Proċedura : 2014/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0074/2014

Testi mressqa :

B8-0074/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 127kWORD 58k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0071/2014
15.7.2014
PE536.976v01-00
 
B8-0074/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina (2014/2723(RSP))


Charles Tannock, Bas Belder f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina (2014/2723(RSP))  
B8‑0074/2014

Il-Parlament Ewropew,

A.     billi l-aggressjoni u t-terrur kostanti ta' Ħamas fil-konfront tal-Iżrael u taċ-ċittadini tiegħu poġġiet lill-Iżrael f'pożizzjoni li jkollu jiddefendi ruħu u ċ-ċittadini tiegħu kontra tali aggressjoni;

B.     billi Ħamas huwa deżinjat bħala organizzazzjoni terroristika mill-UE u mill-Iżrael;

C.     billi l-Iżrael aċċetta l-inizjattiva Eġizzjana għall-waqfien mill-ġlied fil-15 ta' Lulju 2014, filwaqt li Ħamas irrifjutaha u afferma li sejjer jintensifika l-ġlieda tiegħu kontra l-Iżrael, u ressaq talbiet irrealizzabbli;

D.     billi bejn it-12 ta' Ġunju u s-7 ta' Lulju 2014 Ħamas u l-organizzazzjonijiet terroristiċi l-oħrajn fl-istrixxa ta' Gaża sparaw 300 rokit indiskriminatament lejn l-Iżrael, bl-intenzjoni li jikkawżaw ħsara ċivili gravi;

E.     billi attwalment Ħamas għandu 12 000 missila mmirati lejn il-bliet Iżraeljani grazzi għall-investiment qawwi tiegħi f'armi offensivi;

F.     billi, skont iċ-ċifri, 174 Palestinjan inqatlu u stima ta' 1 230 ruħ oħra sfaw feruti, fosthom ġellieda terroristiċi li huma parti minn Ħamas u minn organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn f'Gaża;

G.     billi huwa magħruf li Ħamas juża ċ-ċivili Palestinjani bħala tarki umani u għamel appell liċ-ċivili Palestinjani biex jerġgħu lura lejn djarhom, filwaqt li l-Iżrael avża li ż-żoni kkonċernati kienu se jkunu attakkati;

H.     billi 240 Iżraeljan sfaw feruti;

I.      billi l-gvern Iżraeljan attwalment qiegħed jippermetti provvista ta' ikel akbar mis-soltu matul l-operazzjoni Marġni ta' Protezzjoni (Protective Edge), u fl-10 ta' Lulju 2014 ħalla jidħlu f'Gaża 200 trakk li ġarr ikel u provvisti bażiċi;

J.      billi fl-10 ta' Lulju 2014 is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, qal lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li kien hemm riskju reali ta' eskalazzjoni assoluta fl-Iżrael u f'Gaża;

1.      Jappella biex jerġa' jiġi proklamat immedjatament il-waqfien mill-ġdid ta' Novembru 2012; jikkundanna bis-saħħa l-attakki bir-rokits fuq l-Iżrael mill-istrixxa ta' Gaża, li Ħamas u l-gruppi terroristiċi l-oħrajn f'Gaża għandhom iwaqqfu minnufih;

2.      Jisħaq fuq il-bżonn predominanti ta' Gaża demilitarizzata u waqfien fl-armament ta' Ħamas abbażi tal-awtoproduzzjoni;

3.      Jenfasizza li l-Iżrael għandu d-dritt li jipproteġi l-popolazzjoni minn kull tip ta' attakk, u wera moderazzjoni kbira fl-operazzjoni militari tiegħu f'Gaża biex jeqred il-postijiet minn fejn jiġu sparati r-rokits u l-missili fuq distanza medja u twila stazzjonati hemmhekk, użati deliberatament u indiskriminatament biex jimmiraw lejn il-popolazzjoni ċivili Iżraeljana; jisħaq fuq il-bżonn li ż-żewġ naħat jirrispettaw totalment id-dritt umanitarju internazzjonali u ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attakki mmirati deliberatament fuq ċivili innoċenti, fatt li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali;

4.      Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar fil-medjazzjoni ta' waqfien mill-ġlied, u jħeġġeġ lill-Awtorità Palestinjana terġa' tiftaħ id-djalogu tagħha mal-Iżrael; jilqa' pożittivament kull ristabbiliment futur tal-Awtorità Palestinjana bħala l-awtorità ta' kontroll f'Gaża;

5.      Jisħaq li kemm iċ-ċittadini Iżraeljani kif ukoll dawk Palestinjani għandhom id-dritt jgħixu fil-paċi u fis-sigurtà;

6.      Josserva bi tħassib li minħabba l-fatt li Ħamas jikkontrolla l-istrixxa ta' Gaża, madwar 17 000 ċittidin ta' Gaża qegħdin attwalment ifittxu kenn għand in-NU u li eluf jinsabu mingħajr faċilitajiet bażiċi, fosthom ilma, sanità, elettriku u ikel; josserva wkoll li l-fjuwil u l-provvisti mediċi qegħdin isiru skarsi;

7.      Itenni s-sostenn kontinwu tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, li għandha tkun innegozjata bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani għal Stat tal-Iżrael li jgħix fis-sigurtà u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u fattibbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà;

8.      Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi diplomatiċi internazzjonali intiżi li jikkalmaw il-vjolenza bejn iż-żewġ naħat partikolarment dawk tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jilqa' pożittivament il-fatt li l-Istati Membri tal-UE qegħdin jiżvolġu rwol politiku aktar attiv fl-isforzi mmirati lejn il-ksib ta' paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; isostni r-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex terġa' ġġib il-paċi u s-sigurtà;

9.      Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu relazzjonijiet kummerċjali trilaterali mal-Iżrael u mal-Awtorità Palestinjana;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza