Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0073/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0073/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

15.7.2014 - (2014/2723(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Gunnar Hökmark, Michèle Alliot-Marie f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0071/2014

Proċedura : 2014/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0073/2014
Testi mressqa :
B8-0073/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0073/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

(2014/2723(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, partikolarment dawk tat-12 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Lulju 2014 mill-portavuċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-isparar ta' rokits minn Gaża u l-operazzjonijiet ta' ritaljazzjoni kontinwi mill-Forzi ta' Difiża Iżraeljani,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-12 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi t-tliet studenti Iżraeljani li nħatfu fit-12 ta' Ġunju 2014 mix-Xatt tal-Punent inqatlu u nstabu viċin Ħebron fit-30 ta' Ġunju 2014; billi bħala ritaljazzjoni nħataf tifel Palestinjan u dan inqatel f'Ġerusalemm fit-2 ta' Lulju 2014;

1.      Jikkundanna fl-aktar termini b'saħħithom il-qtil tat-tliet studenti Iżraeljani u tat-tifel Palestinjan; jesprimi tħassib gravi dwar is-sitwazzjoni f'Gaża u fl-Iżrael u jqis bħala enormement deplorevoli t-telf ta' ħajjiet ċivili; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji u mal-ħbieb tal-vittmi; jisħaq fuq il-fatt li kull attakk irid jieqaf minnufih, billi jikkaġuna tbatija inġustifikata fost ċivili innoċenti u jappella għal tnaqqis urġenti fl-eskalazzjoni u għat-tmiem tal-ostilitajiet;

2.      Jappella għat-tmiem tal-attakki bir-rokits fuq l-Iżrael mill-istrixxa ta' Gaża, li Ħamas u l-gruppi armati l-oħra f'Gaża għandhom iwaqqfu, kif ukoll tal-attakki Iżraeljani fuq Gaża; jisħaq fuq il-bżonn li ż-żewġ naħat jirrispettaw totalment id-dritt umanitarju internazzjonali;

3.      Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat tal-Iżrael li jgħix fis-sigurtà u Stat tal-Palestina indipendenti u fattibbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà;

4.      Jenfasizza, għal darb'oħra, il-fatt li l-miżuri paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob għal darb'oħra l-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-issuktar ta' taħditiet ta' paċi diretti bejn iż-żewġ partijiet;

5.      Jilqa' favorevolment l-inizjattiva ta' paċi Eġizzjana u l-aċċettazzjoni tagħha min-naħa Iżraeljana u jistieden lil Ħamas jaċċetta wkoll din l-inizjattiva;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern tal-Iżrael u lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.