MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta’ Gaża u r-rwol tal-UE
16.9.2014 - (2014/2845(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Tamás Meszerics, Margrete Auken, Keith Taylor, Bart Staes, Ernest Maragall, Ernest Urtasun, Bodil Ceballos, Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Jordi Sebastià f'isem il-Grupp Verts/ALE
B8‑0113/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta’ Gaża u r-rwol tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u b'mod partikolari dik tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina[1],
– wara li kkunsidra d-delegazzjoni ad hoc tiegħu ta' Marzu 2014 dwar id-detenzjoni tal-priġunieri u d-detenuti Palestinjani,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar il-Lvant Nofsani tal-15 ta' Awwissu 2014 u tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u l-Palestina, inkluża dik tat-2 ta' Settembru 2014 dwar l-approprjazzjoni tal-art mill-Iżrael fix-Xatt tal-Punent,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Lulju 2014 u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tat-13 ta' Lulju,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Iżrael u l-Palestina huma firmatarji tagħhom,
– wara li kkunsidra l-aħħar rapporti adottati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-Territorju Palestinjan Okkupat,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch "In-Depth Look at Gaza School Attacks" tal-11 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-esperjenza vasta tal-komunità internazzjonali li tista' tintuża fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, speċjalment l-esperjenza tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi bejn it-8 ta' Lulju u s-26 ta' Awwissu 2014 l-armata Iżraeljana nediet attak fuq skala kbira fuq l-Istrixxa ta' Gaża, bl-għan iddikjarat ikun li jintemm l-isparar ta' rockets minn Gaża;
B. billi din l-aħħar gwerra tikkostitwixxi s-sitt offensiva mit-truppi Iżraeljani kontra Gaża mill-irtirar ta' Iżrael mill-Istrixxa fl-2005; billi dan wassal għal livell bla preċedent ta' devastazzjoni u ta' numru ta' vittmi f'dan it-territorju mdawwar;
C. billi fis-26 ta' Awwissu ntlaħaq ftehim ta' waqfien mill-ġlied indefinit, fuq inizjattiva tal-Eġittu, bejn l-Iżrael u l-Palestina; billi t-termini tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied allegatament jinkludu – simili għal arranġamenti għall-waqfien mill-ġlied preċedenti – it-tneħħija tal-imblokk, l-eliminazzjoni taż-żona ta' lqugħ fuq il-fruntiera bejn Gaża u l-Iżrael u li testendi għaż-żona tas-sajd, kif ukoll ftehim biex issir laqgħa fi żmien xahar fil-Kajr biex jiġu diskussi kwistjonijiet usa', inkluż ir-riabilitazzjoni ta' ajruport u port marittimu f'Gaża, il-ħelsien ta' priġunieri Palestinjani u d-diżarm ta' gruppi militanti Palestinjani;
D. billi dan il-kunflitt seħħ wara l-istabbiliment ta' gvern ta' unità Palestinjan f'April 2014 approvat mill-Ħamas u l-Fatah, li jaċċetta l-prinċipji tan-nonvjolenza, l-aderenza għall-ftehimiet tal-passat u r-rikonoxximent tal-Iżrael, u appoġġat mill-Istati Uniti u l-UE;
E. billi tliet adolexxenti Iżraeljani minn insedjamenti fix-Xatt tal-Punent inqatlu fit-12 ta' Ġunju u adolexxent Palestinjan inqatel b'ritaljazzjoni f'Ġerusalemm tal-Lvant fit-2 ta' Lulju; billi twettqet operazzjoni radikali ta' 18-il ġurnata fix-Xatt tal-Punent mill-forzi Iżraeljani fir-rigward tal-qtil tal-adolexxenti Iżraeljani, li matulha ġew arrestati 700 Palestinjan, eluf ta' djar ġew imfittxija u ħafna oħra meqruda, sitt Palestinjani ġew maqtula mill-forzi ta' sigurtà Iżraeljani waqt l-operazzjonijiet ta' tiftix u ħames membri tal-Ħamas inqatlu fis-7 ta' Lulju, li għal dan il-Ħamas wieġeb dakinhar billi spara l-ewwel rockets f'20 xahar;
