Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0110/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0110/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva ISIS

16.9.2014 - (2014/2843(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Klaus Buchner, Bodil Ceballos, Heidi Hautala, Jean Lambert, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Judith Sargentini, Ernest Urtasun, Jordi Sebastià f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0109/2014

Proċedura : 2014/2843(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0110/2014
Testi mressqa :
B8-0110/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0110/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva ISIS

(2014/2843(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

27 ta' Frar 2014[1] dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Settembru[2], tad-9 ta' Ottubru 2013[3], tas-6 ta' Frar 2014[4] u tas-17 ta' April 2014[5],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq[6],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tat-30 ta' Awwissu, tal-15 ta' Awwissu u tat-23 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali ta' Pariġi dwar il-paċi u s-sigurtà fl-Iraq imsejħa mill-President Hollande fil-15 ta' Settembru 2014 u l-Konferenza ta' Jeddha fil-11 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra t-taħditiet ta' Ġinevra dwar is-Sirja li saru fi Frar 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li huma firmatarji tiegħu l-Eġttu u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Marzu dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tar-renju mal-UE u r-rwol tiegħu fil-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika[7], ir-riżolzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf[8] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE fil-konfront tal-Iran[9],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-grupp estremist ġiħadist, l-Istat Iżlamiku (IS) – li qabel kien magħruf bħala l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u s-Sirja (ISIS) – matul dawn l-aħħar xhur espanda l-konkwista territorjali tiegħu mil-Lvant tas-Sirja sal-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-akbar belt tal-Iraq, Mosul, segwita mill-eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini tal-Iraq u għadd kbir ta' atroċitajiet, b'mod partikolari kontra l-Yazidi, l-Insara, ix-Xiiti u s-Sunniti avversarji, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Xarija, l-istupru u t-tjassir tan-nisa, il-konverżjonijiet furzati u l-qerda ta' postijiet ta' qima u ta' santwarji tax-Xiiti, is-Sufi, is-Sunniti u l-Insara;

B.     billi fl-aktar atti ta' atroċità reċenti biex jipprovokaw ir-rabja kbira tal-komunità internazzjonali, ISIS ippubblika vidjows li juru l-eżekuzzjoni ta' żewġ ostaġġi Amerikani u ostaġġ Brittaniku;

C.     billi parti kbira tal-popolazzjoni Sunnita fl-Iraq u s-Sirja soffriet b'mod estensiv minn diskriminazzjoni, marġinalizzazzjoni, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forom oħra ta' abbuż sejru li sar mill-istituzzjonijiet, forzi tas-sigurtà u milizzji affiljati mal-gvern tal-Iraq u s-Sirja, fatti li jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom il-kisbiet tal-ISIS ġew tollerati jew saħansitra appoġġati minn partijiet tal-popolazzjoni Sunnita diżilluża;

D.     billi l-IS irnexxielu jimponi l-istrutturi statali tiegħu fl-oqsma li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu u fid-29 ta' Ġunju 2014 iddikkjara l-istabbilment mill-ġdid tal-Kalifat wara li kiseb sorsi ta' introjtu sinifikanti mis-sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, ħa l-kontroll ta' sitt ibjar taż-żejt fis-Sirja, inkluża l-akbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, il-bir ta' al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq u permezz ta' fondi minn donaturi għonja, b'mod partikolari mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda;

E.     billi ż-żieda fis-setgħa tal-IS kixfet il-fraġilità tal-armata Iraqina u dik Kurda, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet Iraqini li huma kkaratterizzati mill-korruzzjoni, is-settarjaniżmu u l-politiki ta' esklużjoni tal-Gvern tal-Prim Ministru Nouri al-Maliki, li kkontribwixxa sew fl-aljenazzjoni sostanzjali tas-Sunniti u l-popolazzjoni tal-minoranza fl-Iraq;

F.     billi r-reġim ta' Assad b'mod deliberat ta l-bidu għal dinamika ta' polarizzazzjoni settarja bħala l-istrateġija ta' sopravivenza tiegħu; billi din id-dinamika tat in-nar lit-tensjonijiet komunali li kienu moħbija u li sa dak iż-żmien kienu fil-biċċa l-kbira mrażżna, b'mod partikolari bejn il-minoranza li kienet qed tmexxi - is-setta ta' Alawite - u l-maġġoranza Musulmana tas-Sunniti; billi s-settarjaniżmu qed jiġi aggravat aktar bl-involviment ta' atturi reġjonali, speċjalment mill-Golf, u ta' gruppi ġiħadisti u estremisti barranin;

G.     billi f'nofs Ġunju 2014 unitajiet militari tal-Gvern Reġjonali Kurd ħadu f'idejhom il-kontroll tal-belt multietnika ta' Kirkuk, u b'hekk espandew il-kontroll tagħhom fuq territorju li għandu ħafna żejt, u li kien il-kawża ta' bosta tilwim, u billi, f'Ġunju, il-Gvern Kurd ħabbar pjanijiet għal referendum fost il-popolazzjoni Kurda biex tinkiseb l-indipendenza mill-Iraq, li aktar 'il quddiem ippospona sabiex 'jiddedika l-isforzi tiegħu biex isawwar Gvern Iraqi' ġdid sabiex iwaqqfu l-avvanzi tal-IS;

H.     billi wara r-riżenja ta' Nouri al-Maliki , fit-8 ta' Settembru beda l-mandat tiegħu gvern aktar inklużiv taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Haider Al-Abadi, minkejja li ż-żewġ portafolli importanti tal-Affarijiet Interni u tad-Difiża għadhom ma mtlewx;

I.      billi ġie rrappurtat li eluf ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, issieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi bosta gvernijiet, b'mod partikolari tal-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, it-Tuneżija u r-Russja qed jieħdu miżuri legali u ta' sigurtà sabiex jipprojbixxu attivitajiet marbuta mal-IS u gruppi estremisti Iżlamiċi oħra; billi l-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Pajjiżi l-Baxxi ħabbru l-intenzjoni li jirrevokaw il-passaporti ta' ċittadini li jirritornaw f'pajjiżhom wara li ssieħbu mal-IS; billi fl-24 ta' Settembru l-Kunsill tas-Sigurtà se jiddiskuti riżoluzzjoni sponsorjata mill-Istati Uniti dwar din il-kwistjoni;

J.      billi l-gvern Tork fl-aħħar qabel li jwettaq kontrolli iżjed stretti fil-fruntieri mas-Sirja sabiex ma jsirx aktar reklutaġġ mill-IS; billi t-Turkija tinsab fil-mira diretta tal-IS, li ilu minn Ġunju jżomm bħala ostaġġ lil 49 impjegati, inkluż il-Kunsill Ġenerali tal-konsulat Tork f'Mosul;

K.     billi, fid-dinja kollha, il-mexxejja Sunniti qed jikkundannaw l-azzjonijiet tal-IS bħala mhux Iżlamiċi;

L.     billi ż-żieda fis-setgħa tal-IS pproduċiet kriżi umanitarja katastrofika, b'miljuni ta' nies jaħarbu mir-reġjun awtonomu tal-Kurdistan, li jiżdiedu mal-miljuni li diġà jinsabu spostati minħabba l-gwerra fis-Sirja; billi l-UE qed tkompli żżid ulterjorment l-għajnuna umanitarja u stabbiliet pont tal-imbark bejn Brussell u Erbil;

M.    billi forzi militari differenti, inklużi l-forzi tal-Gvern Reġjonali Kurd u l-armata Iraqina, kif ukoll gruppi armati, inklużi ġellieda Kurdi tal-PKK u YPG, u l-milizzja Xiita appoġġata mill-Iran, qed jipprovaw iwaqqfu attakk tal-IS fuq it-Tramuntana tal-Iraq u s-Sirja, appoġġati mill-attakki mill-ajru tal-Istati Uniti;

N.     billi l-President tal-Istati Uniti, Obama, ħabbar kampanja mingħajr tmiem pjanat ta' attakki mill-ajru kontra l-militanti tal-ISIS fis-Sirja, flimkien ma' dawk li diġà qed isiru fl-Iraq u qed jibni b'mod attiv sostenn għal koalizzjoni militari internazzjonali; billi Franza hija mistennija tingħaqqad mal-offensiva militari fl-Iraq, filwaqt li l-gvernijiet ta' bosta pajjiżi, b'mod partikolari l-Ġermanja, ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jappoġġaw lill-forzi Kurdi bil-kunsinni tal-armi; billi r-reġim ta' Assad esprima ruħu lest li jingħaqqad fl-isforz internazzjonali kontra ISIS, filwaqt li jitlob li jagħti l-kunsens tiegħu qabel kwalunkwe attakk, u reċentement wettaq attakki mill-ajru fuq żoni okkupati mit-truppi tal-ISIS;

O.     billi fl-10 ta' Settembru, waqt laqgħa reġjonali dwar l-IS f'Jeddah, il-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, l-EgħM, l-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan u l-Libanu ffirmaw Komunikat Konġunt mal-Istati Uniti, u qablu li "jissieħbu fil-bosta aspetti tal-kampanja militari kkoordinata kontra l-ISIS" u li jieħdu firxa ta' azzjonijiet biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, billi fost l-oħrajn, iwaqqfu l-fluss ta' ġellieda barranin milli jgħaddi minn pajjiżi ġirien, jiġġieldu kontra l-finanzjament tal-ISIS u gruppi terroristi oħra u jiċħdu l-ideoloġija ġiħadista;

1.      Jikkundanna l-atroċitajiet li hedda bihom jew li wettaq l-ISIS fuq diversi gruppi li m'għandhomx l-istess twemmin tiegħu, speċjalment il-minoranzi reliġjużi u etniċi bħall-Insara, il-Yezidi, ix-Shabak u t-Turkmeni, iżda wkoll ix-Xiiti u s-Sunniti; jiddenunzja l-qtil odjuż mill-ISIS ta' żewġ ġurnalisti Amerikani u ħaddiem umanitarju Brittaniku;

2.      Jemmen li kwalunkwe risposta effikaċi mill-komunità internazzjonali għall-atti kefrin u n-natura xellerata tal-ISIS tirrikjedi pjan ta' azzjoni kunfidenti, inklużiv u strateġiku, imfassal fid-dawl tal-legalità internazzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-konsegwenzi devastanti u fit-tul tan-nuqqasijiet morali, legali u ġeopolitiċi tal-avventuriżmu li segwa l-ġrajjiet ta' 9/11; jisħaq fuq il-fatt li operazzjonijiet esterni illegali jew legalment dubbjużi kontra t-terroriżmu, inklużi dawk fil-Pakistan, is-Somalja u l-Jemen, speċjalment b'attakki mill-ajru, wasslu għal diżgrazzji inaċċettabbli u radikalizzazzjoni ulterjuri fost il-popolazzjonijiet lokali;

3.      Jisħaq fuq il-fatt li l-ISIS jirrappreżenta, l-ewwel u qabel kollox, il-konsegwenza -aktar milli l-kawża- tat-taqlib attwali, li qed jaħkem il-Lvant Nofsani u lil hinn minnu; iħeġġeġ lill-UE u l-mexxejja internazzjonali l-oħra jidentifikaw u jiffokaw fuq l-għeruq soċjoekonomiċi, kulturali u politiċi tal-fenomenu ISIS; jisħaq fuq il-fatt li l-ISIS nibet minn bażi ta' snin twal ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u impunità, rabtiet mill-qrib bejn il-kbarat tan-negozju u tal-gvern, korruzzjoni mifruxa, settarjaniżmu, marġinalizzazzjoni u diskriminazzjoni ta' gruppi sħaħ, b'mod partikolari s-Sunniti, kif ukoll storja twila ta' manipulazzjoni esterna u ndħil minn atturi reġjonali u atturi tal-Punent;

4.      Ħa nota tal-fatt li l-organizzazzjoni ISIS kisbet kapaċitajiet u attrazzjoni komparabbli għal stat u tikkostitwixxi fenomenu li għandu potenzjal li jsawwar mill-ġdid partijiet kbar tal-Lvant Nofsani u lil hinn minnu, skont l-aġenda retrograda u estremista tagħha;

5.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jgħin lill-popolazzjoni mhedda skont ir-Responsabilità internazzjonali għall-Protezzjoni definita min-NU, b'mod partikolari l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili u l-pont tal-imbark stabbilit mill-ECHO; jitlob għajnuna umanitarja addizzjonali għall-popolazzjoni milquta mill-kunflitt, inklużi l-Kurdi Sirjani;

6.      Esprima, madankollu, tħassib dwar il-fatt li l-kunsinni tal-armi minn xi Stati Membri tal-UE lir-ribelli-Kurdi jew Sirjani iqajmu kwistjonijiet serji b'rabta mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi li jipprojbixxi l-kunsinna ta' tagħmir militari f'reġjuni li jinsabu fi kriżi; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li dawn l-armi jistgħu jispiċċaw fl-idejn il-ħżiena u li għad baqa' ħafna xi jsir f'dak li għandu x'jaqsam mal-valutazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ħtiġijiet bejn l-Istati Membri li qed jipprovdu l-armi.

7.      Jitlob biex is-sostenn finanzjarju lill-awtorità reġjonali Kurda jiżdied sabiex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu mal-influss ta' rifuġjati mingħajr preċedenti;

8.      Jissottolinja l-importanza simbolika tal-fatt li d-Deċiżjoni tal-UE tal-15 ta' Awwissu dwar l-Iraq ħaddnuha wkoll il-gvernijiet ta' dawk il-pajjiżi kollha li opponew ruħhom għall-gwerra fl-Iraq, u li l-UE fis-sħuħija tagħha għandha obbligu storiku li lill-popolazzjoni tal-Iraq tiggarantilha li l-intenzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE huma diretti unikament lejn id-difiża tal-paċi u tal-integrità fiżika u mentali tagħhom;

9.      Jilqa' l-formazzjoni reċenti ta' gvern Iraqi ġdid u aktar inklużiv u jistieden lill-partijiet kollha biex isibu soluzzjoni għall-kunflitt fuq l-introjtu u l-esportazzjonijiet taż-żejt bejn il-provinċji b'rispett reċiproku;

10.    Jistieden lill-Gvern u l-parlament tal-Iraq biex jeżaminaw mill-ġdid b'mod urġenti l-leġiżlazzjoni u l-prattika legali, jagħmlu riforma tas-sistema ġudizzjarja u s-sistema tas-sigurtà, u jimplimentaw politiki inklużivi fil-konfront tal-Iraqini kollha, sabiex itemmu l-politika ta' diskriminazzjoni, speċjalment kontra l-popolazzjoni Sunnita;

11.    Ħa nota tal-attakki militari tal-forzi tal-Istati Uniti fuq l-IS fuq talba tal-gvern Kurd u l-gvern Iraqi u jissottolinja li dawn l-attakki għandhom ikunu strettament limitati fil-ħin u fl-objettiv, u maħsuba unikament biex iwaqqfu l-avvanz tal-IS u bil-premessa li l-mezzi militari għandhom jitħallew bħala l-aħħar alternattiva;

12.    Jiddispjaċih li qabel l-attakki bil-bombi tal-Istati Uniti, ma sar l-ebda tentattiv biex tinkiseb l-approvazzjoni tan-NU f'forma ta' Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà;

13.    Jisħaq fuq il-fatt li fil-każ tas-Sirja, kull intervent militari estern legali jeħtieġ jew awtorizzazzjoni tar-reġim ta' Assad li qed imexxi bħalissa jew dik tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jissottolinja l-istmellija assoluta tiegħu lejn il-prospett ta' kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni mar-reġim diżonorevoli ta' Assad;

14.    Ifakkar r-responsabilità partikolari tar-reġim ta' Assad, flimkien ma' dik ta' setgħat esterni, b'mod partikolari l-Arabija Sawdija u l-Qatar, meta ħeġġu d-dimensjoni dejjem aktar settarjana tal-gwerra fis-Sirja, u b'hekk ħeġġu wkoll iż-żieda fis-setgħa tal-ISIS; jistieden lir-reġim ta' Assad, u lill-pajjiżi li għandhom influwenza fuqu, jinnegozzjaw waqfien mill-ġlied ma' dawk il-gruppi ta' oppożizzjoni armati li qed jiġġieldu kontra l-IS;

15.    Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabilità tal-krimini tagħhom matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk ibbażati fuq raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu għar-referenza tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali u jappoġġa kull inizjattiva lejn din id-direzzjoni;

16.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE iħeġġu lill-membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà biex jinvestu l-isforzi kollha fl-inizjattiva tal-Kunsill tas-Sigurtà li jfassal strateġija reġjonali biex jiġġieled kontra r-radikaliżmu tal-IS u l-Al-Qaeda, li tkun qed tieħu kont tal-interessi tal-popolazzjoni fir-reġjun;

17.    Jitlob, fid-dawl tal-kriżijiet eżistenjali fil-Lvant Nofsani u bnadi oħra, li ssir kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-truppi permanenti tan-NU għall-infurzar tal-paċi li jinsabu għad-dispożizzjoni tas-Segretarju Ġenerali u li, għalihom, l-UE għandha tikkontribbwixxi b'mod attiv;

18.    Jikkundanna l-attivitajiet ta' dawk il-pajjiżi u/jew ċittadini li taw appoġġ ideoloġiku jew sostenn materjali lill-IS jew grupp estremist Iżlamiku ieħor, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija, l-EgħM, il-Qatar u l-Kuwajt, kif ukoll it-Turkija u s-Sirja; jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Jeddah, u jistieden lil dawk l-istati kollha jieħdu miżuri konkreti biex iwaqqfu kull sostenn għall-gruppi affiljati mal-IS u l-Al-Qaeda, kemm jekk dak sponsorjat mill-istat, kif ukoll minn individwi privati;

19.    Jissottolinja l-importanza tal-fatt li l-pajjiżi fir-reġjun għandhom ikollhom rwol ta' mexxejja fil-ġlieda kontra l-estremiżmu Iżlamiku u jiddispjaċih li l-Iran kien assenti mill-Konferenza ta' Pariġi;

20.    Jinsisti dwar il-fatt li l-UE teħtieġ li tiżviluppa strateġija tagħha proprja, ġenwina u fit-tul, lejn il-ġirien tagħha fil-Lvant Qarib u Nofsani, inkluż l-Iran;

21.    Iwissi kontra r-riskji serji li dinamika ta' bini ta' koalizzjonijiet għal żmien qasir kontra l-ISIS tista' titfi lil kwalunkwe kunsiderazzjoni bbażata fuq il-valur fil-ħidma tal-UE mar-reġimi awtoritarji reġjonali, bħall-Eġittu u l-Arabja Sawdija;

22.    Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp li nkiseb mir-reġjun awtonomu Kurd, li għandu assolutament jiġi ppreservat, u jappella lill-Kurdi biex ikomplu jsegwu d-dritt tagħhom ta' awtodeterminazzjoni b'mod innegozjat;

23.    Jitlob biex aktar rifuġjati mill-Iraq u s-Sirja jingħataw soġġorn fl-Ewropa, inklużi l-Yesidi li jirrappreżentaw minoranza partikolarment fraġli u li spiss huma vittmi ta' persekuzzjoni; jemmen li għandha tiġi organizzata, b'mod urġenti, konferenza internazzjonali biex tiġi kkoordinata l-akkoljenza tar-rifuġjati, u li l-UE teħtieġ li tistabbilixxi programm ta' emerġenza għal dan il-għan;

24.    Jitlob, fid-dawl tal-fatt li huwa rrappurtat li eluf ta' Ewropej qed jiġu reklutati bħala ġellieda mill-IS, għal bdil fil-politika fl-Istati Membri, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki li jindirizzaw l-estremiżmu fost iċ-ċittadini Ewropej u li jiġu kkontrastati b'mod attiv l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta' prospetti, b'mod partikolari fil-każ tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni tal-popolazzjoni ta' immigranti; jitlob biex issir kampanja miftuħa biex tintensifika il-kunċett tal-Iżlam bħala parti integrali tal-kultura Ewropea; jikkundanna, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni ta' bosta gvernijiet tal-UE li jirrevokaw iċ-ċittadinanza lil persuni b'ċittadinanza doppja li jistgħu jirritornaw mill-kampi tal-battalja tal-Lvant Nofsani;

25.    Jibqa' mħasseb sew bl-implikazzjonijiet tal-preżenza fit-tul u li qed tikber tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fil-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jipprovdu assistenza umanitarja sostanzjali lill-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt Sirjan; jiddeplora n-numru limitat ħafna ta' rifuġjati Sirjani risistemati fl-UE u jistieden lill-Istati Membri juru livell ogħla ta' responsabbiltà, b'mod partikolari billi jsaħħu r-reazzjoni ta' protezzjoni tagħhom;

26.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Mibgħut Speċjali tan-NU/Lega Għarbija għas-Sirja, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tas-Sirja u l-Iraq.