Proċedura : 2014/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0114/2014

Testi mressqa :

B8-0114/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0026

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 141kWORD 70k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0107/2014
16.9.2014
PE537.016v01-00
 
B8-0114/2014

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))


Knut Fleckenstein, Kathleen Van Brempt, Norbert Neuser, Matthias Groote, Enrique Guerrero Salom, Linda McAvan, Maria Arena, Marlene Mizzi, Tonino Picula, Nicola Caputo, Christel Schaldemose, Gilles Pargneaux, Kashetu Kyenge, Liisa Jaakonsaari, Glenis Willmott, Andi Cristea, Vilija Blinkevičiūtė f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))  
B8‑0114/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' "emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali" tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għar-Rispons tal-Ebola tal-WHO tat-28 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Africa mill-Kummissarju għas-saħħa, Tonio Borg tat-8 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra il-missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), 'Appoġġ mill-Unjoni Afrikana għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent' (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta' Awissu 2014,

–       wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Marda tal-Virus tal-Ebola (EVD), li qabel kienet magħrufa bħala d-deni emorraġiku Ebola, hija marda severa, ħafna drabi fatali fil-bniedmin;

B.     billi, mit-tfaqqigħ tal-Ebola li ġie ddikjarat uffiċjalment fit-22 ta' Marzu 2014 fil-Ginea, dan laħaq 4 pajjiżi oħra (Liberja, Niġerja, Sierra Leone u Senegal), affettwa kważi 4 000 persuna u kkawża 'l fuq minn 2000 mewta;

C.     billi l-epidemija qed taċċellera malajr u tinfirex fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent, għalkemm qed iseħħ tfaqqigħ separat tal-virus anke fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

D.     billi l-WHO tirrikonoxxi li t-tfaqqigħ ġie sottovalutat u tistima li l-għadd ta' pazjenti jista' mur oltra l-20,000 tul it-3 xhur li ġejjin;

E.     billi l-WHO ħabbret li dan huwa l-ikbar tfaqqigħ f'termini ta' każijiet, imwiet u kopertura ġeografika, u ddikjarat il-kriżi bħala "emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali" li titlob rispons internazzjonali kkoordinat;

F.     billi l-pjan direzzjonali tal-WHO jelenka għadd ta' miżuri ferm konkreti u immedjati bl-għan li jwaqqfu t-trażmissjoni tal-Ebola madwar id-dinja fi żmien 6 jew 9 xhur, filwaqt li jġestixxu malajr il-konsegwenzi ta' kwalunkwe tixrid internazzjonali u jirrikonoxxu l-ħtieġa li, b'mod parallel, jiġi indirizzat l-impatt soċjoekonomiku usa' tat-tfaqqigħ;

G.     billi l-iktar NGOs attivi fil-post, il-Médecins Sans Frontières u l-International Federation of Red Cross u r-Red Crescent Societies, qed jikkritikaw l-isforzi internazzjonali billi qalu li dawn huma inadegwati b'mod perikoluż, peress li kapaċitajiet ferm limitati fil-post qed jirriżultaw f'nuqqasijiet kritiċi fl-aspetti kollha tar-rispons: kura medika ta' appoġġ, taħriġ tal-persunal tas-saħħa, kontroll tal-infezzjonijiet, traċċar tal-kuntatti, sorveljanza epidemoloġika, twissija u sistemi ta' riferiment, edukazzjoni komunitarja u mobilizzazzjoni;

H.     billi d-dipartiment tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili wiegħed aktar minn EUR 147 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex irażżan it-tixrid tal-virus, jipprovdi trattament u tagħmir bżonnjuz ħafna lil persuni infettati u jiskjera esperti umanitarji;

I.      billi EUR 11.9 miljun biss mill-EUR 147 miljun mwiegħda speċjalment jindirizzaw uħud mill-aktar bżonnijiet umanitarji urġenti;

J.      billi l-Kummissjoni qed timmonitora s-sitwazzjoni permezz taċ-Ċentru tagħha għall-Koordinament tar-Rispons għal Emerġenza, li għandu jservi ta' pjattaforma għall-koordinament tal-assistenza tal-UE;

K.     billi l-Istati Membri tal-UE għandhom il-kapaċità li jimmobilizzaw timijiet ta' rispons immedjat biex jiżguraw djanjosi bikrija, iżolament (każijiet suspetti u każijiet ikkonfermati fi swali differenti), il-monitoraġġ ta' persuni f'kuntatt u li jintraċċaw katini ta' trażmissjoni, miżuri ta' dfin, edukazzjoni u appoġġ lokali;

L.     billi l-pajjiżi affettwati diġà jsofru minn nuqqasijiet ta' ikel u ilma nadif u kollass ekonomiku kkawżat minn ostakli fil-kummerċ, it-titjiriet kummerċjali u l-ħidma tal-ħsad, wara t-tfaqqigħ tal-epidemija, u dan iwassal għal problemi soċjali, ħarb, ġenn, theddid lill-ordni pubbliku u tifrix ulterjuri tal-virus;

M.    billi r-riskju ta' trażmissjoni tal-virus tal-Ebola fi ħdan il-fruntieri tal-UE huwa baxx;

N.     billi l-marda żvelat l-inadegwatezza serja tas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi milqutin u l-bżonn urġenti ta' appoġġ biex jissaħħu;

1.      Jilqa' u jħeġġeġ iż-żieda kontinwa fl-impenn finanzjarju tal-Kummissjoni f'termini ta' għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp b'rispons għall-kriżi, u speċjalment f'termini ta' appoġġ għall-missjoni ASEOWA tal-Unjoni Afrikana;

2.      Jilqa' l-ħidma li qed issir fil-post mill-organizzazzjonijiet sħab;

3.      Ifakkar lill-Istati Membri li l-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-pajjiżi affettwati mgħandhiex tkun askapitu tal-għajnuna għall-iżvilupp fit-tul iżda, minflok, għandha tkun kumplimentari;

4.      Jiddispjaċih dwar is-sottovalutazzjoni tal-kriżi min-naħa tal-Istati Membri u tad-dewmien fil-provvista ta' strateġija kkoordinata adegwata;

5.      Iħeġġeġ li ssir laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi strateġija biex jiġi mmobilizzat rispons mediku biex tingħata għajnuna umanitarja mill-Istati Membri skont il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni

6.      Jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u pjanijiet speċifiċi għall-pajjiż biex tiddetermina u tikkoordina d-domanda u l-użu fir-rigward tal-persunal ikkwalifikat fil-qasam tas-saħħa, laboratorji mobbli, tagħmir tal-laboratorju, ħwejjeġ protettivi u ċ-ċentri ta' trattament ta' swali ta' iżolament;

7.      Jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-kollaborazzjoni xjentifika u l-appoġġ teknoloġiku fiż-żoni affettwati minn dan it-tfaqqigħ, bl-għan li jiġu stabbiliti infrastrutturi kliniċi, epidemoloġiċi u dijanjostiċi u tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tal-persunal lokali;

8.      Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm kuntatt mill-qrib mal-ECDC, il-WHO u l-Istati Membri permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa;

9.      Jikkunsidra l-pjan direzzjonali għar-Rispons tal-Ebola tal-WHO bħala bażi għall-attivitajiet ta' prijorità, speċjalment ir-rispons differenzjat tal-pajjiżi b'trażmissjoni mxerrda ħafna, każijiet inizjali u pajjiżi ġirien fejn il-preparamenti għandhom jiġu msaħħa;

10.    Jistieden lill-Istati Membri biex jikkordinaw titjiriet u jistabbilixxu pontijiet tal-arja li huma dedikati għaċ-ċaqliq ta' persunal u tagħmir tas-saħħa lejn il-pajjiżi affetwati u fi ħdan ir-reġjun, u biex jipprovdu evakwazzjoni medika jekk hi neċessarja;

11.    Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jappoġġaw u jħeġġu lill-Unjoni Afrikana fir-rigward tal-bżonn għal pjan ta' azzjoni olistiku, billi s-sitwazzjoni qed tibqa' tiddeterjora malajr u qed taffettwa l-ekonomija kif ukoll l-ordni pubbliku fil-pajjiżi kkonċernati;

12.    Jenfasizza li l-kriżi attwali ma tistax tissolva mis-sistemi tas-saħħa waħedhom, iżda li hemm bżonn ta' approċċ ikkonċertat li jinvolvi d-diversi setturi (kura tas-saħħa, edukazzjoni u taħriġ, sanitazzjoni, għajnuna għall-ikel) biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kritiċi fis-servizzi essenzjali kollha;

13.    Jitlob lill-Istati Membri kollha jwettqu kontroll tal-infezzjonijiet skrupuluż u, b'kooperazzjoni mal-ECDC, jipprovdu informazzjoni iktar kompluta lill-pubbliku dwar ir-riskji;

14.    Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw u jsaħħu r-riċerka medika u l-produzzjoni ta' mediċini effiċjenti u titqib kontra l-Ebola;

15.    Jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet approfonditi għat-taffija tal-konsegwenzi fit-tul tal-epidemija u jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi affettwati sabiex jiġi evitat tfaqqigħ simili;

16.    Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza