MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola
16.9.2014 - (2014/2842(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD
B8‑0115/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-Rapport "Ħajja Dinjituża għal Kulħadd", ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fil-25 ta' Settembru 2013, u d-dokument li ħareġ minnu adottat mill-istati membri tan-NU, li fih il-mexxejja dinjija ġeddew l-impenn tagħhom biex jilħqu l-miri tal-MDG,
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra il-missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), 'Appoġġ mill-Unjoni Afrikana għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent' (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta' Awissu 2014,
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali maħruġ fit-28 ta' Awwissu 2014 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal rispons imsaħħaħ għat-tfaqqigħ tal-Ebola,
– wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tan-NU ta' mexxejja mlaħħqin f'Washington fit-3 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa tal-Grupp ta' Sħab tal-UA dwar l-Ebola li saret f'Addis Ababa (Etjopja) fit-8 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissarji Kristalina Georgieva u Andris Piebalgs dwar l-appoġġ tal-UE għall-missjoni tal-Unjoni Afrikana biex tegħleb l-Ebola fit-8 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tfaqqigħ tal-virus tal-Ebola beda fil-Ginea f'Diċembru 2013, iżda ma ġiex identifikat sa Marzu 2014, u wara dan infirex għal-Liberja, is-Sierra Leone, in-Niġerja u s-Senegal;
B. billi l-Afrika tal-Punent għadha tikkostitwixxi l-iktar reġjun milqut;
C. billi s-sitwazzjoni għadha qed tiddeterjora rapidament u hemm ir-riskju li taffettwa lill-ekonomija kif ukoll lill-ordni pubbliku fil-pajjiżi kkonċernati;
D. billi t-tfaqqigħ tal-Ebola qed jiġġenera wkoll bżonnijiet umanitarji sekondarji, b'rabta fost l-oħrajn mal-ikel, l-ilma nadif u s-sanitazzjoni;
E. Bbilli hemm provi qawwijin li l-Ebola tista' tiġi pprevenuta permezz ta' ammont minimu ta' prekawzjonijiet u informazzjoni mogħtija lill-persuni, li jistgħu jnaqqsu l-infezzjonijiet ġodda; billi, għalkemm il-virus tal-Ebola huwa kontaġjuż ħafna, dan ma jtirx fil-partiċelli tal-ajru u t-trażmissjoni tirrikjedi kuntatt mill-qrib mal-likwidi tal-ġisem tal-persuna infettata, bħal permezz ta' proċeduri tal-kura tas-saħħa, il-kura fid-dar jew postijiet tradizzjonali tad-dfin li jinvolvu kuntatt mill-qrib tal-membri familjari u l-ħbieb mal-katavru;
F. billi fil-5 ta' Settembru 2014, il-WHO u ċ-Ċentru għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (CDC) irrappurtaw ammont totali ta' 3967 każ suspett u 2105 mewt;
G. billi l-għadd ta' persuni infettati mill-virus tal-Ebola għadu qed jikber kull jum li jgħaddi;
H. billi l-WHO tirrikonoxxi li t-tfaqqigħ ġie sottovalutat u tistima li l-għadd ta' pazjenti jista' mur oltra l-20,000 tul it-3 xhur li ġejjin;
I. billi l-pajjiżi affettwati ħabbtu wiċċhom ma' bosta diffikultajiet meta ppruvaw jikkontrollaw it-tixrid tal-epidemija tal-Ebola;
J. billi bosta miż-żoni infettati huma żoni ta' faqar estrem li lanqas m'għandhom ilma jew sapun biex jikkontrollaw it-tixrid tal-marda;
K. billi xi sptarijiet m'għandhomx il-provvisti bażiċi u m'għandhomx biżżejjed persunal, u dan żied il-probabilitajiet li l-persunal jittieħed huwa nnifsu;
L. billi 10% tal-imwiet kien ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa, u l-WHO tirrapporta li t-telf ta' tant ħaddiema tas-saħħa qed jagħmilha diffiċli li jiġi reklutat biżżejjed persunal mediku barrani;
M. billi fl-Afrika tal-Punent, il-każijiet u l-imwiet għadhom qed jiżdiedu, qed ikun hemm il-ġlied fit-toroq, iċ-ċentri ta' iżolament għandhom wisq nies, ħaddiema tal-kura tas-saħħa qed jiġu infettati u qed imutu f'għaddijiet xukkanti filwaqt li oħrajn ħarbu bil-biża' u ħallew il-persuni mingħajr kura saħansitra għal mard komuni, u s-sistema tal-kura tas-saħħa kollha kemm hi sfaxxat;
N. billi ċ-ċentri ta' trattament tal-Ebola ġew ridotti għal postijiet fejn il-persuni jmorru biex imutu waħedhom, u tiġi offruta kura mhux wisq iktar minn kura palljativa; billi huwa impossibbli li wieħed ilaħħaq mal-għadd ta' persuni infettati li jidħlu fil-faċilitajiet, u fis-Sierra Leone, l-iġsma infettati qed jimmuffaw fit-toroq;
O. billi, apparti t-telf tal-ħajja, it-tfaqqigħ tal-Ebola għandu għadd ta' konsegwenzi ekonomiċi negattivi;
P. billi l-montijiet u l-ħwienet qed jagħlqu dovut għar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, l-eżistenza ta' korduni sanitarji, jew il-biża' mill-kuntatt uman, u dan qed iwassal għal telf fid-dħul għall-produtturi u l-kummerċjalisti;
Q. billi l-moviment tal-persuni lilhinn miż-żoni affettwati iddisturba l-attivitajiet agrikoli;
R. billi bosta kumpaniji tal-ajru esperjenzaw traffiku mnaqqas u ssospendew titjiriet lejn ir-reġjun;
S. billi l-kumpaniji barranin tal-minjieri irtiraw persunal mhux essenzjali, ipposponew l-investiment u naqqsu l-operazzjonijiet;
T. billi t-tfaqqigħ qed iqiegħed pressjoni fuq il-finanzi tal-gvernijiet, u s-Sierra Leone qed juża t-teżorerija biex jiffinanzja l-ġlieda kontra l-virus;
U. billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) wissiet li t-tfaqqigħ jista' jipperikola l-ħsad u s-sikurezza tal-ikel fl-Afrika tal-Punent;
V. billi d-dipartiment tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili wiegħed aktar minn EUR 147 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex irażżan it-tixrid tal-virus, jipprovdi trattament u tagħmir bżonnjuz ħafna lil persuni infettati u jiskjera esperti umanitarji;
W. billi EUR 11.9 miljun biss mill-EUR 147 miljun mwiegħda speċjalment jindirizzaw uħud mill-aktar bżonnijiet umanitarji urġenti;
1. Jilqa' u japprezza l-ħidma li qed isseħħ mill-NGOs kollha involuti, u b'mod partikolari dik tal-Médecins sans Frontières, l-ikbar NGO li qed taħdem biż-żoni affettwati, kif ukoll dik ta' Emergency, Samaritan’s Purse u ta' oħrajn;
2. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-mexxejja mlaħħqin tan-NU dwar l-Ebola li saret f'Washington DC fit-3 ta' Settembru 2014, li tgħid li huwa possibbli li jitwaqqaf it-tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent fi żmien 6 jew 9 xhur, iżda unikament jekk jiġi implimentat rispons globali tal-massa;
3. Jiddispjaċih dwar is-sottovalutazzjoni tal-kriżi min-naħa tal-Istati Membri u tad-dewmien fil-provvista ta' strateġija kkoordinata adegwata;
4. Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li tipprovdi fondi ta' EUR 5 miljuni lill-missjoni li għadha kemm ġiet stabbilita tal-UA, ‘Appoġġ għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent’ (ASEOWA), li se tingħaqad mal-isforzi li qed isiru biex jiġi limitat it-tixrid tal-marda fir-reġjun, kif imħabbar fil-laqgħa tal-Grupp ta' Sħab tal-UA dwar l-Ebola li saret f'Addis Ababa (Etjopja);
5. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistemi ta' kontroll biex tiżgura li l-baġit sħiħ allokat lit-twaqqif tat-tfaqqigħ tal-Ebola jintuża realment biex tiġi miġġielda l-epidemija fil-pajjiżi affettwati mill-virus, u mhux għal skopijiet oħra;
6. Iħeġġeġ li ssir laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi strateġija biex jiġi mmobilizzat rispons mediku biex tingħata għajnuna umanitarja mill-Istati Membri skont il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni;
7. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu b'rabta mal-fatt li, minbarra t-telf ta' ħajjiet, it-tfaqqigħ għandu għadd ta' impatti ekonomiċi sinifikanti oħra;
8. Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-turiżmu qed jiġi affettwat direttament fil-pajjiżi affettwati, filwaqt li pajjiżi Afrikani oħra mhux affettwati direttament mill-virus ukoll irrappurtaw effetti negattivi fuq it-turiżmu, li huwa sors ewlieni ta' dħul finanzjarju f'dawk il-pajjiżi;
9. Jinnota li x-xejriet ta' tkabbir ekonomiku naqsu, billi evalwazzjoni inizjali mill-Bank Dinji /FMI għall-Ginea ħabbar tnaqqis ta' 1% fit-tkabbir tal-PDG, minn 4.5% għal 3.5%;
10. Iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' pjan direzzjonali ġdid tal-WHO għall-koordinazzjoni u ż-żieda fir-rispons internazzjonali sabiex jiġu megħjuna l-pajjiżi affettwati biex itemmu t-trażmissjoni li qed iseħħ;
11. Ifakkar li l-pjan direzzjonali tal-WHO se jiġi kkumpletat bl-iżvilupp ta' pjattaforma operattiva madwar in-NU, u jitlob bhekk lin-NU biex isawru l-pjan il-ġdid għar-reġjun; jenfasizza l-bżonnijiet urġenti jinkludu komunikazzjonijiet u messaġġi, kura għall-persuni infettati u dfin adegwat, dijanjożi u traċċar tal-kuntatti, servizzi tas-saħħa għal mard ieħor, trasport u provvista, flus għall-ħlas tal-ħaddiema tas-saħħa, servizzi mediċi għal trasportaturi, aċċess bl-ajru u bil-baħar, u koordinazzjoni mill-qrib sabiex jiġu previsti kriżijiet ekonomiċi;
12. Iħeġġeġ l-eżekuzzjoni ta' bosta pjanijiet internazzjonali (NU, WHO u UE - rispons, pjan direzzjonali u pjan ta' azzjoni), peress li kważi 40% tal-għadd totali ta' każijiet rapportati seħħew fl-aħħar 3 ġimgħat;
13. Jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa biex iżommuhom importati dwar l-aħħar żviluppi u jiżguraw is-sinkronizzazzjoni tal-miżuri;
14. Jenfasizza l-fatt li l-mobilizzazzjoni ta' appoġġ finanzjarju internazzjonali u ta' persunal tas-saħħa addizzjonali tikkostitwixxi prijorità ewlenija għaż-żieda fir-rispons internazzjonali;
15. Jemmen li l-informazzjoni u l-komunikazzjoni jikkostitwixxu aspett importanti tal-ġlieda kontra t-tfaqqigħ tal-Ebola;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Unita u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).