MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina
15.7.2014 - (2014/2723(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Gianni Pittella, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0071/2014
B8‑0071/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Istrixxa ta' Gaża, b'mod partikolari dik tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Gaża[1],
– wara li kkunsidra l-istqarrija tat-8 ta' Lulju 2014 mill-kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-isparar ta' missili minn Gaża u dwar l-operazzjonijiet ta' ritaljazzjoni kontinwi mill-Forzi ta' Difiża Iżraeljani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tal-1949,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, mill-anqas 175 persuna, fil-maġġoranza tagħhom ċivili, inkluż bosta tfal, inqatlu fl-Istrixxa ta' Gaża sa mit-tnedija tal-Operazzjoni Marġni ta' Protezzjoni (Operation Protective Edge) mill-Forzi ta' Difiża Iżraeljani fis-7 ta' Lulju 2014; billi, skont l-Awtorità Palestinjana, aktar minn 1 200 ġew midruba, u aktar minn 160 000 persuna ġew spustati, aktar minn 1 000 dar ġew meqruda u mijiet ta' eluf ta' persuni ġew affettwati bil-qerda ta' infrastruttura bażika fiż-żona;
B. billi, skont il-Gvern Iżraeljan ġew sparati 300 missila mill-Istrixxa ta' Gaża lejn l-Iżrael minn nofs Ġunju sas-7 ta' Lulju 2014; billi, skont il-Forzi ta' Difiża Iżraeljani, aktar minn 1 000 missila ġew sparati mill-Istrixxa ta' Gaża lejn l-Iżrael sa mis-7 ta' Lulju, u dawn ġew immirati lejn bersalli mbiegħda bħal Tel Aviv u t-Tramuntana tal-pajjiż; billi ġew sparati missili lejn it-territorju Iżraeljan anke mill-Libanu u mis-Sirja;
C. billi, fl-istqarrija tiegħu tat-12 Lulju 2014, il-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU esprima tħassib serju rigward il-kriżi marbuta ma' Gaża, u talab għal tnaqqis fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni, għar-ritorn tal-kalma u għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2012, u għar-rispett tad-dritt umanitarju internazzjoni, inkluż il-protezzjoni taċ-ċivili, u esprima l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija ta' negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani bil-għan li jinkiseb ftehim ta' paċi komprensiv abbażi ta' soluzzjoni ta' żewġ stati;
D. billi l-Eġittu ppropona pjan għall-waqfien mill-ġlied fl-14 ta' Lulju 2014, li ġie aċċettat mill-Gvern Iżraeljan; billi l-Ħamas s'issa għadhom ma tawx ir-reazzjoni formali tagħhom għal din il-proposta; billi numru ta' atturi internazzjonali oħrajn wissew kontra ż-żieda fl-eskalazzjoni tal-kriżi, talbu lil Ħamas u lill-militanti Palestinjani biex itemmu l-isparar tal-missili u wissew lill-Iżrael biex jiddesistu minn kwalunkwe invażjoni fuq l-art tal-Istrixxa ta' Gaża;
E. billi esprima l-appoġġ ripetut tiegħu għal soluzzjoni ta' żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien f'paċi u f'sigurtà;
1. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar is-sitwazzjoni kritika fl-Istrixxa ta' Gaża u fin-Nofsinhar tal-Iżrael; jibki t-telf ta' ħajjiet ta' ċivili, inkluż bosta tfal, fl-Istrixxa ta' Gaża; u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi innoċenti;
2. Jitlob it-tnaqqis minnufih fl-eskalazzjoni tal-kunflitt permezz ta' ftehim ta' waqfien mill-ġdid bejn iż-żewġ naħat u t-tmiem immedjat għall-atti ta' vjolenza kollha li jheddu l-ħajja taċ-ċittadini; jilqa' l-inizjattiva meħuda mill-Eġittu f'dan ir-rigward u d-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jaċċetta din il-proposta; jitlob lill-parti Palestinjana biex twieġeb b'mod pożittiv għal din l-inizjattiva;
3. Jitlob it-tmiem tal-isparar ta' missili b'mod indiskriminat immirati deliberatament lejn ċivili Iżraeljani u l-użu ta' tarki umani mill-Ħamas u mill-militanti Palestinjani fl-ostilitajiet; Filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt tal-Iżrael li jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu, jitlob lill-Iżrael biex jevita l-użu eċċessiv tal-forza u biex jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tiegħu skont id-dritt umanitarju internazzjonali u dak tad-drittijiet tal-bniedem għall-protezzjoni taċ-ċivili – speċjalment nisa u tfal – u tal-infrastruttura ċivili essenzjali fl-Istrixxa ta' Gaża; iwissi kontra invażjoni terrestri Iżraeljana fiż-żona, li twassal biex tintensifika aktar il-kunflitt u għal konsegwenzi umanitarji internazzjonali;
4. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, sabiex mingħajr dewmien, tinstab reazzjoni u soluzzjoni adegwata għall-kriżi attwali; iħeġeġġ lill-atturi reġjonali ewlenin, partikolarment lill-Eġittu u lill-Ġordan biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni;
5. Jitlob għal darb'oħra għat-tneħħija tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaza, għal mekkaniżmu ta' kontroll effikaċi li jipprevjeni l-kuntrabandu ta' armi fiż-żona, ir-rikonoxximent tal-bżonnijiet ta' sigurtà leġittimi tal-Iżrael, u għar-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Istrixxa ta' Gaża;
6. Itenni għal darb' oħra l-appoġġ qawwi tiegħu għal soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien f'paċi u f'sigurtà; jenfasizza, għal darb'oħra, il-fatt li l-miżuri nonvjolenti huma l-unika mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;
7. Jitlob, f'dan l-ispirtu, għal sforzi serji u kredibbli miż-żewġ naħat u mill-komunità internazzjonali biex jitkomplew it-taħdidiet diretti ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, biex jinkisbu riżultati konkreti f'dan it-taħdidiet; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu rwol politiku aktar attiv f'dan ir-rigward, inkluż permezz ta' inizjattiva u pjan Ewropew għall-paċi;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartet għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu u lill-Parlament u l-Gvern tal-Ġordan.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0454.