Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0111/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0111/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

16.9.2014 - (2014/2844)(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Judith Sargentini, Ernest Urtasun, Bodil Ceballos, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0111/2014

Proċedura : 2014/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0111/2014
Testi mressqa :
B8-0111/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0111/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

(2014/2844)(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja, inkluża r-Riżoluzzjoni 2174 tas-27 ta' Awissu 2014,

–       wara li kkunsidra t-tgħarrif lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL) tas-27 ta' Awissu 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru tal-UNSMIL u tal-OHCHR tan-NU dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-Libja, inkluża dik tal-15 ta' Awissu 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, partikolarment dik tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari[1], u dik tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja[2],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Catherine Ashton dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali mill-Kap tal-Missjoni EUMS fil-Libja dwar il-qtil tas-Sa Bugaighis, tas-27 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ministru tad-Difiża Franċiż Jean-Yves Le Drian tad-9 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Libja għaddiet minn sensiela drammatika ta' kriżijiet politiċi, istituzzjonali u ta' sigurtà wara li ġie mneħħi mill-poter Muammar Gaddafi mill-gruppi ribelli assistiti mill-forzi tan-Nato fl-2011;

B.     billi l-ġlied ilu għaddej fil-parti tal-lvant ta' Benghażi u madwarha sa minn nofs Mejju meta l-ġeneral irtirat Khalifa Haftar nieda kampanja militari kontra l-koalizzjoni tal-milizja Iżlamista, inkluż il-grupp ġiħadista Ansar al-Sharia, u forzi armati oħra;

C.     billi l-ġlied beda fit-13 ta' Lulju 2014 dwar il-kontroll tal-ajruport internazzjonali ta' Tripli bejn milizja armati minn Zintan u l-allejati tagħhom, u l-koalizzjoni 'Libya Dawn' magħmula prinċipalment minn milizja Iżlamista minn Misrata; billi l-forzi tal-Libya Dawn ħadu l-kontroll tal-Ajruport ta' Tripli fl-24 ta' Awissu 2014 u minn dak iż-żmien ikkontrollaw ħafna minn Tripli, inkluż il-kwartieri ta' ministeri u dawk istituzzjonali;

 

D.     billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-25 ta' Ġunju 2014 wasslu għat-telfa tal-partiti Islamisti li kienu dominanti; billi l-parlament il-ġdid, il-Kamra tar-Rappreżentanti (HoR) ħadet post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali (GNC)u rrilokaw minn Tripli għall-belt fil-lvant ta' Tobruk minħabba kwistjonijiet ta' sigurtà; billi l-HoR talbet l-intervent barrani biex issolvi s-sitwazzjoni ta' sigurtà;

E.     billi l-forzi tal-koalizzjoni Libya Dawn ikkuntestat ir-rilokament tal-HoR, minħabba li qalet li t-trasferiment tal-awtoritajiet lejn il-parlament il-ġdid ma kenitx skont il-kostituzzjoni; billi l-GNC kien imlaqqa' fi Tripli fil-25 ta' Awissu 2014 u eleġġa lil Omar al-Hasi, kandidat appoġġat mill-Iżlamisti, bħala Prim Ministru u talbitu jifforma gvern ta' 'salvazzjoni nazzjonali';

F.     billi l-HoR ikkundannat gruppi li qed jiġġieldu f'isem il-Libya Dawn u lill-Ansar al-Sharia bħala terroristi; billi l-Libja Dawn u l-allejati tagħha ikkundannaw lill-HoR minħabba li hi kkontrollat mis-sostenituri preċedenti ta' Gaddafi;

G.     billi ajruplani mhux identifikati kienu rappurtati li wettqu attakki fuq il-fazzjonijiet tal-Libya Dawn fi Tripli; billi sorsi tal-Istati Uniti akkużaw lill-Eġittu u lill-Emirati Għarab Magħquda li kienu responsabbli mill-attakki; billi l-Eġittu ċaħad li mexxa l-attakki mill-ajru jew operazzjonijiet militiari oħra fil-Libja;

