Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0108/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0108/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola

16.9.2014 - (2014/2842(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michèle Rivasi, Maria Heubuch, Keith Taylor, Judith Sargentini, Claude Turmes, Jean Lambert, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0107/2014

Proċedura : 2014/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0108/2014
Testi mressqa :
B8-0108/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0108/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola

(2014/2842(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' "emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali" tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għar-Rispons tal-Ebola tal-WHO tat-28 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Africa mill-Kummissarju għas-Saħħa, Tonio Borg, tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Ministru għad-Difiża tal-Liberja, Brownie Samukai, quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-theddida li qed jirrappreżenta t-tfaqqigħ tal-Ebola għal pajjiżu,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva, tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi it-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Africa s'issa kkawża l-mewt ta' aktar minn 2 400 persuna; billi din l-epidemija hija inkontrollabbli u qed thedded is-saħħa pubblika internazzjonali;

B.     billi n-numru ta' każijiet rapportati tal-Ebola hu ta' iktar minn 4 300, u li m'għandhomx jintesew dawk il-każijiet mhux rapportati ta' persuni infettati bl-Ebola u ta' mwiet bl-Ebola;

C.     billi, għall-ewwel darba fl-istorja, il-popolazzjoni dinjija qed tħabbat wiċċha ma' epidemija li l-propagazzjoni tagħha tista' tiġi aċċellerata minħabba l-mobbiltà globali tan-nies;

D.     billi hija allarmanti l-inadegwatezza tar-rispons tal-UE u tal-komunità internazzjonali biex jiġi indirizzat l-agħar tfaqqigħ tal-Ebola li qatt kien irreġistrat, u li għandu jitqies bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta' dimensjoni internazzjonali;

E.     billi bosta pajjiżi żviluppati, inkluża l-UE, għandhom mekkaniżmi ta' rispons għat-theddid bioloġiku u jistgħu jibagħtu gruppi mediċi mħarrġa b'mod organizzat u b'linja ta' kmand li tiżgura livelli għolja ta' sigurtà u effiċjenza fl-għotja ta' appoġġ lill-pajjiżi milquta;

F.     billi t-tixrid ulterjuri tal-vajrus mhux se jitwaqqaf mingħajr l-iskjerament massiv ta' persunal mediku professjonali u tagħmir adegwat, inkluż pont tal-imbark, sabiex tingħata spinta lill-isforzi ta' kontroll tal-epidemija fil-pajjiżi milquta;

G.     billi l-ġlieda kontra l-Ebola s'issa ddependiet fuq ministeri tas-saħħa u organizzazzjonijiet mhux governattivi privati mgħobbijin iżżejjed, bħal Médecins Sans Frontières, sabiex jaffrontaw it-tfaqqigħ eċċezzjonalment estiż tal-Ebola;

H.     billi, fir-reġjuni milquta fil-Punent tal-Afrika, is-sistema tas-saħħa pubblika ordinarja kkollassat;

I.      billi t-tfaqqigħ qed ikollu impatt akut fil-Ginea, il-Liberja u s-Sjerra Leone, fejn rriżulta f'nuqqas ta' ikel, żieda fil-prezzijiet u interruzzjoni fil-provvista tal-ikel lis-swieq;

1.      Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex joħorġu bi pjan ta' azzjoni rapidu u konkret li jinkludi l-iskjerament ta' gruppi mediċi professjonali, il-forniment ta' tagħmir adegwat u taħriġ tal-persunal professjonali lokali;

2.      Jistieden lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tikkoordina rispons internazzjonali u adegwat li jikkorrispondi mal-urġenza tal-epidemija, b'linja ta' kmand li tiżgura livelli għolja ta' sigurtà u effiċjenza fl-għotja ta' appoġġ lill-pajjiżi milquta;

3.      Jemmen li l-persunal mediku lokali għandu jkun involut f'kull livell tal-linja ta' kmand sabiex ifejjaq l-popoluzzjoni milquta u jikkoordina bejn il-popolazzjoni u l-persunal mediku internazzjonali;

4.      Jitlob li jinħolqu ċentri ta' trattament tal-Ebola sabiex tiżdied il-kapaċità ta' iżolament u jittaffa l-piż minn fuq is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi milquta, li wħud minnhom waslu biex ifallu;

5.      Jitlob li tiġi stabbilita politika ta' ġestjoni tar-riskju sabiex jitħarreġ il-persunal tas-saħħa lokali u jittejbu l-intrastrutturi dgħajfa tas-saħħa, inkluża l-provvista ta' ilma nadif u tajjeb għax-xorb;

6.      Jitlob li jiġu stabbiliti kanali ta' komunikazzjoni aktar b'saħħithom permezz ta' stazzjonijiet tar-radju nazzjonali u komunitarji li jinfurmaw u jissensibilizzaw lill-popolazzjoni dwar l-epidemija u l-passi li għandhom jittieħdu biex tiġi evitata t-trażmissjoni tagħha u tgħin lin-nies jipproteġu lilhom infushom;

7.      Jitlob ukoll li ssir distinzjoni ċara bejn it-testijiet ta' tilqim tal-Ebola u t-trattament li jingħata lil persuni infettati mill-Ebola; jitlob li l-provi kliniċi tal-vaċċin għall-Ebola jirrispettaw ir-regoli fis-seħħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).