Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0112/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0112/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta’ Gaża u r-rwol tal-UE

16.9.2014 - (2014/2845(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Martina Anderson, Neoklis Sylikiotis, Patrick Le Hyaric, Ángela Vallina, Teresa Rodriguez-Rubio, Younous Omarjee, Miguel Viegas, Marisa Matias, Pablo Iglesias, Lola Sánchez Caldentey, Malin Björk, Merja Kyllönen, Marie-Christine Vergiat, João Ferreira, Inês Cristina Zuber, Dimitrios Papadimoulis, Sofia Sakorafa, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Kostadinka Kuneva, Iosu Juaristi Abaunz, Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán, Paloma López, Kostas Chrysogonos, Takis Hadjigeorgiou, Kateřina Konečná, Lidia Senra Rodríguez, Emmanouil Glezos, Eleonora Forenza f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2014/2845(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0112/2014
Testi mressqa :
B8-0112/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0112/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta’ Gaza u r-rwol tal-UE

(2014/2845(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tal-1949,

–       wara li kkunsidra r-rapporti speċjali ta' kuljum tal-UNRWA,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 194(1948) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet 242 (1967), 252 (1968), 338 (1972), 476 (1980), 478 (1980), u 1860 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, li ġie iffirmat fl-20 ta' Novembru 1995, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2000, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-"Linji gwida dwar l-eliġibbiltà ta' entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 'il quddiem",

–       wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bit-titolu "Konsegwenzi ġuridiċi tal-bini ta’ ħajt fit-territorji Palestinjani okkupati" tad-9 ta' Lulju 2004,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-30 ta' Awwissu 2014, tas-16 ta' Diċembru 2013, tat-18 ta' Lulju 2011 u tat-8 ta' Diċembru 2009,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012 u dwar iż-"Żona Ċ u Konsolidament tal-Istat Palestinjan" ta' Lulju 2011 kif ukoll tar-rapporti tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE dwar il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti ta' April 2011 u n-nota ta' akkumpanjament tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE dwar il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti ta' Frar 2012,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant[1],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fis-7 ta' Lulju 2014 l-Iżrael nieda l-aggressjoni militari kontra Gaża bl-isem "Marġni ta' Protezzjoni, li damet 50 jum u waqfet meta fis-26 ta' Awwissu ġie implimentat ftehim ta' waqfien mill-ġlied;

B.     billi bħala riżultat tal-aggressjoni Iżraeljana, tal-anqas 2 150 Palestinjan inqatlu, fosthom 503 tfal (27 %), 260 nisa, 95 anzjani u 14-il ġurnalist, u aktar minn 12 500 feruti; billi għadd kbir ħafna tal-feruti ġarrbu amputazzjonijet u ġrieħi estensivi, issuspettati li ġew ikkawżati b'armi pprojbiti, inklużi DIMEs (Splussiv b'Metal Dens u Inerti); billi 450 000 persuna sfaw spostati f'pajjiżhom, b'65 700 li għadhom ifittxu rifuġju fi skejjel tal-UNWRA; billi l-popolazzjoni teħtieġ trattament psikosoċjali u appoġġ bħala kwistjoni ta' urġenza, apparti għajnuna umanitarja u medika; billi 1 400 tifel u tifla tilfu ż-żewġ ġenituri tagħhom;

C.     billi skont il-UNWRA u l-organizzazzjonijiet fuq il-post, il-livell ta' qerda huwa komparabbli biss mal-qerda ta' bliet fit-Tieni Gwerra Dinjija; billi iżjed minn 1 700 dar sfaw kompletament jew parzjalment imfarrka u 40 000 oħra ġarrbu ħsarat, 17-il sptar u kliniċi tal-kura tas-saħħa tfarrku u 136 skola tal-UNWRA ġarrbu ħsarat, 60 moskea u 13-il ċimiterju (12 Musulman u 1 Nisrani) tfarrku minħabba l-attakki bla waqfien b'missili u bombi mwaddba kemm mill-arja kif ukoll mill-baħar mill-armata Iżraeljana; billi l-provvista ta' ilma u elettriku, l-impjanti tat-trattament tad-dranaġġ, it-toroq u l-infrastruttura kollha huma milquta ħażin sal-punt li n-nuqqasijiet qed ikollhom effett ħażin fuq is-saħħa u l-ħajja tan-nies f'Gaża; billi l-UNWRA tistima li jista' jkun hemm bżonn 20 sena biex Gaża terġa' tiġi kif kienet qabel l-aħħar aggressjoni; billi ħafna proġetti ffinanzjati mill-UE sfaw imfarrka matul din l-aggressjoni, kif ukoll matul l-aggressjonijiet Iżraeljani ta' qabel fuq Gaża; billi inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones) intużaw f'dawn l-operazzjonijiet militari;