F. billi skont figuri tan-NU, matul dan l-aħħar kunflitt inqatlu 2 116 Palestinjan, li 80 % tagħhom kienu ċivili, inkluż 500 tifel u tifla u 11-il persuna li kienu parti mill-persunal tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA); billi mill-inqas 11 231 Palestinjan ġew midruba, żewġ teri minnhom nisa u tfal; billi 2 000 tifel u tifla sfaw orfni bħala riżultat ta' dan il-kunflitt;
G. billi 71 Iżraeljan inqatlu, inkluż erba' ċivili, wieħed minnhom tifel; billi eluf ta' rockets u kanuni li jisparaw balal f'angolu għoli (mortars) ġew sparati lejn l-Iżrael;
H. billi l-attaki bl-ajru Iżraeljani laqtu diversi siti ċivili, inkluż 228 bini tal-iskola u 58 sptar u kliniki li ġarrbu ħsarat bħala riżultat ta' dawn l-attakki; billi 140 000 persuna tilfu djarhom; billi terz tal-popolazzjoni ta' Gaża, li hija ta' 1.8 miljuni, ġiet spostata; billi l-infrastruttura kollha ta' dan it-territorju mdawwar – toroq, bini pubbliku, ilma, dawl – hija mwiegħra u teħtieġ rikostruzzjoni, b'hekk is-sitwazzjoni, li diġà tinsab estremament prekarja, qed tiggrava minħabba l-imblokk Iżraeljan u Eġizzjan; billi mases ta' splussiv attiv għad irid jinstab u jintrema';
I. billi l-esperti Palestinjani stmaw li r-rikostruzzjoni ta' Gaża se tiswa qrib it-USD 8 biljun; billi fid-9 ta' Settembru n-NU u l-Gvern Palestinjan talbu lid-donaturi internazzjonali jipprovdu USD 550 miljun għal għajnuna alimentari, aċċess għal ilma nadif, kura tas-saħħa u edukazzjoni bħala għajnuna immedjata wara l-kunflitt reċenti; billi konferenza tad-donaturi internazzjonali għar-rikostruzzjoni ta' Gaża hija pjanata li ssir fl-Eġittu jew Gaża
J. billi għad hemm restrizzjonijiet iebsa fuq il-materjal tal-bini li jidħol f'Gaża u fuq il-moviment ta' persuni, minkejja il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied; billi s-sajjieda Palestinjani twaqqfu milli jistadu fiż-żona ta' sajd estiża; billi l-fruntiera bejn Gaża u l-Eġittu għadha trid tinfetaħ fuq bażi regolari;
K. billi l-imblokk tal-Iżrael fl-Istrixxa ta' Gaża, li ilu fis-seħħ mill-2006, huwa illegali skont id-dritt internazzjonali u, skont il-Human Rights Watch, jammonta għal kastig kollettiv kontra l-popolazzjoni ċivili, u jkompli jżid it-tbatija tal-popolazzjoni lokali;
L. billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ħatar Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta biex tinvestiga l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-kuntest ta' dan l-aħħar kunflitt f'Gaża; billi l-militar Iżraeljan ħabbar t-tnedija ta' "Fact-Finding Assessment Committee" biex jeżamina "inċidenti eċċezzjonali" li seħħew matul il-ġlied ta' dan l-aħħar; billi l-Human Rights Watch enfasizza li l-Iżrael għandu rekord twil fejn naqas milli jwettaq investigazzjonijiet kredibbli għal delitti tal-gwerra li allegatament saru minnu;
M. billi kemm gruppi Iżraeljani u Palestinjan jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ħsara kkawżata fuq bini li qed jintuża minn-NU, inklużi skejjel u faċilitajiet oħra li qed jipprovdu kenn għall-persuni spostati; billi dawn il-binjiet huma protetti mill-Konvenzjoni tal-1946 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-Iżrael huwa parti għaliha;
N. billi l-Iżrael ħallas USD 10.5 miljun f'danni lin-NU wara li nstab responsabbli, minn bord ta' inkjesta tan-NU, għal ħsara fuq bini tan-NU matul l-offensiva tal-2008-2009 f'Gaża;
O. billi n-negozjati bejn iż-żewġ naħat għal soluzzjoni komprensiva tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina ġew sospiżi sine die, wara li l-Gvern Iżraeljan ma żammx l-impenn li kien ħa biex jinħelsu l-aħħar grupp ta' priġunieri Palestinjani f'April 2014;
P. billi fil-31 ta' Awwissu l-Gvern Iżraeljan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jikkonfiska 1 000 tomna art Palestinjana fix-Xatt tal-Punent li hi ta' propjetà privata, li skont l-NGO Iżraeljana Peace Now tikkostitwixxi l-akbar ħatfa ta' art fi 30 sena; billi wara l-Ftehimiet ta' Oslo l-insedjamenti Iżraeljani fit-Territorji Okkupati komplew jespandu mingħajr xkiel, iżda skont id-dritt internazzjonali huma illegali u jimminaw l-isforzi għall-paċi u l-vijabilità ta' soluzzjoni ta' żewġ stati;
Q. billi l-President tal-Awtorità Palestinjana Abbas iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi skeda, permezz tan-NU, biex tintemm l-okkupazzjoni Iżraeljana fit-territorju Palestinjan fi żmien tliet snin; billi l-Lega Għarbija appoġġat dan il-pjan ta' azzjoni u sejjħet għal konferenza internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni finali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;
R. billi evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mat-Territorju Palestinjan Okkupat u l-appoġġ lill-poplu Palestinjan, imwettaq f'isem il-Kummissjoni f'Mejju 2014, ikkonkludiet li l-paradigma attwali ta' kooperazzjoni kienet laħqet il-limiti tagħha fin-nuqqas ta' linja politika parallela mill-UE biex tindirizza l-ostakli maħluqa mill-politiki ta' okkupazzjoni u insedjament Iżraeljani u mid-diviżjoni politika fix-Xatt tal-Punent u Gaża;
S. billi l-esperjenzi preċedenti ta' suċċess fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti min-naħa tal-Istati Membri tal-UE, partikolarment il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, jippermetti li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina billi tuża kemm soluzzjonijiet istituzzjonali u wkoll dawk politiċi li ġew żviluppati waqt kunflitti preċedenti;
1. Jikkundanna l-isproporzjonalità u l-brutalità tal-vjolenza tal-aħħar gwerra f'Gaza, kif ukoll vjolazzjonijiet gravi u multipli tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa matul dawn il-50 ġurnata orribbli ta' gwerra miż-żewġ partijiet fil-kunflitt armat;
2. Jilqa l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied indefinit, iżda jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex b'mod effettiv jimplimentaw it-termini milħuqa taħt dan il-ftehim; b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex b'mod immedjat, inkondizzjonat u komplet ineħħi l-imblokk illegali fl-Istrixxa ta' Gaża, li mill-2006 ikkostitwixxa kastig kollettiv kontra l-popolazzjoni ċivili;
3. Jibqa' ferm maħsud mit-telf traġiku ta' ħafna ħajjiet, inklużi dawk ta' ħafna tfal, u bid-devastazzjoni kkawżata lill-infrastruttura ċivili f'Gaża; jesprimi s-solidarjetà tiegħi mal-vittmi fuq iż-żewġ naħat;
4. Jinsisti fuq il-ħtieġa li assistenza umanitarja u materjal ta' rikostruzzjoni jitħallew jidħlu u jitqassmu mingħajr xkiel madwar Gaża; jitlob lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE bex iżidu l-pressjoni diplomatika sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-arranġament għall-waqfien mill-ġlied;
5. Jiddeplora l-finanzjament insuffiċjenti li ġie propost għall-UNRWA fil-baġit tal-UE għall-2015 u jappella biex l-appoġġ tal-UE ikun proporzjonat mal-ħtiġijiet kritiċi fuq l-art;
6. Iwissi li kwalunkwe sforz ta' rikostruzzjoni se jkun insinifikanti jekk l-kawżi ewlenin tal-kunflitt ma jiġux indirizzati, u jħeġġeġ lill-partijiet biex jerġgħu jiltaqgħu fil-Kajr fi żmien qasir, bħala parti mill-arranġament għall-waqfien mill-ġlied;
7. Jistieden lid-donaturi biex ma jirrepetux l-iżball li sar fi sforzi ta' rikostruzzjoni preċedenti fejn rappreżentanti bbażati f'Gaża ġew esklużi mill-proċess;
8. Jinsab imħasseb li proġetti ta' żvilupp f'Gaża ffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri setgħu nqerdu jew ġarrbu ħsarat mill-offensiva Iżraeljana, u jitlob lill-VP/RGħ biex jirrapporta dwar il-valutazzjoni tad-dannu li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni u, jekk dan jiġi kkonfermat, dwar pjanijiet biex l-Iżrael jirrispondi għall-qerda ripetuta ta' proġetti ffinanzjati mill-UE; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-Gvern Iżraeljan ikkumpensa lill-UNRWA għall-ħsara kkawżata lil bini ta' din tal-aħħar matul il-kunflitt tal-2008-2009;
9. Jenfasizza li r-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha jibqa' prekondizzjoni essenzjali biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema; jissottolinja r-responsabilità partikolari tal-Iżrael, bħala s-setgħa okkupanti, li tikkonforma mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
10. Jikkundanna l-immirar indiskriminat ta' ċivili u objettivi ċivili miż-żewġ partijiet, li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra u għalhekk għandhom jiġu investigati b'mod imparzjali u kkastigati kif suppost; jesprimi rabja partikolari dwar l-attaki li saru b'mod deliberat jew indiskriminat fuq skejjel jew xelters għar-refuġjati tan-NU minn forzi Iżraeljani;
11. Jenfasizza li r-ritorn għal status quo ante ikun inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jerġgħu jibdew it-taħditiet għall-paċi b'aktar premura; itenni l-fehma tiegħu li m'hemmx alternattiva oħra għajr għal soluzzjoni negozjata tal-kunflitt li twassal għal soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-istat Iżraeljan u dak Palestinjan jgħixu biswit xulxin fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti internazzjonalment, ibbażati fuq il-qafas tal-1967;
12. Jiddenunzja, b'impunità sħiħa, l-politiki ta' evizzjoni kontinwi fuq il-poplu Palestinjan, inklużi, aktar reċentament, l-akbar approprjazzjoni ta' art Palestinjana fix-Xatt tal-Punent fl-aħħar tletin sena, ftit jiem biss wara l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied; jitlob lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament iwaqqfu u jreġġgħu lura l-politika ta' insedjament tagħhom, inklużi pjanijiet għaċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjonijiet Bedwini;
13. Jitlob lill-UE biex b'mod urġenti tadotta linji gwida għat-tikkettar għall-konsumaturi ta' prodotti mill-insedjamenti; jappella biex prodotti mill-insedjamenti jiġu esklużi mis-suq Ewropew; jiddeplora l-involviment ta' negozju kontinwu minn kumpaniji bbażati fl-UE mal-insedjamenti u fl-insedjamenti Iżraeljani;
14. Jitlob valutazzjoni komprensiva, ikkoordinata mill-VP/RGħ, tal-involviment ta' kumpaniji Ewropej f'negozju relatat mal-insedjamenti u mal-kompatibilità tagħhom mad-dritt internazzjonali u tal-UE;
15. Jilqa' l-passi inkoraġġanti lejn rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana u l-formazzjoni ta' gvern teknokratik, li nkiseb qabel l-offensiva militari Iżraeljana; jitlob lill-forzi Palestinjani kollha biex jerġgħu jibdew l-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni; jiddenunzja tentattivi li jimminaw dan il-proċess potenzjalment storiku u jitlob lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jeħilsu lil dawk kollha arrestati mit-12 ta' Ġunju jew inkella jakkużawhom b'reat kriminali rikonxxut;
16. Jilqa' s-sospensjoni tal-esportazzjoni tal-armi lejn l-Iżrael minn Spanja f'Awwissu, u jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Gvern tar-Renju Unit biex iwettaq rieżami tal-esportazzjoni tal-armi tiegħu lejn l-Iżrael; jiddeċiedi li jwettaq rapport dwar il-kummerċ tal-armi u tagħmir ieħor ta' sigurtà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Iżrael/il-Palestina, u l-kompatibilità ta' tali kummerċ mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE; jitlob lill-FRONTEX biex jeskludi lill-industrija tal-armi Iżraeljana, inklużi l-Israel Aerospace Industries u Elbit, mill-fornituri tagħha; jitlob għal embargo tan-NU fuq l-armi komprensiv għall-partijiet kollha fir-reġjun sabiex jiġu evitati aktar vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Jiddeplora l-astensjoni tal-UE mill-istabbiliment ta' Kummissjoni Indipendenti ta' Inkejsta tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-isforzi li għaddejjin minn uħud mill-Istati Membri tal-UE biex jiskoraġġixxu lill-President tal-PA Abbas mill-adeżjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iqis li tali mġiba sfaċċatament timmina l-kredibilità tal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE u dikjarazzjonijiet tagħha dwar ir-responsabilità u l-ġustizzja internazzjonali;
18. Jistieden lill-UE tipprovdi l-appoġġ finanzjarju u politiku sħiħ tagħha għall-ħidma tal-Kummissjoni ta' Inkjesta; jappella lill-Iżrael biex jippermetti l-aċċess bla xkiel madwar iż-żona ta' kunflitt; jappella lill-Gvern Palestinjan biex b'mod inekwivoku jitlob lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) biex testendi l-ġurisdizzjoni tagħha għax-Xatt tal-Punent u Gaża sabiex tippermetti l-prosekuzzjoni ta' reati internazzjonali serji mwettqa miż-żewġ naħat;
19. Jistieden lill-UE tissodisfa r-responsabilitajiet tagħha bħala attur influwenti u biex tieħu inizjattiva ċara u komprensiva ta' paċi għar-reġjun, ibbażata fuq is-suċċessi preċedenti miksuba mill-Istati Membri tal-UE fil-qasam tar-riżoluzzjoni strateġika tal-kunflitti, l-aktar notevoli jkun dak fil-qafas tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, u bl-użu tal-forom kollha ta' ingranaġġ, partikolarment dawk legali, ekonomiċi u diplomatiċi, għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi r-rispett effettiv tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jistieden lill-UE tiżviluppa approċċ greenfield mal-politika ta' impenn attwali tagħha mal-atturi ewlenin tar-reġjun sabiex tagħti l-mezzi lilha nnifisha biex twettaq aġenda ta' paċi ambizzjuża;
20. Jistieden lill-UE tiżviluppa dokument ta' politika strateġiku li jiddeskrivi parametri ċari u marbutin mal-ħin, ibbażati fuq id-dritt internazzjonali, li għandu jiddetermina n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-impenn tagħha mal-Iżrael u l-Palestina, kif ukoll jgħin biex jiżgura li l-politiki tagħha lejn dawn l-entitajiet ikunu kompletament konformi mal-qafas legali internazzjonali u tal-UE;
21. Iqis li l-livell ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali milħuq matul il-kunflitt f'Gaża u l-annessjoni tal-art ta' dan l-aħħar mill-Iżrael titlob azzjoni mill-UE skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael;
22. Jiddeċċiedi li jibgħat delegazzjoni ad hoc lejn Gaża/il-Palestina u lejn l-Iżrael sabiex jivvaluta s-sitwazzjoni fil-post, l-implimentazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied u l-prospetti għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern tal-Iżrael, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-korpi tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.
- [1] Testi adottati, P8_TA (2014)0012.