MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola
16.9.2014 - (2014/2842(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nirj Deva, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0107/2014
B8‑0107/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' 'emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali' tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għar-rispons tal-Ebola tal-WHO tat-28 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni dwar it-tfaqqigħ tal-Ebola' fil-Punent tal-Afrika mill-Kummissarju għas-saħħa, Tonio Borg tat-8 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola' mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva tal-5 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra il-missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), 'Appoġġ mill-UA għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent' (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta' Awissu 2014,
– wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 'l fuq minn 2 000 ruħ s'issa mietu fil-Ginea, Sjerra Leone, fil-Liberja, is-Senegal u n-Niġerja waqt it-tfaqqigħ attwali tal-Ebola fir-reġjun tal-Puntent tal-Afrika, li huwa l-akbar fl-istorja f'termini ta' każi rreġistrati, għadd ta' fatalitajiet u kopertura ġeografika;
B. billi l-kriżi tal-Ebola tibqa' ta' tħassib estrem, mhux biss fir-rigward tal-għadd ta' mwiet dejjem jikber, iżda wkoll fir-rigward tal-isfidi usa' li tpoġġi fir-reġjun f'termini ta' instabbiltà politka u ekonomika, nuqqas ta' ilma u ta' sanità u insigurtà tal-ikel;
C. billi l-marda pandemika tal-Ebola nfirxet f'pajjiżi li diġà huma fraġli u politikament instabbli li, minħabba n-nuqqas ta' servizzi soċjali jew sistemi ta' kura tas-saħħa komprensiva tagħhom, huma b'mod partikulari vulnerabbli għal dan it-tfaqqigħ;
D. billi s-sitwazzjoni hija aggravata min-nuqqas ta' fiduċja tal-poplu lokali fil-gvernijiet rispettivi tagħhom, fl-awtoritajiet internazzjonali u fil-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa barranin; billi din in-nuqqas ta' fiduċja u teoriji ta' kospirazzjoni li jakkompanjahom jagħmlu l-popolazzjoni lokali suxxettibbli biex ma tirrispettax miżuri ta' kwarantina u tirreżisti kull tentattiv minn persunal mediku biex tqajjem għarfien pubbliku;
E. billi l-laħam tal-annimali slavaġġ, wieħed mis-sorsi prinċipali li jġorr il-mard, ikompli jkun sors ewlieni tal-proteini disponibbli għall-popolazzjoni fil-Punent tal-Afrika; billi projbizzjonijiet preċedenti tal-gvern fuq in-negozzju u l-konsum tal-laħam tal-annimali slavaġġ ġiet injorata bil-kbir mill-popolazzjoni lokali;
F. billi r-rispons umanitarju huwa mmexxi b'mod sħiħ mill-komunità internazzjonali, permezz tal-Médicins Sans Frontières, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Bank Dinji, kif ukoll l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;
G. billi d-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni Ewropea wiegħed 'il fuq minn EUR 147 miljun f'għajnuna umanitarja u żvilupp ta' tagħmir mediku li huwa kritiku għad-dijanjosi, tagħmir ta' sterilizzar, ilbiesi ssiġillati u apparat ta' konteniment;
H. billi esperti umanitarji tal-UE ntbagħtu fir-reġjun biex jissorveljaw is-sitwazzjoni u jżommu kuntatt mall-organizzazzjonijiet imsieħba u l-awtoritajiet lokali;
1. Jilqa' u jħeġġeġ iż-żieda kontinwa fl-impenn finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea f'termini ta' għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp b'rispons għall-kriżi, u speċjalment l-appoġġ tagħha għall-missjoni ASEOWA tal-Unjoni Afrikana;
2. Jikkunsidra l-pjan direzzjonali għar-rispons tal-Ebola tal-WHO bħala bażi għall-attivitajiet ta' prijorità, b'mod partikolari r-rispons differenzjat tal-pajjiżi b'trażmissjoni mxerrda ħafna u każijiet suspettati fil-pajjiżi tal-viċinat fejn il-preparamenti għandhom jiġu msaħħa;
3. Iħeġġeġ biex issir laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi strateġija biex jiġi mmobilizzat rispons mediku biex tingħata għajnuna umanitarja mill-Istati Membri b'mod ikkoordinat;
4. Jirrimarka li, fil-mument, ma hemm l-ebda vaċċin disponibbli u l-aqwa approċċ jinvolvi l-iżolament tal-pazzjenti u l-indirizzar tas-sintomi awżiljarji tal-virus;
5. Jitlob għal azzjoni edukattiva u informattiva biex titqajjem sensibbilizzazzjoni tas-sisntomi u miżuri preventivi permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, sabiex jiffaċilitaw il-fiduċja u kooperazjoni popolari mal-miżuri kontra l-Ebola;
6. Jitlob għal assistenza kontinwa tittwassal liċ-ċentri ta' emerġenza, ċentri ta' kwarantina, mekkaniżmi ta' sorveljanza, valutazzjoni tar-riskju u riċerka fl-iżvilupp tal-vaċċin biex tittratta l-Ebola; jirrikonoxxi li ċerti trattamenti sperimentali diġà jeżistu, iżda minħabba l-istadju bikri tad-droga żviluppata, għad ma hemm l-ebda sistema stabbilita biex timmanifatturahom u tqassamhom, anke jekk dawn ikunu pruvati li huma effettivi;
7. Jitlib lill-Unjoni Afrikana, bl-appoġġ qawwi tal-esperti tal-WHO u tal-finanzjament tal-Kummissjoni Ewropea, biex iħeġġeġ lil ECOWAS tistabbilixxi Missjoni ta' Rispons ta' Emerġenza minn Korpi Mediċi li l-unitajiet tagħha jkunu jistgħu jitqegħdu f'ajruporti internazzjonali u fil-qsim tal-fruntieri ewlenin sabiex jidentifikaw u jżommu l-każijiet kollha ta' infezzjoni;
8. Jappella għal miżuri fit-tul biex jipprevenu tfaqqigħ fil-futur permezz ta' investiment sostenibbli f'sistemi tal-kura tas-saħħa lokali, peress li kliniki b'ammont ta' persunal xieraq u bi provvisti tajba jgħinu lill-pajjiżi affiljati jkampaw mhux biss ma' kriżijiet temporanji iżda wkoll ma' mard aktar komuni bħal malarja (li hija responsabbli għall-mewt ta' 3 200 persuna kuljum fid-dinja) u l-mard tad-dijarea (li jieħu l-ħajja ta' 5 000 persuna kuljum, ħafna minnhom tfal);
9. Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.