D.     billi skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO), madwar 42 000 ettaru ta' raba' sofrew ħsara sostanzjali diretta u nofs l-istokk ta' tiġieġ ta' Gaża ntief minħabba attakki diretti jew minħabba nuqqas ta' kura kaġun ta' aċċess imnaqqas għar-raba' fiż-żoni tal-fruntiera; billi s-sajjieda ta' Gaża raw il-qabda annwali tagħhom imnaqqsa bi kważi 10 %; billi tal-anqas 360 fabbrika u ħwienet tax-xogħol ġarrbu ħsarat, inklużi 126 li ġġarrfu kompletament, li jammontaw għal USD 47 000 000 f'danni; billi l-Federazzjoni Palestinjana tal-Industriji tistima telf ta' USD 70 miljun minħabba t-twaqqif tal-produzzjoni matul l-aggressjoni;

E.     billi din hija t-tielet aggressjoni militari simili kontra Gaża wara l-operazzjoni "Ċomb Maħdum" (Cast Lead) tal-2008-2009 u tal-operazzjoni "Pilastru ta' Difiża" (Pillar of Defence) ta' Novembru 2012, li ħallew madwar 3 000 Palestinjan mejta, mijiet ta' feruti u kkawżaw qerda materjali estensiva bil-konsegwenza ta' katastrofi umanitarja

F.     billi mill-2007 'l hawn, l-Iżrael applika imblokk totali tal-art, tal-ajru u tal-baħar fuq Gaża, li biddel din iż-żona ta' 365km2 f'ħabs għall-arja fejn 1.7 miljun persuna, b'1.2 miljun minnhom refuġjati, jgħixu f'kundizzjonijiet umanitarji estremi u li aggravaw ħafna b'dan l-attakk ta' 50 jum;

G.     billi l-Iżrael irrifjuta d-dħul f'Gaża għat-13 il-Membru tal-Parlament Ewropew, li kienu fuq il-post biex jivvalutaw id-dimensjonijiet tal-qerda u s-sitwazzjoni umanitarja sabiex jinfurmaw u jagħmlu pressjoni għaż-żieda fl-għajnuna tal-UE lill-UNRWA u lill-Awtoritajiet Palestinjani, li hija meħtieġa immens biex jintlaħqu l-bżonnijiet urġenti;

H.     billi matul l-istess perjodu, il-forzi Iżraeljani wettqu aktar minn 1 500 rejd militari fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, arrestaw aktar minn 1 700 Palestinjan, fosthom Membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan (PLC), inqerdu mill-inqas 50 struttura ta' proprjetà Palestinjana, 8 minnhom f'Ġerusalemm tal-Lvant okkupata, li wasslu għall-ispostament ta' 112 Palestinjan, u ġew irrappurtati mill-inqas 250 attakk min-naħa tal-insedjaturi; billi matul l-ewwel ġimagħtejn ta' Settembru, i.e. wara li ntlaħaq ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied, l-Iżrael arresta 300 Palestinjan fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-Gvern Iżraeljan qed iżid it-tensjonijiet reliġjużi f' Ġerusalemm tal-Lvant, pereżempju billi adotta liġi li tippermetti aċċess lil-Lhud għall-Moskea Al Aqsa;

I.      billi l-kostruzzjoni kompliet f'ħafna mill-insedjamenti illegali Iżraeljani fil-Palestina okkupata, u minn Ġunju 2014, 1 472 aktar unitajiet ġew approvati, li joħolqu spazju għal kważi 6 000 insedjaturi Iżraeljani ġodda, u aktar art ġiet ikkonfiskata, bl-aħħar inċident jinvolvi 170 ettaru ta' art agrikola fin-nofsinhar ta' Betlem għall-kostruzzjoni ta' 2 500 unità domestika għall-insedjaturi;

J.      billi 34 membru tal-PLC jinsabu arrestati, 32 minnhom f'detenzjoni amministrattiva; billi l-Membru tal-PLC Khalida Jarrar tinsab mhedda li tiġi deportata minn Ramallah, li huwa d-distrett tagħha, għal Ġeriko; billi dan huwa l-ewwel każ ta' theddid ta' deportazzjoni minn Żona A għal Żona A, i.e. minn u għal żona taħt il-kontroll tal-Awtorità Palestinjana skont il-Ftehimiet ta' Oslo;

K.     billi dawn l-eventi segwew it-tħabbir tal-ftehim, bejn il-partiti Palestinjani biex jifformaw gvern kunsenswali, li għeleb id-diviżjoni li kienet teżisti mill-2007; billi din kienet waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fit-taħdidiet ta' paċi mmexxija mill-Istati Uniti matul din is-sena; billi l-Prim Ministru Iżraeljan iddenunzja din l-aħbar b'dikjarazzjonijiet ħorox; billi l-gvern kunsenswali rrikonoxxa r-riżoluzzjonijiet tan-NU, il-Ftehim ta' Oslo u d-deċiżjonijiet tal-Kwartett; billi l-ħolqien tiegħu ntlaqa' tajjeb min-NU, l-Istati Uniti, l-UE u l-Kwartett;

L.     billi 20 sena wara l-Ftehimiet ta' Oslo u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħhom minn Iżrael, il-Palestinjani ma fadallhomx fiduċja fin-negozjati;

M.    billi l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-16 ta' Diċembru 2013 stqarret fost ħwejjeġ oħra li: "L-UE twissi kontra azzjonijiet li jimminaw in-negozjati. F'dan ir-rigward, tiddeplora l-espansjoni kontinwa tal-insedjamenti min-naħa tal-Iżrael, li huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu għall-paċi. Il-Kunsill jesprimi wkoll it-tħassib gravi tiegħu dwar l-inċitament, l-episodji ta' vjolenza fit-territorju okkupat, it-twaqqigħ ta' djar u d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża. L-UE tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar l-azzjonijiet li jimminaw l-istatus quo tas-siti mqaddsa, fosthom Ġerusalemm. L-Unjoni Ewropea se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u l-implikazzjonijiet usa' tagħha u taġixxi konsegwentement";

N.     billi l-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014 innota li "huwa biss ftehim finali bbażat fuq soluzzjoni ta' żewġ stati li se twassal għal paċi u stabilità fit-tul. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jinkoraġġixxi liż-żewġ partijiet biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom f’negozjati għal dan il-għan. L-Istrixxa ta’ Gaża għandha tkun parti minn Stat Palestinjan futur.";

O.     billi fid-19 ta' lulju 2013, l-UE ħarġet "Linji gwida dwar l-eliġibbiltà ta' entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 'il quddiem" (2013/C 203/05);

P.     billi l-Iżrael għadu jinjora l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja bit-titolu "Konsegwenzi ġuridiċi tal-bini ta’ ħajt fit-territorji Palestinjani okkupati" tad-9 ta' Lulju 2004;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni militari Iżraeljana fuq Gaża, il-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u umanitarju, l-użu ta’ armi pprojbiti u ġodda, u ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones), kif ukoll ta’ armi li l-użu tagħhom huwa pprojbit f’żoni densament popolati;

2.      Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi Palestinjani, li jaqbżu l-2 100;

3.      Jesprimi r-rikonoxximent tiegħu tal-importanza enormi tax-xogħol imwettaq mill-UNRWA u l-persunal kollu tagħha matul u wara l-50 jum ta’ aggressjoni; jesprimi l-kondoljanza tiegħu lill-UNRWA u lill-familji tat-12-il membru tal-persunal maqtula matul l-aggressjoni; jitlob lill-UE u lid-donaturi internazzjonali biex l-appoġġ tagħhom jiżdied b’mod sinifikanti sabiex ikopri ż-żieda tal-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni milquta, li l-UNWRA trid tlaħħaq magħhom;

4.      Jappoġġja l-isforzi biex jintlaħaq ftehim dwar waqfien mill-ġlied dejjiemi u rrispettat bis-sħiħ li għandu jkun iggarantit b’mekkaniżmu li għandu jiġi stabbilit mill-komunità internazzjonali, inkluża missjoni ta’ żamma tal-paċi taħt in-NU u t-tmiem tal-assedju; jemmen li din għandha twassal għat-tmiem tal-qtil u s-sofferenza tal-poplu Palestinjan li mill-2007 jinsab iżolat fl-Istrixxa ta’ Gaża; jitlob għat-tmiem immedjat tal-assedju ta’ Gaża, għall-aċċess immedjat u mingħajr ostakli għall-għajnuna umanitarja, b’mod partikolari biex ikunu koperti l-ħtiġijiet mediċi urġenti, kif ukoll għall-materjal ta' kostruzzjoni meħtieġ b'urġenza għar-rikostruzzjoni; jikkunsidra li l-provvista tal-elettriku minn kwalunkwe sors possibbli ma għandhiex tiġi ostakolata mill-Iżrael, liema provvista tippermetti wkoll il-forniment ta' ilma;

5.      Jitlob għall-ħelsien tal-34 membru tal-PLC eletti legalment kif ukoll tas-7000 priġunier politiku Palestinjan; jitlob għar-revoka tad-deportazzjoni deċiża fil-konfront tal-membru tal-PLC Khalida Jarrar;

6.      Jiddeplora ċ-ċaħda tad-dħul tal-Membri tal-Parlament Ewropew f’Gaża;

7.      Jiddeċiedi li jibgħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni f’Gaża biex tara b’għajnejha l-livelli ta’ qerda u l-bżonnijiet tal-popolazzjoni fir-rigward ta' għajnuna umanitarja, ilma u elettriku kif ukoll is-sitwazzjoni tal-isptarijiet, l-iskejjel u l-infrastruttura; iqis li l-PE għandu jwassal il-messaġġ lill-Awtoritajiet Iżraeljani li rifjut ieħor għad-dħul tal-MPE f’Gaża se jitqies bħala inaċċettabbli;

8.      Jitlob li jinħoloq kumitat internazzjonali biex jinvestiga d-delitti tal-gwerra mwettqa matul l-aggressjoni Iżraeljana;

9.      Jestendi l-appoġġ tiegħu lill-partiti politiċi Iżraeljani, lill-movimenti u n-nies li qed iqumu kontra l-aggressjoni Iżraeljana u jitolbu għal soluzzjoni paċifika; jinsab partikolarment imħasseb dwar id-deterjorament tal-libertà tal-espressjoni u l-qawmien tal-forzi tal-lemin estrem fl-Iżrael; iqajjem tħassib fir-rigward taż-żieda tad-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni Palestinjana li hija ta’ ċittadinanza Iżraeljana;

10.    Jitlob lill-UE biex:

a.      Tirrikjedi t-tmiem tal-okkupazzjoni Iżraeljana tax-Xatt tal-Punent, ta' Gaża u ta' Ġerusalemm tal-Lvant;

b.      Ittenni l-appoġġ tagħha għar-rikonoxximent ta' Stat Palestinjan vijabbli, indipendenti u kontingwu b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, fuq il-fruntieri tal-1967, b'għejxien fil-paċi maġenb l-Iżrael;

c.      Tikkundanna l-politika ta' kastig kollettiv kontra l-poplu Palestinjan u jitlob għat-tmiem tal-impunità tal-Iżrael fir-rigward tal-vjolazjonijiet kbar u kontinwi tad-dritt internazzjonali u umanitarju, il-Karta tan-NU u tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

d.      Titlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE biex jimplimentaw il-linji gwida tad-19 ta' Lulju 2013; titlob għal projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE tal-prodotti Iżraeljani kollha prodotti fl-insedjamenti illegali Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati;

e.      Timplimenta l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael billi tiffriża dan il-Ftehim sakemm l-Iżrael ikompli jikser id-drittijiet tal-bniedem;

f.       Timponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' armi mill-UE għall-Iżrael; tipprojbixxi l-importazzjoni tal-armi kollha mill-Iżrael għall-UE; ittemm immedjatament il-kooperazzjoni kollha mal-Iżrael fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA);

g.      Ma tagħti ebda fondi lill-entitajiet Iżraeljani mill-Orizzont 2020;

h.      Tiżvela r-riżultati tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kummissjoni f'Gaża biex ikunu evalwati d-danni kkawżati lill-proġetti ffinanzjati mill-UE matul l-aħħar aggressjoni Iżraeljana;

i        Twassal it-talba lill-Iżrael biex MPE jkollhom aċċess għall-Istrixxa ta' Gaża;

j.       Tirrikjedi li l-Iżrael jerġa' lura mid-deċiżjonijiet kollha ta' sekwestru ta' artijiet, l-ewwel u qabel kollox l-art fin-nofsinhar ta' Betlem, u ta' espansjonijiet u ta' attivitajiet tal-insedjamenti;

k.      Iżżid sostanzjalment l-ammont allokat lill-UNWRA u lill-Awtorità Palestinjana fid-dawl tad-diżastru umanitarju enormi u l-katastrofi materjali f'Gaża;

l.       Talloka fondi sostanzjali għall-irkupru tas-setturi agrikoli u tas-sajd li huma vitali għall-ħajja ta' kuljum tal-popolazzjoni;

m.     Tirrikjedi riparazzjonijiet mill-Iżrael tal-proġetti ffinanzjati mill-UE li nqerdu matul l-aggressjonijiet ripetuti kemm f'Gaża kif ukoll fix-Xatt tal-Punent;

n.      Tappoġġja t-talba magħmula mill-President Palestinjan Mahmoud Abbas biex il-Palestina titqiegħed taħt il-protezzjoni internazzjonali;

o.      Tappoġġja l-isforzi Palestinjani biex tinkiseb l-għaqda;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Gvern tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern Iżraeljan u lill-Knesset.