Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0109/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0109/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja, u l-offensiva tal-ISIS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi

16.9.2014 - (2014/2843(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Anna Elżbieta Fotyga, Peter van Dalen, Ryszard Czarnecki, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Geoffrey Van Orden, Bas Belder, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0109/2014

Proċedura : 2014/2843(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0109/2014
Testi mressqa :
B8-0109/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0109/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewroper dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja, u l-offensiva tal-ISIS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi

(2014/2843(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq, inkluż dik tas-17 ta' Lulju 2014[1], u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

–       - wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-15 ta' Awwissu 2014 tal-Kunsill Affarijiet Barranin,

–       - wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa speċjali tat-30 ta' Awwissu 2014 tal-Kunsill Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 1992 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li ġew adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2170 tal-15 ta' Awwissu 2014 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn gruppi estremisti fl-Irak u fis-Sirja, u dwar l-approvazzjoni ta' sanzjonijiet kontra militanti fl-Iraq u s-Sirja

–       - wara li kkunsidra ċ-ċifri ta' diżgrazzji tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI),

–       - wara li kkunsidra d-dikjrarazzjoni tal-KSNU dwar l-aċċess għall-bjar u l-pajpijiet taż-żejt u l-qbid tagħhom fis-Sirja u fl-Iraq mill-ġellieda tal-Istat Iżlamiku (IS),

–       - wara li kkunsidra l-kummenti tal-25 ta' Lulju 2014 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Chaloka Beyani dwar id-drittijiet tal-bniedem ta' persuni spustati internament,

–       - wara li kkunsidra l-kummenti tat-8 ta' Settembru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar il-vjolenza fis-Sirja u l-Iraq,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet riċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-vjolenza fl-Iraq u s-Sirja,

–       - wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Awwissu 2014 tal-President tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-instabbiltà fir-reġjun qed tinfirex u jekk ma tiġix ikkontrollata tista' twassal biex żoni kbar tal-Lvant Nofsani jsiru rifuġju għal terroristi u estremisti internazzjonali;

B.     billi l-potenzjal għal era ġdida ta' stabilità u demokrazija li rriżulta mir-rewwixti tar-Rebbiegħa Għarbija tal-2010 ġie sostitwit b'perjodu ta' instabilità u vjolenza fir-reġjun mingħajr preċedent;

C.     billi l-gwerra ċivili li ilha għaddejja żmien twil fis-Sirja pprovdiet l-IS b'opportunitajiet biex itejbu l-preżenzja tagħhom kemm hemmhekk kif ukoll fl-Iraq;

D.     billi ġie rappurtat li mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, issieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE;

E.     billi skont l-aħħar stimi, l-IS jista' jkollhom numru ta' ġellieda li jasal sa 31 000 fl-Iraq u s-Sirja, tlett darbiet aktar mill-ammont li wieħed beża' li ħa jkun hemm fi previżjonijiet preċedenti;

F.     billi l-aggravar riċenti tat-theddid tal-IS qed iżid il-ħtiġijiet umanitarji ta' persuni diġà spustati minn vjolenza kemm fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja; billi l-vjolenza qed tqiegħed ukoll aktar pressjoni fuq il-pajjiżi ġirien li kienu qed jipprovdu rifuġju sikur għal dawk li qed jaħarbu mill-vjolenza u l-kunflitt qabel l-aħħar rewwixta tal-IS; billi l-feroċità tar-rewwixta tal-IS probabbilment ħa żżid iċ-ċifra ta' persuni spustati;

G.     billi n-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapurtaw abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq u s-Sirja mill-IS, inkluż qtil immirat lejn gruppi etniċi u reliġjużi ta' minoranza; billi t-tħassib dwar il-benessri ta' dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-IS qed jiżdied;

H.     billi skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), huwa stmat li 1.8 miljun Iraqqin ġew spustati sa mill-bidu tas-sena, fejn nofshom huma tfal; billi madwar 11-il miljun persuna fis-Sirja jeħtieġu għajnuna umanitarja u tlett miljun ħarbu lejn pajjiżi ġirien;

I.      billi l-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti reġa' beda jipprovdi assistenza għall-ikel għal partijiet tal-Iraq għall-ewwel darba minn Mejju 2014, fejn qed jibgħat għajnuna lil 76 000 persuna li huma parti minn spustament massiv ta' familji li qed jaħarbu mill-ġlied;

J.      billi skont Amnesty International, l-IS nieda kampanja sistematika ta' tindif etniku fit-Tramuntana tal-Iraq, inkluż qtil sommarju tal-massa u ħtif għad-dannu ta' minoranzi etniċi u reliġjużi; billi l-Insara, il-minoranza tax-Shi'a, ix-Shabak, it-Turkmeni, il-Yezidi u oħrajn sfaw kollha fil-mira ta' forzi tal-IS;

K.     billi eluf ta' familji Yezidi ma rnexxilhomx jaslu fuq territorju sikur wara l-okkupazzjoni ta' Sinjar min-naħa tal-IS u ġew kostretti jsibu rifuġju fil-katina ta' muntanji ta' Jebel Sinjar; billi huwa stmat li n-numru ta' familji li nqabdu fil-muntanji f'kundizzjonijiet diffiċli ivarja bejn 8 000 u 30 000;

L.     billi l-Unjoni Ewropea qed iżżid l-għajnuna umanitarja tagħha għall-Iraq b'€ 5 miljun oħra b'reazzjoni għal ħtiġijiet li qed jiżdiedu, li b'kollox iwassal għal finanzjament tal-Iraq li jilħaq sa € 17-il miljun fl-2014

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-atti terroristiċi li twettqu mill-IS u minn gruppi armati oħrajn kontra ċ-ċittadini Iraqqini u Sirjani; jiddeplora wkoll l-attakki kontra nies ċivili fil-mira u jikkundanna bla riżervi l-użu tal-eżekuzzjonijiet, it-torturi u l-vjolenza sesswali fil-kunflitt;

2.      Jesprimi tħassib serju dwar ir-rigress tal-kriżi umanitarja kkawżata mill-ġlied reċenti, u jinnota l-ispustament kbir ta' nies ċivili kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq; jinnota wkoll bi tħassib li l-esklazzjoni tal-kunflitt bl-armi fl-Iraq, partikolarment fit-Tramuntana, ra eluf ta' nies spostati fir-Reġjun Kurd hekk kif ħarbu mill-avvanz tal-IS;

3.      Jiddeplora l-qtil bla diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li saru mill-IS u minn organizzazzjoni terroristiċi oħra, inkluż kontra l-Kristjani u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra;

4.      Jiddeplora l-qtil riċenti tal-ġurnalisti Amerikani James Foley u Steven Sotloff u l-ħaddiem Brittaniku li jipprovdi għajnuna David Haines minn ġellieda tal-IS u jesprimi tħassib serju dwar is-sikurezza ta' dawk li għadhom maqbuda mill-estremististi;

5.      Jappoġġja lil dawk kollha li huma involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-IS u gruppi armati/terroristiċi oħra; jistieden ukoll lill-atturi u gvernijiet reġjonali jikkooperaw bis-sħiħ fil-ġlieda kontra t-theddida tal-IS; jenfasizza li tali kooperazzjoni hija vitali għas-sigurtà tar-reġjun;

6.      Jemmen li l-għażliet kollha għandhom jinżammu miftuħa u li m'għandu jiġi eskluż xejn f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra t-theddid impost mill-IS; jistieden ukoll lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u lil atturi internazzjonali oħra biex jaħdmu mill-qrib għall-iżvilupp ta' reazzjoni urġenti u komprensiva għat-theddida tal-IS;

7.      Jilqa' l-appoġġ riċenti ta' poteri reġjonali fir-rieda tagħhom li jingħaqdu ma' koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti kontra l-IS; ifaħħar l-isforzi tas-Segretarji tal-Istati Uniti Kerry u Hagel talli jaħdmu biex jibnu din il-koalizzjoni internazzjonali;

8.      Jirrifjuta mingħajr riżervi l-akklamazzjoni mill-mexxejja tal-IS li huwa stabbilixxa kalifat fiż-żoni li issa jikkontrolla, u jirrifjuta n-nozzjoni ta' kwalunkwe bidla unilaterali tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment permezz tal-forza;jemmen ukoll li l-ħolqien ta' tali kalifat, l-ideoloġija tiegħu u l-vjolenza estremista huma theddida diretta għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea;

 

9.      Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar rapporti ta' mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, li ssieħbu fir-rewwixta tal-IS; jappella wkoll biex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwalunkwe individwu ssuspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu

10.    Jilqa' d-deċiżjoni riċenti tal-KSNU biex isejjaħ Summit fil-25 ta' Settembru 2014 biex l-attenzjoni internazzjonali tiġi ffukata fuq il-fenomenu perikoluż u li qed jikber ta' ġellieda terroristi barranin;

11.    Jemmen li l-instabilità u l-kunflitt fis-Sirja, ikkawżati mill-gwerra tar-reġim ta' Assad kontra n-nies tiegħu stess, ħolqu l-kundizzjonijiet biex l-IS jiffjorixxi u wasslu għal instabilità u vjolenza aktar wesgħin fir-reġjun; jappella għal azzjoni internazzjonali ġdida u urġenti biex ifittex soluzzjoni politika dewwiema u paċifika għal dan il-kunflitt;

12.    Jilqa' l-formazzjoni ta' gvern inklużiv ġdid fl-Iraq u jistieden lill-parteċipanti kollha jaħdmu flimkien fl-interessi tal-istabilità u l-paċi politika u fil-ġlieda kontra r-rewwixta tal-IS;

13.    Jemmen li huwa d-dmir tal-Unjoni Ewropea li tkompli tappoġġa s-sovrenità tal-Iraq, kif ukoll li tipprovdi l-appoġġ umanitarju kollu possibbli biex ittaffi t-tbatija ta' dawk kollha maqbuda fil-ġlied kemm fl-Iraq u wkoll fis-Sirja; jemmen ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha rwol li tgħin lil dawk il-pajjiżi ġirien li qed jipprovdu rifuġju lir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kunflitt u mir-rewwixta tal-IS;

14.    Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li bjar taż-żejt u infrastruttura relatata magħhom waqgħu f' idejn il-forzi tal-IS peress li dan jista' jipprovdi fluss ta' dħul għall-operazzjonijiet terroristiċi tagħhom; jistieden lill-pajjiżi kollha ma jinvolvux ruħhom f'attività kummerċjali li tista' direttament jew indirettament tibbenefika l-IS fir-rigward taż-żejt fis-Sirja u fl-Iraq;

15.    Jappella għal investigazzjoni komprensiva dwar l-allegazzjonijiet ta' abbużi ta' drittijiet tal-bniedem fl-Iraq u fis-Sirja u biex dawk akkużati b'tali reati jiġu mħarrka skont il-liġi internazzjonali;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.