H.     billi saret laqgħa tal-ġirien tal-Libja fil-Kajr fil-25 ta' Awissu 2014, fejn il-Libja appellat għall-protezzjoni internazzjonali tal-bjar taż-żejt u tal-ajruporti u qalet li li m'għandhiex il-qawwa li twaqqaf gruppi armati; billi l-istati parteċipanti qablu li ma jintervjenux fl-affarijiet domestiċi Libjani u sejħu għal djalogu nazzjonali;

I.      billi kien hemm tentattivi tan-NU li jistabbilixxu waqfien mill-ġlied bejn il-fazzjonijiet fil-gwerra u jniedu djalogu nazzjonali li s'issa ma rnexxiex; billi l-Migħut Speċjali tan-NU reċentement maħtur Bernadino Leon preżentement jinsab fil-Libja; billi l-Ministru tad-Difiża Franċiż wissa, fid-9 ta' Settembru 2014, li l-Libja qed issir 'ċentru għall-gruppi terroristiċi' u sejjaħ għal azzjoni internazzjonali deċiżiva;

J.      billi l-konflitti f'Benghażi u Tripli wasslu biex serjament teħżien is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja; billi fazzjonijiet fil-ġlied wettqu attakki indiskriminati fuq żoni ċivili kemm fi Tripli u kemm f'Benghażi, li wasslu għal għadd ta' mwiet u ħsara lill-bini u l-infrastruttura ċivili; billi l-NGOs Amnesty International u l-Human Rights Watch it-tnejn iddikjaraw li dawn l-attakki jikkostitwixxu reati tal-gwerra; billi d-difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem Salwa Bugaighis ġiet maqtula f'Benghażi fil-25 ta' Ġunju 2014;

K.     billi persuni ċivili fi Tripli u f'Benghażi qed jiltaqgħu ma' skarsezza ta' ikel, fjuwil u neċessitajiet bażiċi oħra; billi d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà qed turi żieda fil-kriminalità u fl-għadd ta' gruppi terroristiċi;

L.     billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 100 000 Libjan ġew spustati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied u 150 000 oħra, inkluż ħafna ħaddiema migranti, telqu l-pajjiż; billi ħaddiema barranin li jipprovdu l-għajnuna u diplomatiċi, inkluż tal-UE u tal-UNSMIL, ġew evakwati mil-Libja; billi l-Prim Ministru interim tat-Tuneżija Jomaa ddikkjara li l-inluss tal-massa ta' refuġjati mil-Libja qed joħloq pressjoni fuq il-kapaċitajiet tal-pajjiż;

M.    billi mijiet ta' migranti u refuġjati, li qed jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja, qed ikunu rappurtati mejta filwaqt li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, li jwassal għal kriżi ewlenija ta' refuġjati fl-Italja u f'Malta; billi l-UNHCR qed tirraporta li 1 600 persuni mietu minn Ġunju filwaqt li kienu qed jippruvaw jilħqu l-Ewropa; billi l-Libja hi l-punt ta' tluq primarju għal migranti li qed jippruvaw jilħqu l-Ewropa; billi l-UNHCR tikkalkula li mid-29 ta' Awissu 2014, madwar 98 000 persuna minn madwar 109 000 li waslu fl-Italja hu mifhum li telqu mil-Libja;

N.     billi fis-26 ta' Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti rrefera s-sitwazzjoni fil-Libja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC); billi fis-27 ta' Ġunju 2011, l-ICC ħarġet tliet mandati ta' arrest għal Muammar Gaddafi, Saif al-Islam Gaddafi u Abdullah al-Senussi għal reati kontra l-umanità; billi l-kumplament tal-persuni suspettati mhumiex taħt il-kustodja tal-Qorti; billi l-awtoritajiet Libjani insistew li dawn jiġu proċessati fis-sistema legali domestika Libjana;

1.      Jesprimi tħassib serju dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u tal-konfrontazzjoni armata fil-Libja, l-aktar madwar il-bliet ta' Tripli u Benghażi; jinsab allarmat minn din is-sitwazzjoni, li għandha impatt devastanti fuq il-popolazzjoni ċivili u l-istituzzjonijiet, u tipperikola li tkompli tiddistabbilizza reġjun usa';

2.      Jitlob lill-partijiet fil-konflitt biex immedjatament iwaqqfu kull ostilità armata u jimpenjaw lilhom infushom fi djalogu politiku inklużiv; f'dan ir-rigward, jesprimi l-appoġġ kollu tiegħu għall-isforzi tan-NU, l-aktar lir-Rappreżentant Speċjali Bernardino Leon, li qed jiffaċilita dan il-proċess bil-għan li jistabbilixxi istituzzjonijiet konsenswali li jfittxu aġenda wiesgħa ta' konċiljazzjoni nazzjonali; jinsisti li tingħata attenzjoni lill-involviment tan-nisa u tal-minoritajiet f'dan il-proċess;

3.      Iħeġġeġ lir-Rappreżentanti tal-Kamra reċentement eletti biex iwettqu l-funzjonijiet leġiżlattivi tagħha b'mod inklużiv u li jilħqu lill-popolazzjoni Libjana kollha;

4.      Jenfasizza li l-aħħar riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tippermetti li l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet internazzjonali jitwessgħu biex ikunu indirizzati dawk kollha li qed jippruvaw ifixklu l-proċess;

5.      Jikkundanna l-attakki indiskriminati ta' żoni ċivili fi Tripli u f'Benghażi mill-partijiet fil-gwerra f'dawn l-aħħar xhur; jinsab ferm imħasseb minħabba d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kollu, inkluż każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, ħtif ta' persuni, qtil illegali, tortura u vjolenza kontra ġurnalisti, uffiċjali, personsaġġi politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-qtil brutali tal-attivist prominenti Salwa Bugaighis; jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata responsabbiltà għall-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-liġi umanitarja internazzjonali;

6.      Jikkundanna l-indħil kontinwu u moħbi minn partijiet reġjonali fix-xena domestika Libjana, li kkontribwixxa sew biex il-pajjiż jaqa' f'kaos politiku u militari; jistieden lill-ġirien tal-Libja u lil atturi reġjonali oħra biex jieqfu minn kull azzjoni li tista' tkompli żżid it-tensjonijiet fil-pajjiż;

7.      Ifakkar li, minħabba l-involviment fil-gwerra tal-2011, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà partikolari li jassistu lill-popolazzjoni Libjana;

8.      Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull sforz sabiex jappoġġaw lin-NU u inizjattivi mhux militari oħra biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali; jitlob, partikolarment, lill-UE żżid l-għajnuna umanitarja tagħha biex tirrispondi għat-tbatija tal-poplu Libjan, partikolarment fiż-żoni l-aktar milquta, u li tkun lest biex tirrispondi jekk is-sitwazzjoni tkompli tiggrava;

9.      Iqis li l-UE naqset milli tiżviluppa u timplimenta strateġija tajba u komprensiva biex tassisti t-tranżizzjoni ta' wara Gaddafi; jikkundanna, partikolarment in-nuqqas persistenti ta' koordinazzjoni bejn il-politiki tal-Istati Membri tal-UE lejn il-Libja u n-nuqqas tas-SEAE li tħeġġeġ approċċ komuni u effikaċi tal-UE;

10.    Jiddeplora, partikolarment, il-livell baxx ta' ambizzjoni u effikaċja tal-UE fil-qasam tas-sigurtà; jikkuntesta l-attenzjoni limitata dwar il-ġestjoni tal-fruntiera u tal-migrazzjoni , li ma indirizzatx l-għeruq tal-kawżi tal-insigurtà tal-Libja; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa kunċett wiesa' għar-riformi tas-settur tas-sigurtà fil-Libja b'attenzjoni partikolari fuq is-sorveljanza parlamentari tas-settur, inklużi elementi qawwija ta' taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja;

11.    Ifakkar fl-esportazzjonijiet numerużi tal-armi minn għadd ta' Stati Membri lis-servizzi tas-sigurtà ta' Gaddafi; jemmen li l-Istati Membri u l-UE għandhom responsabbiltà partikolari li jassistu d-Demobilizzazzjoni, is-Diżarm u r-Reintegrazzjoni (DDR) ta' ġellieda preċedenti u li jinġabru u jinqerdu l-ħafna armi irregolari li hemm fil-pajjiż; jitlob li jkun hemm programm wiesa' tal-UE fil-qasam tad-DDR u l-ġbir u l-qerda tal-armi irregolari;

12.    Iħeġġeġ lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Istrument ta' Stabbiltà u Paċi (ISP) fir-rigward tal-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni, u li b'mod urġenti tappoġġa l-medjazzjoni, f'koordinazzjoni mal-UNSMIL; iħeġġeġ ugwalment l-UE li tappoġġa l-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment il-gruppi tan-nisa, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet mhux vjolenti għall-kriżijiet multipli tal-pajjiż;

13.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-migranti, ta' dawk li qed ifittxu ażil u tar-refuġjati fil-Libja minħabba li s-sitwazzjoni diġà prekarja tagħhom kompliet teħżien; jinsab allarmat mir-rapporti kontinwi ta' kundizzjonijiet terribbli ta' detenzjoni għal eluf ta' migranti u refuġjati f'ċentri mmexxija mill-gvern; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżommu l-appoġġ finanzjarju f'dan is-settur sakemm l-abbużi jkunu investigati sew u mwaqqfa;

14.    Jopponi l-esternalizzazzjoni tal-politiki ta' migrazzjoni tal-UE lil pajjiżi terzi, l-aktar permezz tat-twaqqif ta' ċentri ta' akkoljenza f'pajjiżi li ma ffirmawx il-Konvenzjonijiet dwar ir-Refuġjati ta' Ġinevra, bħal-Libja, u għalhekk jonqsu milli jiggarantixxu standards għolja ta' protezzjoni;

15.    Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex effettivament jgħinu lill-Italja fl-isforzi ta' min ifaħħar biex tindirizza l-flussi li qed jiżdiedu ta' migranti mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja; jinsisti dwar it-tkomplija tal-proġett Mare Nostrum u jistieden lill-Istati Membri jappoġġawh; jistieden lill-Istati Membri, l-aktar lill-Italja, biex tikkonforma strettament mal-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati;

16.    Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti tal-falliment tas-sistema ġudizzjarja fil-Libja u dwar nuqqasijiet serji biex jinżammu standards ta' proċess ġust; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jikkooperaw bis-sħiħ mal-Qorti Kriminali Internazzjonali billi jassistuha fl-investigazzjonijiet tagħha u jikkonformaw mas-sentenzi tagħha; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet Libjani li jagħtu drittijiet bażiċi xierqa ta' proċess lill-akkużati tal-ICC Abdullah al-Sanussi u Saif al-Islam Gaddafi; ifakkar fl-oppożizzjoni assoluta għall-piena tal-mewt fil-każijiet kollha, indipendentement min-natura tar-reat kommess, u jistieden lil-Libja tneħħi l-piena kapitali; jistieden lill-UE tqis li tkun lesta li tagħti appoġġ biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt fil-pajjiż;

17.    Jitlob lill-awtoritajiet Libjani jimpenjaw standards għoljin ta' trasparenza fis-settur estrattiv domestiku sabiex ir-riżorsi naturali Libjani jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha u, partikolarment biex jaċċettaw ir-rekwiżiti tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) mingħajr dewmien; jitlob li l-kumpaniji Ewropej involuti fil-Libja jiżvelaw in-negozji finanzjarji tagħhom fis-settur tal-enerġija;

18.    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, lis-SEAE, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, il-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana, il-KSNU, l-AĠNU, il-UNHRC, il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana.