati Membri, fir-relazzjonijiet esterni tagħhom; ifaħħar l-isforzi tal-UE fil-promozzjoni tal-implementazzjoni tal-istandards inġenerali tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-ottemperanza mal-istess, u b’mod partikolari mill-gruppi armati non-statali; għalhekk iħeġġeġ lir-RGħ/VP ittejjeb l-isforzi f’dan il-kamp;
5. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jallinjaw malajr il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-definizzjonijiet tal-Emendi ta' Kampala, kif ukoll mal-obbligi l-oħrajn skont l-Istatut ta' Ruma, ħalli jippermettu lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet nazzjonali tad-delitti mill-Istati Membri u ħalli jikkoperaw mal-Qorti;
6. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.
- [1] ĠU C 161 E, 31.5. 2011, p. 78.
- [2] ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 115.
- [3] Testi Adottati, P7_TA(2012)0126.