Proċedura : 2014/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0072/2014

Testi mressqa :

B8-0072/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 79k
15.7.2014
PE536.974v01-00
 
B8-0072/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina (2014/2723(RSP))


Tamás Meszerics, Bodil Ceballos, Margrete Auken, Judith Sargentini, Alyn Smith, Ernest Urtasun, Jan Philipp Albrecht, Rebecca Harms, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina (2014/2723(RSP))  
B8‑0072/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, b'mod partikolari dawk tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Gaża(1) u tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-każ ta' Arafat Jaradat u s-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani(2),

–       wara li kkunsidra l-missjoni tad-delegazzjoni ad hoc tiegħu ta' Marzu 2014 rigward id-detenzjoni tal-priġunieri u d-detenuti Palestinjani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar il-Lvant Nofsani tas-16 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u fil-Palestina, fosthom dawk tal-5 u tas-17 ta' Ġunju, u tat-2 u t-8 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Lulju 2014 u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-Moon, tat-13 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Iżrael u l-Palestina huma firmatarji tagħhom,

–         wara li kkunsidra l-aħħar rapporti adottati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-Territorju Palestinjan Okkupat,

 

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, fit-8 ta' Lulju 2014, l-armata Iżraeljana nediet operazzjoni militari fl-Istrixxa ta' Gaża, li tikkonsisti f'attakki mill-ajru tal-massa mill-art u mill-baħar, u li tinkludi qtil immirat ta' attivisti ta' Ħamas u ta' militanti Iżlamiċi oħra, kif ukoll il-bombardament ta' bosta siti f'Gaża, l-aktar f'żoni b'densità kbira ta' popolazzjoni; billi l-Iżrael ġabar eluf ta' truppi mal-fruntiera; billi l-Prim Ministru Netanyahu ma eskludiex il-possibbiltà ta' operazzjoni fuq skala kbira fuq l-art; billi t-truppi Iżraeljani ta' fuq l-art wettqu inkursjoni f'Gaża fit-13 ta' Lulju 2014;

B.     billi dan l-attakk militari seħħ minħabba deterjorament drammatiku fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, wara l-falliment tal-hekk imsejħa "inizjattiva għall-paċi Kerry" f'April 2014, is-serq u l-qtil ta' tliet żgħażagħ Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent fit-12 ta' Ġunju, operazzjoni sussegwenti b'effetti kbar fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, u l-qtil b'ritaljazzjoni ta' żagħżugħ Palestinjan f'Ġerusalemm tal-Lvant fit-2 ta' Lulju;

C.     billi, skont uffiċjali Palestinjani, l-attakki Iżraeljani li għadhom għaddejjin qatlu aktar minn 175 Palestinjan; billi, skont stima tan-Nazzjonijiet Uniti, aktar minn 80 % ta' dawk li mietu huma ċivili, li minnhom 20 % huma tfal; billi tal-anqas 1 200 Palestinjan indarbu, li minnhom żewġ terzi huma nisa u tfal; billi ċ-ċifri tan-nies maqtula jew midruba huma sostanzjalemt ogħla minn dawk rapportati wara l-ewwel ġimgħa tal-attakk "Pillar of Defence" mill-forzi Iżraeljani fl-2012; billi l-isptarijiet f'Gaża ma jistgħux ilaħħqu mas-sitwazzjoni ta' emerġenza minħabba n-numru għoli ta' persuni midruba u qed jirrapportaw nuqqas kbir ferm ta' mediċini u tagħmir mediku;

D.     billi l-attakki mill-ajru Iżraeljani laqtu diversi siti ċivili, inklużi l-moskea ċentrali ta' Gaża u dar Iżlamika għal persuni b'diżabilità; billi ġie rrapportat li aktar minn 940 dar inqerdu jew saritilhom il-ħsara; billi 17 000 Palestinjan fit-Tramuntana ta' Gaża fittxew il-kenn f'faċilitajiet tan-NU wara li l-Iżrael ħareġ twissijiet ta' attakki imminenti mill-ajru; billi bħalissa 400 000 ruħ jinsabu mingħajr elettriku minħabba l-attakki militari u l-popolazzjoni qed tbati wkoll minħabba nuqqas ta' ilma, u billi dan qed iħarrax is-sitwazzjoni li diġà hija estremament prekarja maħluqa mill-imblokk imtawwal tat-territorju min-naħa tal-Iżrael u l-Eġittu;

E.     billi uffiċjali Iżraeljani rrapportaw li ġew sparati madwar 1 000 rokit mill-Istrixxa ta' Gaża; billi ġew sparati wkoll rokits mis-Sirja u mil-Libanu fit-13 ta' Lulju 2014; billi ġie rrapportat li dawn ir-rokits waslu saħansitra sa Ħajfa, Tel Aviv u Ġerusalemm; billi ġie rrapportat li t-tarka Iżraeljana ta' difiża kontra l-missili, "Iron Dome", interċettat numru kbir minn dawn ir-rokits; billi ġie rrapportat li erba' Iżraeljani ndarbu mill-bidu tal-attakk iżda ma nqatel ebda Iżraeljan; billi l-awtoritajiet Iżraeljani jakkużaw lil Ħamas li qed jispara r-rokits indiskriminatament lejn ċittadini Iżraeljani mill-Istrixxa ta' Gaża filwaqt li jistaħba wara l-popolazzjoni tiegħu u juża liċ-ċivili bħala tarki umani;

F.     billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moo esprima allarm rigward l-ostilitajiet f'Gaża u wissa li attakk Iżraeljan fuq l-art "mingħajr dubju jżid l-għadd ta' mejtin u jħarrax it-tbatija taċ-ċivili fl-Istrixxa ta' Gaża"; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab waqfien mill-ġlied kif ukoll li jsiru taħditiet imġedda favur il-paċi; billi l-Kunsill tas-Sigurtà sal-lum naqas milli jaqbel dwar riżoluzzjoni rigward il-kriżi attwali;

G.     billi l-President Palestinjan Mahmoud Abbas talab lin-Nazzjonijiet Uniti biex iqiegħdu lill-Palestina taħt "protezzjoni internazzjonali" minħabba s-sitwazzjoni li sejra għall-agħar f'Gaża;

H.     billi, wara laqgħa ta' emerġenza tal-Lega Għarbija fil-Kajr fl-14 ta' Lulju, il-President Eġizzjan ippropona waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-gruppi Palestinjani fl-Istrixxa ta' Gaża; billi r-reazzjoni tal-partijiet għal din l-inizjattiva għadha mhijiex magħrufa; billi s-Segretarju tal-Istat Amerikan Kerry se jżur il-Kajr nhar it-Tlieta 15 ta' Lulju [għad trid tiġi aġġornata];

I.      billi l-Karta tan-NU, b'mod partikolari l-Artikolu 51 tagħha, tipprevedi b'mod espliċitu d-dritt tad-difiża leġittima individwali jew kollettiva f'attakk armat; billi l-isparar indiskriminat ta' rokits jikkostitwixxi ksur tad-dritt umanitarju;

J.      billi l-Iżrael akkuża lil Ħamas li huwa responsabbli għas-serq u l-qtil ta' tliet żgħażagħ Iżraeljani qrib insedjamenti fit-Tramuntana ta' Ħebron fit-12 ta' Ġunju, iżda għadu ma ġabarx provi rigward dan; billi Ħamas ċaħad ir-responsabbiltà għal dan id-delitt; billi fl-14 ta' Lulju 2014 ġie rrapportat li tliet Lhud Iżraeljani ammettew li qatlu ż-żagħżugħ Palestinjan, Mohammed Abu Khadir, f'Ġerusalemm tal-Lvant, b'ritaljazzjoni għall-qtil ta' tliet żgħażagħ Iżraeljani;

K.     billi l-forzi tas-sigurtà Iżraeljani kienu involuti f'operazzjoni ħarxa fix-Xatt tal-Punent b'reazzjoni għas-sekwestri, li kienet tinkludi l-użu illegali tal-forza, arresti arbitrarji ta' aktar minn 700 Palestinjan, li minnhom 450 għadhom detenuti u tal-anqas 150 jinsabu f'detenzjoni amministrattiva, u twaqqigħ punittiv ta' djar; billi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ddenunzjaw din il-kampanja kontra Ħamas bħala waħda ta' kastig kollettiv; billi waqt l-operazzjonijiet ta' tiftix il-forzi tas-sigurtà Iżraeljani qatlu sitt Palestinjani, fosthom diversi żgħażagħ, wara ġlied fil-kampijiet tar-refuġjati; billi l-uffiċċji tal-kumpaniji tal-midja, Transmedia u Palmedia, ġew irrejdjati u t-tagħmir tagħhom ġie ssekwestrat fit-18 u fit-22 ta' Ġunju 2014, minħabba r-rwol tagħhom fl-appoġġ tal-allegat inċitament għall-vjolenza; billi Human Rights Watch stmat li mit-12 ta' Ġunju 2014 l-armata Iżraeljana wettqet 1 600 rejd u tiftixa ta' djar, negozji u siti oħra Palestinjani;

L.     billi, minkejja appelli internazzjonali, l-imblokk Iżraeljan tal-Istrixxa ta' Gaża ilu fis-seħħ mill-2007, bi kriżi umanitarja profonda li qed taffettwa l-popolazzjoni ta' 1.7 miljun ruħ tal-Istrixxa;

M.    billi n-negozjati bejn iż-żewġ naħat għal riżoluzzjoni komprensiva tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani ġew sospiżi sine die, wara li l-Gvern Iżraeljan ma żammx l-impenn li kien ħa li jirrilaxxa l-aħħar grupp ta' priġunieri Palestinjani f'April 2014; billi l-espansjoni tal-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent qed tkompli, u din ġiet ikkritikata reċentement minn dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-5 ta' Ġunju 2014; billi l-insedjamenti Iżraeljani fit-Territorji Okkupati huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jdgħajfu l-isforzi favur il-paċi u l-vijabbiltà ta' soluzzjoni ta' żewġ stati;

N.     billi evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mat-Territorju Palestinjan Okkupat u tal-appoġġ lill-poplu Palestinjan, imwettqa f'isem il-Kummissjoni f'Mejju 2014, ikkonkludiet li l-paradigma ta' kooperazzjoni attwali kienet laħqet il-limiti tagħha fin-nuqqas ta' direzzjoni politika parallela mill-UE biex tindirizza l-ostakli mill-politiki Iżraeljani ta' okkupazzjoni u insedjament u mid-diviżjoni politika tax-Xatt tal-Punent u Gaża;

1.      Jikkundanna bil-qawwa ċ-ċiklu ġdid ta' vjolenza fl-Istrixxa ta' Gaża u madwarha u jiddenunzja l-attakki odjużi mwettqa kontra ċ-ċivili; jappella għal tmiem tal-operazzjonijiet militari u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jaqblu minnufih dwar waqfien mill-ġlied;

2.      Huwa mkexkex ferm minħabba l-imwiet drammatiċi ta' Palestinjani, fosthom ħafna tfal, u minħabba l-qerda kkawżata lill-infrastruttura ċivili, b'riżultat tal-attakki militari Iżraeljani; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi, u jitlob li jsiru sforzi akbar biex titwassal għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni ta' Gaża assedjata u milquta mill-kunflitt;

3.      Iwissi li invażjoni Iżraeljana oħra tal-Istrixxa ta' Gaża jista' jkollha konsegwenzi enormi fil-Lvant Nofsani kollu, u din tkompli tkabbar sitwazzjoni diġà drammatika fir-reġjun;

4.      Jilqa' l-isforzi kollha biex tiġi nnegozjata tregwa permanenti bejn il-partijiet u jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex iżidu l-pressjoni diplomatika sabiex dawn l-azzjonijiet jiġu appoġġati;

5.      Iqis li sempliċi appell biex jiġi rrispettat il-waqfien mill-ġlied li ġie nnegozjat wara l-attakk Iżraeljan kontra Gaża fl-2012 huwa ferm 'il bogħod minn rispons sinifikanti fit-tul; jitlob li l-imblokk ta' Gaża jintemm minnufih, partikolarment bl-għan li l-għajnuna umanitarja tkun tista' tingħata u titqassam madwar Gaża bla xkiel; huwa preokkupat, f'dan ir-rigward, dwar il-fondi insuffiċjeti tal-UE ppjanati għall-UNRWA għall-2015 u jitlob li l-appoġġ ikun proporzjonat għall-ħtiġijiet kritiċi fil-prattika;

6.      Jenfasizza li r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali u għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkustanzi kollha għadu prerekwiżit essenzjali biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani; jissottolinja r-responsabbiltà tal-Iżrael, bħala s-setgħa okkupanti, li tikkonforma mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li teżerċita l-akbar rażan;

7.      Ifakkar li d-dritt ta' difiża leġittima individwali jew kollettiva f'attakk armat irid ikun proporzjonat u bl-ebda mod ma jista' jiddependi fuq atti indiskriminati ta' ritaljazzjoni li jirriżultaw, fil-prattika, f'kastigi kollettivi; iqis li sparar kontinwu f'żoni ċivili wara waqfien mill-ġlied unilaterali possibbli huwa inaċċettabbli;

8.      Jiddenunzja l-qtil odjuż ta' erba' żgħażagħ f'Ħebron u f'Ġerusalemm, li ġie kkundannat b'mod universali; jenfasizza li r-risposta għal tali delitti terribbli ma tistax tkun aktar tixrid ta' biża', inċitament għall-mibegħda jew kastig kollettiv;

9.      Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jerġgħu jibdew it-taħditiet favur il-paċi bis-serjetà; itenni l-fehma tiegħu li m'hemmx alternattiva għal riżoluzzjoni nnegozjata komprensiva tal-kunflitt li twassal għal soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-Iżrael u stat Palestinjan jgħixu qrib xulxin fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti internazzjonalment imsejsa fuq il-qafas tal-1967; jitlob darb'oħra, f'dan ir-rigward, li jitwaqqfu l-insedjamenti Iżraeljani kollha fix-Xatt tal-Punent, anke biex titwitta t-triq għall-bidu mill-ġdid ta' negozjati kostruttivi u sostanzjali bejn il-partijiet;

10.    Itenni, f'dan il-kuntest, li l-ħatra ta' Tony Blair bħala mibgħut speċjali għall-Kwartett tal-Lvant Nofsani (Stati Uniti, Nazzjonijiet Uniti, Unjoni Ewropea u Russja) kienet għażla żbaljata u kienet imtappna minn kunflitti ta' interess, u li l-mandat tiegħu għandu jiġi rrevokat; jitlob li jsir rieżami fil-fond tar-rwol u r-rilevanza tal-Kwartett; jinsisti fuq l-importanza li n-NU jiżvolġu rwol effikaċi b'appoġġ għal bidu mill-ġdid tat-taħditiet favur il-paċi;

11.    Jilqa' l-passi inkoraġġanti lejn rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana u l-formazzjoni ta' gvern teknokratiku, li nkisbu qabel l-attakk militari Iżraeljan; jistieden lill-forzi Palestinjani kollha jerġgħu jibdew jaħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni; jiddenunzja l-isforzi biex jiġi pperikolat dan il-proċess potenzjalment storiku u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrilaxxaw lil kull min ġie arrestat mit-12 ta' Ġunju b'reazzjoni għas-serq u l-qtil tat-tliet żgħażagħ Iżraeljani jew jakkużawhom b'reat rikonoxxut;

12.    Jitlob embargo totali fuq l-armi min-naħa tan-NU għall-partijiet kollha fir-reġjun sabiex jiġi evitat ksur ulterjuri tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;

13.    Jappoġġa l-appell ta' Amnesty International għal inkjesta internazzjonali kkummissjonata min-NU dwar ksur imwettaq miż-żewġ naħat;

14.    Jistieden lill-UE tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha bħala attur influwenti u tieħu inizjattiva ċara u komprensiva favur il-paċi fir-reġjun, anke billi tuża l-poteri kollha għad-dispożizzjoni tagħha, partikolarment dawk ġuridiċi, ekonomiċi u diplomatiċi, biex tippromwovi r-rispett effettiv tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

15.    Itenni li t-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael irid jiddependi ferm fuq rispett strett tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tneħħija minnufih tal-imblokk fl-Istrixxa ta' Gaża, waqfien totali tal-kostruzzjonijiet ta' insedjamenti fix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, u impenji u azzjonijiet reali bl-għan ta' riżoluzzjoni komprensiva favur il-paċi;

16.    Huwa preokkupat li proġetti ta' żvilupp f'Gaża ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri setgħu nqerdu jew setgħet saritilhom il-ħsara b'riżultat tal-attakk Iżraeljan, u jitlob li l-VP/RGħ tirrapporta dwar il-valutazzjoni tal-ħsarat mis-servizzi tal-Kummissjoni u, jekk dawn jiġu kkonfermati, tirrapporta dwar pjanijiet b'reazzjoni għall-qerda ripetuta ta' proġetti ffinanzjati mill-UE min-naħa tal-Iżrael;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-korpi tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2012)0454.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0102.

Avviż legali - Politika tal-privatezza